Fl-okkażjoni tal-75 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Schuman, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-President tal-Kunsill Ewropew António Costa, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-Prim Ministru tal-Lussemburgu Luc Frieden żaru d-Dar Schuman fil-Lussemburgu u onoraw il-wirt ta’ Missier l-Ewropa.
Il-waranofsinhar it-tajjeb.
Nirringrazzja lill-Prim Ministru Luc Frieden talli laqagħna hawn fil-Lussemburgu, f’dan il-post simboliku immens, id-dar ta’ Robert Schuman, biex niċċelebraw Jum l-Ewropa u l-75 anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman. Huwa pjaċir tiegħi li ninsab hawn flimkien ma’ Ursula u António, il-kollegi għeżież tiegħi, li t-tnejn li huma jinkarnaw l-ispirtu ta’ Schuman fil-ħidma tagħna favur Unjoni aktar b’saħħitha u aktar magħquda.
Dan il-post ifakkarna fejn beda kollox; mhux f’binjiet maestużi, iżda f’ideat kuraġġużi. L-Ewropa mhijiex biss trattat jew suq. L-Ewropa hija viżjoni. Proġett mibni fuq il-paċi, l-għaqda u s-solidarjetà. Mhijiex perfetta, iżda bla dubju ta’ xejn l-Ewropa tibqa’ l-akbar proġett politiku fl-istorja.
Huwa għalhekk xieraq li erġajna ninsabu fil-Lussemburgu, f’dan l-anniversarju, fejn 75 sena ilu, id-dikjarazzjoni ta’ Robert Schuman ħabbret viżjoni storika għall-Ewropa. L-aspirazzjoni tiegħu għal kontinent magħqud fil-paċi, fis-solidarjetà u fil-prosperità komuni ma setgħetx tkun aktar rilevanti milli hi bl-isfidi li għandna quddiemna llum.
Biex jagħti ġieħ lill-wirt li ħallielna Robert Schuman, fil-bidu ta’ din il-ġimgħa l-Parlament Ewropew ħoloq l-Ordni Ewropew tal-Mertu. Din l-onorifiċenza se tingħata lil dawk li tassew jiddefendu l-valuri Ewropej tagħna, lil dawk li jmexxu b’kuraġġ, jaġixxu b’konvinzjoni u jemmnu li l-paċi, id-demokrazija u d-dinjità mhumiex biss ideali. Fil-75 anniversarju tal-aktar bidu kuraġġuż tal-Ewropa, se nkomplu nagħtu ġieħ lil dawk li jiddefendu l-wirt li ħallielna, mhux biss bil-kliem iżda bil-fatti.
Għax aħna l-Ewropej nistgħu nkunu aktar kuraġġużi, aktar fiduċjużi u nieħdu rajna f’idejna għall-futur biex nibnu Unjoni saħansitra aktar b’saħħitha, aktar sigura u aktar prospera għal kulħadd.
Għandna bżonn aktar mill-istess spirtu viżjonarju u mid-dedikazzjoni li kellu Schuman tliet kwarti ta’ seklu ilu.
Grazzi.