Illum il-Parlament Ewropew immarka l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza Kontra n-Nisa. Fid-diskors tagħha, il-President Metsola qalet li dan huwa mument biex naġixxu u nonoraw lin-nisa u l-bniet kollha li tilfu ħajjithom, lil dawk li baqgħu ħajjin u lil dawk kollha li jkomplu jsofru, ħafna drabi fis-skiet.
Għeżież kollegi,
Illum infakkru l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa. Illum ifakkarna fir-responsabbiltà tagħna biex nirrispondu għas-sejħa għall-azzjoni. Huwa mument biex naġixxu u nagħtu ġieħ lin-nisa u lill-bniet kollha li tilfu ħajjithom, lil dawk li rnexxielhom jibqgħu ħajjin u lil dawk kollha li għadhom ibatu, spiss wisq fis-skiet.
Illum nerġgħu nimpenjaw ruħna fir-rwol kburi ta’ din il-Kamra biex taqbeż għan-nisa kullimkien. Din il-ġimgħa, il-Parlament tagħna huma mdawwal bil-lewn oranġjo. Dawl għal kull mara u kull tifla li batew. Wegħda lil kull mara u lil kull tifla li jistħoqqilhom is-sigurtà, id-dinjità u ħajja mingħajr biża’. Lin-nisa nafulhom aktar minn sensibilizzazzjoni, nafulhom il-bidla.
Jien kburija bil-passi li għamlet din il-Kamra. Adottajna leġiżlazzjoni li tikkriminalizza aktar forom ta’ abbuż abbażi tal-ġeneru kemm online kif ukoll offline. Issa, trid tiġi implimentata. U flimkien nistgħu tassew nagħmlu saħansitra aktar.
Fl-Ewropa, iċ-ċifri jkexkxuk. 30% tan-nisa għaddew minn xi forma ta’ vjolenza fiżika jew sesswali. Dan mhuwiex aċċettabbli.
Jeħtiġilna nagħmlu aktar. Jeħtiġilna nagħmlu aktar għal kull Giulia, għal kull Paulina, għal kull Bernice, għal kull Ashling li nqatlu fl-Ewropa tagħna għax kienu nisa.
Jeħtiġilna nagħmlu aktar għal kull waħda li rnexxielha tibqa’ ħajja, bħal Gisèle fi Franza u Ana Bella fi Spanja, li ma ċedewx u kellhom il-kuraġġ jiksru s-silenzju.
Jeħtiġilna nagħmlu aktar għal kull mara.