Irridu nissimplifikaw u nnaqqsu l-burokrazija - Metsola tiftaħ il-Ġimgħa tal-UE tal-Bliet u r-Reġjuni  

 

Irridu nissimplifikaw u nnaqqsu l-burokrazija - Metsola tiftaħ il-Ġimgħa tal-UE tal-Bliet u r-Reġjuni  

Brussell  
 
 

Fil-ftuħ tal-Ġimgħa tal-UE tal-Bliet u r-Reġjuni, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Ewropa trid tappoġġja l-familji u twiegħed opportunitajiet lill-ġenerazzjonijiet iżgħar u dan jippermetti lill-industriji Ewropej isibu l-avvanz kbir li jmiss.

       

Kummissarju Fitto, għażiż Raffaele, 
President Tüttő, għażiża Kata, 
Għeżież ħbieb,
Għeżież kollegi,

Merħba fil-Parlament Ewropew. Meta nħares madwari llum, nara l-Ewropa fl-azzjoni. F’din il-Kamra, il-kliem “Insawru l-futur, ilkoll flimkien” mhuwiex biss slogan – dan huwa dak li nagħmlu ta’ kuljum fl-isforz tagħna biex nibnu Ewropa lokali aktar ambizzjuża u b’aktar koeżjoni. Għax fir-reġjuni tagħna, l-Ewropa dejjem tibda mil-livell lokali.

Xogħolkom, il-preżenza tagħkom illum, ifakkruna li l-Ewropa mhijiex biss Brussell. Bħala President ta’ din il-Kamra, flimkien mal-Membri tal-PE żorna reġjuni madwar il-kontinent tagħna, minn Braga sa Gdańsk, u rajna b’għajnejna kif il-politika reġjonali – politika li tissawwar proprju hawn f’din il-Kamra – taffettwa l-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Kelli l-privileġġ mhux biss li niltaqa’ maċ-ċittadini, iżda wkoll ma’ ħafna minnkom u mal-kollegi tagħkom li taħdmu kuljum biex tagħmlu l-Ewropa waħda lokali. U naf li kwalunkwe politika li ma tinvolvix il-kooperazzjoni sħiħa tagħna, li tibni fuq l-għarfien u l-esperjenza tagħkom tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, mhix se tagħti riżultati għaċ-ċittadini. Għax flimkien, l-Ewropa hija dejjem aktar b’saħħitha. 

L-għan tal-istituzzjonijiet tagħna huwa li nagħmlu l-ħajja taċ-ċittadini ftit aktar prospera, ftit aktar faċli, ftit aħjar. Il-Politika ta’ Koeżjoni hija xhieda eċċellenti ta’ din il-missjoni u hija fost l-aktar kisbiet notevoli tal-Unjoni tagħna – espressjoni ħajja tal-għaqda u s-solidarjetà Ewropea. F’termini prattiċi, dan juri kif l-Ewropa tingħaqad biex tiżgura li kull reġjun u kull ċittadin ikunu jistgħu jaqsmu l-benefiċċji tat-tkabbir sostenibbli u tal-progress soċjali. Kull skola rinnovata, kull ċentru diġitali li għadu kif ġie stabbilit, u kull proġett ta’ enerġija nadifa kofinanzjati mill-fondi tal-UE huma prova tanġibbli li l-Unjoni Ewropea qed tagħmel differenza reali fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. U ninsab grata lejn il-Kummissarju Fitto għall-impenn u t-tmexxija tiegħu f’dan ir-rigward.

Biex niksbu riżultati għaċ-ċittadini tal-Ewropa, neħtieġu b’mod urġenti Unjoni aktar kompetittiva. Jeħtieġ li nissimplifikaw u nnaqqsu l-burokrazija. L-Ewropa tagħna trid tkun waħda li tista’ tappoġġja lill-familji u twiegħed lil ġenerazzjonijiet iżgħar opportunità, li tgħin lin-negozji lokali tagħna jikbru u jespandu, u li tippermetti lill-industriji Ewropej isibu l-iżvolta kbira li jmiss. Il-Parlament qed jaħdem qatigħ biex jibni dan il-futur.  Qed inwettqu l-aġenda ta’ simplifikazzjoni tagħna biex nagħmlu l-ħajja aktar faċli għan-negozji u nagħtu spinta lill-innovazzjoni. Se nieħdu dawk id-deċiżjonijiet kuraġġużi li se jmexxu ’l quddiem l-Unjoni tagħna u se jgħinu biex il-ħajja għan-negozji, għall-familji u għall-komunitajiet madwar l-Unjoni tagħna ssir aktar faċli, aktar sempliċi, aktar malajr kif ukoll waħda b’anqas xkiel.

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet se ssir f’mument kruċjali, hekk kif se nibdew id-dibattitu dwar il-futur tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali. Meta nindirizzaw il-baġit li jmiss, jeħtiġilna nadottaw attitudni ta’ kollaborazzjoni b’tali mod li niżguraw li kull euro jintefaq biex jagħmel differenza u jgħin itejjeb ħajjet in-nies b’modi tanġibbli u konkreti. Nistabbilixxu proċeduri ta’ implimentazzjoni simplifikati u trasparenti kif ukoll komunikazzjoni ċara biex jissaħħu l-effiċjenza, ir-responsabbiltà u l-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni tagħna u l-kapaċità tagħha li tagħti riżultati. Għax, fl-aħħar mill-aħħar, l-għan tagħna dejjem irid jibqa’ dak li nibnu Ewropa aħjar f’kull reġjun, f’kull belt, għal kulħadd. U bħal dejjem, tistgħu tafdaw f’dan il-Parlament bħala l-awtorità baġitarja u bħala sieħeb sod u affidabbli f’din il-missjoni.

Din mhijiex għażla – hija neċessità għall-futur komuni tagħna għax, fi kliem sempliċi, il-politika ta’ koeżjoni torbotna flimkien u tgħaqqad lill-Ewropej mal-Ewropa. Tapprofondixxi s-suq uniku tagħna, tnaqqas l-inugwaljanza, il-faqar u l-esklużjoni soċjali. Tista’ tgħin lit-territorji u lir-reġjuni jisfruttaw il-potenzjal tagħhom, jattiraw it-talent, jikkontribwixxu għall-innovazzjoni, u jiżguraw li n-nies ikollhom id-dritt li jibqgħu u jibnu futur f’art twelidhom. Fl-aħħar mill-aħħar, hija aktar minn sempliċi strument: hija pedament għall-għaqda u s-solidarjetà. Ibqgħu ċerti li l-Parlament se jibqa’ magħkom fl-isforzi tagħkom. Dan huwa l-fulkru ta’ din il-ġimgħa – u dan huwa dak li, ta’ kuljum, naħdmu biex niksbu f’din il-Kamra. 

Nixtiqilkom ilkoll ġimgħa produttiva.

Grazzi.