M’intomx waħedkom: Il-Parlament iwassal messaġġ qawwi lill-poplu tal-Iran  

 

M’intomx waħedkom: Il-Parlament iwassal messaġġ qawwi lill-poplu tal-Iran  

Strasburgu  
 
 

Hi u tirreferi għas-sentenza kontra l-aħwa tewmin Iranjani Taraneh u Romina Rahimi, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew se jibqa’ jwassal u jsaħħaħ il-vuċi tal-poplu tal-Iran li qed jitlob il-libertà.

       

Kollegi, 
 
F’dawn l-aħħar xhur u ġimgħat ir-repressjoni min-naħa tar-reġim Iranjan kompliet bla heda. Is-sitwazzjoni tibqa’ terribbli għal tant u tant nies – l-aktar għaż-żgħażagħ – li l-uniku reat tagħhom kien dak li talbu l-libertà li aħna nqisu bħala n-normalità. F’tentattiv iddisprat biex ir-reġim joħloq kultura ta’ biza’ fost il-popolazzjoni Iranjana, numru dejjem akbar ta’ dimostranti qed jiġi kkundannat għall-mewt. 
 
Xejn ma jiddeskrivi l-orrur aħjar mill-każ tal-aħwa tewmin Taraneh u Romina Rahimi, li kienu biss adolexxenti meta, Jannar li għadda, ġew imkaxkra barra minn soddthom mill-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika. Minn dakinhar sofrew krudeltà li tmur ferm lil hinn li dak li ħafna jistgħu jissaportu. 
 
Kellhom jgħaddu erba’ xhur biex ommhom Marzieh issir taf x’kien ġralhom. Meta fl-aħħar irnexxielha tmur tarahom, uliedha lanqas kienu jintgħarfu bit-tbenġil li kellhom, izappu u b’xagħarhom imqaċċat mill-qorriegħa. Ġew irrapportati torturi, theddid ta’ stupru u vjolenza sesswali, sakemm waħda minnhom ammettiet reati vvintati. 
 
Taraneh ġiet ikkundannata għall-mewt u Romina 25 sena priġunerija. Il-familja tagħhom ilha ma tarahom mis-sentenza.
 
Il-każ tagħhom mhuwiex iżolat. Hemm ħafna, ħafna aktar stejjer li jirrakkontaw l-orrur ikkawżat minn reġim li jipprova, bħala l-aħħar tentattiv li ma jiswa għal xejn, jissottometti u jsikket bil-vjolenza lill-poplu tiegħu.
 
Naf li din hija kwistjoni għal qalb ta’ ħafna Membri hawn preżenti u, f’isimkom, illum ngħidu lit-92 miljun Iranjan u Iranjana li mhumiex waħedhom, li d-dawl se jċarrat id-dlam, li reġim li juża l-vjolenza, l-omiċidju u r-repressjoni bħala strumenti ta’ awtokonservazzjoni huwa reġim iddisprat, li jifhem li ma għandux leġittimità. 
 
Se nkomplu nitolbu l-ħelsien minnufih ta’ Taraneh, Romina u ta’ dawk kollha li ġew inkarċerati intortament. M’aħniex se nibqgħu siekta. Għalhekk iddeċidejna li nipproċedu b’dan il-mod, jiġifieri li nipprojbixxu l-aċċess għall-Parlament tagħna lir-rappreżentanti tar-reġim. Għalhekk insistejna biex l-IRGC jiġi deżinjat bħala l-organizzazzjoni terroristika kif nafuh li hu. U għalhekk se nkomplu nagħmlu l-parti tagħna biex insemmgħu b’aktar qawwa l-leħen ta’ min qiegħed jitlob il-libertà.