Sentejn mill-attakki terroristiċi orribbli tas-7 ta' Ottubru f'Iżrael mill-Ħamas, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-alternattiva għall-gwerra perpetwa trid tinħataf.
Bħall-bieraħ sentejn f’Iżrael kienu ġraw l-attakki terroristiċi tal-waħx tas-7 ta’ Ottubru minn Ħamas. Fihom inqatlu 1 200 ruħ u 251 persuna kienu ttieħdu bħala ostaġġi, ħafna minnhom għadhom fil-mini taħt Gaża. Dik id-data se tibqa’ għal dejjem sinonimu ta’ att infami fl-istorja ta’ żmienna.
L-attakk qanqal ċiklu ta’ gwerra u vjolenza li ħasad il-ħajja ta’ għexieren ta’ eluf, u s-sitwazzjoni fil-post għadha kritika.
Tant u tant postijiet inqerdu. Tant u tant nies issa jafu x’inhuma l-ġuħ u l-gwerra. Għal dawk l-ommijiet kollha li ilhom jistennew 730 ġurnata biex jirċievu kwalunkwe aħbar dwar id-destin ta’ wliedhom, il-kunċett ta’ żmien sar piż ieħor fuq spallejhom.
Issa fuq il-mejda hemm pjan ta’ paċi reali u komprensiv li joffri qafas favur il-paċi, l-istabbiltà u r-rikostruzzjoni f’Gaża. Pjan biex sa fl-aħħar dawk l-ostaġġi kollha fil-mini ta’ Ħamas ikunu jistgħu jmorru lura f’darhom. Pjan li jżomm ħajja s-soluzzjoni ta’ żewġ Stati. Pjan li jtaffi t-tbatija li naraw.
Naf li dan se jkun suġġett ta’ dibattitu tagħna aktar tard f’din is-sessjoni, iżda dan huwa mument deċiżiv li fl-aħħar jista’ jġib fi tmiemu ċ-ċiklu interġenerazzjonali ta’ tixrid ta’ demm, terrur u vjolenza. Teżisti alternattiva ċara għall-gwerra perpetwa. Dik l-alternattiva jeħtiġilna naħtfuha.