"Is-Slovenja għenet biex tissawwar l-Unjoni tagħna, u wriet li naħdmu l-aħjar meta naħdmu flimkien." Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet dan hekk kif laqgħet lill-President tas-Slovenja Nataša Pirc Musar biex tindirizza s-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew.
Għeżież kollegi,
Bi pjaċir kbir inħabbar li llum għandna magħna lill-President tar-Repubblika tas-Slovenja, Nataša Pirc Musar.
President, għażiża Nataša, merħba.
Il-preżenza tiegħek hawnhekk illum hija evidenza tal-fatt li l-Ewropa tagħna hija aktar minn espressjoni ġeografika. Hija komunità ta’ valuri bbażata fuq kulturi u esperjenzi komuni li għaqqduna.
Fis-Slovenja, dan il-vjaġġ tifhmuh aħjar minn oħrajn. Għalkemm isseħibtu fl-Unjoni ftit aktar minn għoxrin sena ilu, l-ambizzjoni u l-inizjattiva tagħkom malajr poġġewkom fil-qalba tal-Unjoni tagħna.
Is-Slovenja għenet biex tissawwar l-Unjoni tagħna, u wrejna kemm-il darba li naħdmu l-aħjar meta naħdmu flimkien. Għalhekk huwa tant importanti li s-Slovenja u l-Ewropa jibqgħu magħqudin biex jaffrontaw l-isfidi futuri. Għalhekk il-valuri tagħna jfissru ħafna. Għalhekk se niddefenduhom.
Jiena fiduċjuża li l-aqwa żminijiet tal-Ewropa għad iridu jaslu, li nistgħu nerġgħu nilħqu lin-nies. Iżda, biex naslu, hemm bżonn l-isforzi tagħna lkoll. Għalhekk jien tant kuntenta li tinsab magħna llum.
It-tmexxija tiegħek għadha punt fokali importanti, u naf li bosta Membri hawn illum iridu jisimgħu l-fehmiet tiegħek dwar kif nistgħu nimxu ’l quddiem.
President, għażiża Nataša, grazzi tal-ħbiberija tiegħek, tal-frankezza tiegħek u tas-sinċerità tiegħek – nagħtik il-kelma.