Meta Greenland tħares lejn l-Ewropa, issib ħbieb u alleati - Il-President Metsola tilqa' lill-Prim Ministru ta' Greenland fil-Parlament Ewropew  

 

Meta Greenland tħares lejn l-Ewropa, issib ħbieb u alleati - Il-President Metsola tilqa' lill-Prim Ministru ta' Greenland fil-Parlament Ewropew  

Strasburgu  
 
 

Hi u tilqa' lill-Prim Ministru ta' Greendland Jens-Frederik Nielsen fil-Parlament Ewropew, il-President Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew dejjem se jkun man-nies ta' Greenland: għad-dritt li jagħżlu l-futur tagħhom, għall-integrità territorjali tagħhom, u għall-ordni bbażata fuq ir-regoli.

       

Għeżież kollegi,

Huwa unur għalija nilqa’ lill-Prim Ministru ta’ Greenland, Jens-Frederik Nielsen, fil-Parlament Ewropew illum.

Din hija l-ewwel darba li mexxej ta’ Greenland qatt indirizza lil din il-Kamra. Huwa tassew mument storiku kif ukoll tragward fis-sħubija bejn Greenland u l-Unjoni Ewropea.

Jens-Frederik, merħba bik. Tikilluarit. U grazzi talli qiegħed hawn magħna.

Tinsab preżenti llum f’isem il-poplu kollu ta’ Greenland, poplu li jista’ jiftaħar bl-istorja tiegħu u li għandu futur sod.

Dan jafu l-Parlament Ewropew. U l-messaġġ tagħna għalikom huwa dan: meta tħarsu lejn l-Ewropa, dejjem se ssibu id lesta tgħin. Sieħba u ħabiba li tieqaf magħkom b’rispett lejn xulxin.

Ir-rabtiet bejn Greenland u l-Unjoni Ewropea għandhom għeruq fil-fond u li għadhom jespandu. Issawru mill-istorja li naqsmu bejnietna, mill-isfidi li għandna quddiemna u mill-mod kif naraw id-dinja ta’ madwarna.

Din il-Kamra hija grata tal-appoġġ b’saħħtu għal Greenland li wriet id-Danimarka f’mumenti xejn faċli. Iggwidat spinta tal-UE favur sħubija mġedda.

Qed niltaqgħu f’mument ta’ inċertezza. Is-sigurtà u l-istabbiltà li konna mingħalina kienu ħaġa fatta ma nistgħux nibqgħu nissoponuhom. Dan kien il-messaġġ ċar tal-mexxejja Ewropej f’Copenhagen fil-ġimgħa li għaddiet. U għalhekk, bi Greenland bħala sieħeb strateġiku, u b’mod partikolari bid-Danimarka fil-Presidenza tal-UE, qegħdin naħdmu flimkien biex: insaħħu l-istabbiltà fl-Artiku kollu, niġġieldu kontra t-theddid ibridu u nindirizzaw ir-riskji dejjem akbar għas-sigurtà.

Iżda s-sħubija tagħna tmur ferm lil hinn mis-sigurtà. Tirrigwarda lin-nies. Tirrigwarda l-fatt li naċċertaw li l-komunitajiet, il-familji u l-impriżi ta’ Greenland u fl-Ewropa jkunu jistgħu jħarsu lejn il-futur b’fiduċja.

Għalhekk iż-żgħażagħ huma fil-qalba tas-sħubija tagħna. U għalhekk l-Unjoni Ewropea qiegħda tinvesti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ fi Greenland, b’aktar minn EUR 200 miljun diġà impenjati u b’aktar għajnuna għadha ġejja. Dan l-investiment jagħti liż-żgħażagħ ta’ Greenland il-ħiliet, l-għodda u l-fiduċja biex isawru l-futur tagħhom u jiddeterminaw il-perkors tagħhom.

Prim Ministru, għażiż Jens-Frederik, grazzi talli qiegħed magħna llum. Nistennew b’interess kbir li nisimgħu dak li se tgħidilna u li nkomplu s-sħubija ta’ bejnietna fis-snin li ġejjin. Nagħtik il-kelma.