Meta nkunu flimkien, l-Ukrajna u l-Ewropa jibqgħu b’saħħithom  

 

Meta nkunu flimkien, l-Ukrajna u l-Ewropa jibqgħu b’saħħithom  

Brussell  
 
 

Hi u tindirizza s-sessjoni plenarja straordinarja li tfakkar erba’ snin mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew ma ddiżappuntax lill-Ukrajna.

       

Onorevoli Membri,
 
Illum infakkru erba’ snin mill-invażjoni brutali tar-Russja fl-Ukrajna. Fl-24 ta’ Frar 2022, hekk kif il-karrijiet armati baqgħu deħlin u qasmu l-fruntieri Ewropej u l-gwerra faqqgħet fil-kontinent tagħna, ir-Russja kien mingħaliha li setgħet taħtaf lill-Ukrajna f’temp ta’ ftit jiem, iżda l-Ukreni wrewha li kien mingħaliha ħażin. 
 
Ikomplu għaddejjin. Jirrifjutaw li jċedu. Jirreżistu b’kuraġġ għat-tbatija kważi inimmaġinabbli ta’ kuljum, matul ix-xtiewi kefrin, anki meta d-droni jolqtu indiskriminatament u l-missili Russi jimmiraw lejn in-nisa u t-tfal. Għalhekk illum nagħtu ġieħ lill-qlubija tal-poplu Ukren. Nerġgħu naffermaw l-appoġġ konkret tagħna u nerġgħu nimpenjaw l-isforzi tagħna favur paċi reali u dejjiema. 
 
Minn hawn u ftit ieħor f’din il-Kamra se jerġa’ jingħaqad magħna mill-bogħod il-President Zelenskyy. Meta ltqajt miegħu l-ewwel darba f’Kiev kont wegħidtu li dan il-Parlament kien se jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Ukrajna. Wara erba’ snin, bis-saħħa tal-isforzi tagħkom, ilkoll flimkien għeżież kollegi, ma ddiżappuntajnihiex lill-Ukrajna. Għaliex nafu li meta nkunu magħqudin, l-Ukrajna u l-Ewropa huma b’saħħithom.
 
Azzjonijietna mhumiex imsejsa biss fuq l-altruwiżmu. Naġixxu għax nafu r-riskju li hemm għalina lkoll. U jiena kburija b’dak li ksibna flimkien: kemm billi għenna lis-soċjetà Ukrena meta tajnieha appoġġ tal-valur ta’ EUR 200 biljun biex ngħinuha żżomm il-ħajja ta’ kuljum għaddejja għal miljuni ta’ nies; kemm billi fornejna ġeneraturi biex inżommu d-dwal u t-tisħin mixgħulin fl-isptarijiet, fl-iskejjel u fix-xelters; kif ukoll billi qawwejna l-kapaċitajiet ta’ difiża tal-Ukrajna biex ngħinu lil min jinsab fil-linji tal-front u lill-familji tagħhom fi djarhom. 
 
U se nkomplu nintensifikaw l-appoġġ tagħna. Aktar tard illum, se niffirmaw liġi li tipprevedi self ta’ EUR 90 biljun biex insostnu s-servizzi pubbliċi essenzjali u nżommu b’saħħitha d-difiża tal-Ukrajna. B’hekk nibagħtu messaġġ ċar liċ-ċittadini kollha tal-Ukrajna: is-sigurtà tagħkom hija s-sigurtà tal-Ewropa; il-libertà tagħkom hija l-libertà tal-Ewropa; il-futur tagħkom huwa fl-Ewropa. U se nkomplu naħdmu biex dan kollu jsir realtà.
 
President Zelenskyy, għażiż Volodymyr, nagħtik il-kelma.