Ewropa ta' tama u opportunitajiet trid tkun aċċessibbli għal kulħadd 

 

Waqt li kienet qed tindirizza l-5 Parlament Ewropew ta’ Persuni b’Diżabilità, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li kulħadd irid ikollu l-opportunità li jinvolvi ruħu fil-proġett Ewropew. "Għal ħafna, l-aċċessibbiltà għadha l-eċċezzjoni aktar milli n-norma. Kull azzjoni żgħira kemm hi żgħira, tista' tibgħat messaġġ ewlieni."

 

Għażiż Yannis,
Sinjura Kummissarju,
Onorevoli Membri tal-Parlament Ewropew,
Għeżież kollegi,
Għeżież parteċipanti,

Inħossni kburija ħafna niftaħ dan il-ħames Parlament Ewropew tal-Persuni b’Diżabbiltà f’dan l-emiċiklu.

Yannis fakkar l-ewwel laqgħa li kellna meta kont għadni kemm ġejt eletta President tal-Parlament Ewropew. Ma nista’ naħseb f’xejn aqwa milli niftaħ dan l-emiċiklu lilkom l-attivisti kollha minn kull rokna tal-Ewropa u tad-dinja, biex illum inkunu hawn flimkien ħalli niddiskutu l-isfidi u l-viżjoni li lkoll għandna u li nistgħu nimpenjaw ruħna fiha flimkien.

Dan il-Parlament Ewropew huwa post tal-inklużjoni għal kulħadd fis-soċjetà Ewropea.

Nagħtikom ilkoll merħba kbira fih.

Nixtieq nagħti merħba minn qalbi b’mod partikolari lid-delegazzjoni Ukrena li tinsab magħna llum. Għelibtu sfidi liema bħalhom biex tkunu fostna llum.
Nappoġġaw l-inklużjoni tagħkom fl-Ewropa mill-bidu sal-aħħar.
Għall-biċċa l-kbira tan-nies, l-aċċessibbiltà hija stat ta’ fatt. Iżda dan il-ħames Parlament Ewropew tal-Persuni b’Diżabbiltà jfakkar lill-Ewropa u lid-dinja li għal ħafna, l-aċċessibbiltà għadha eċċezzjoni pjuttost milli n-normalità.

Ċittadin Ewropew wieħed minn kull ħames jgħix b’diżabbiltà. Għalhekk pjattaformi bħall-Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà huma fundamentali biex jissensibilizzaw fir-rigward tal-kwistjonijiet li, fl-Ewropa, għad hemm bżonn li naħdmu fuqhom biex tinkiseb aktar ekwità. Bosta jsibu diffikultajiet kbar biex jiksbu aċċess u inklużjoni. Wisq nies ikollhom jagħmlu dak kollu li huwa possibbli biex jiksbu drittijiet indaqs.

Il-motto tal-Unjoni Ewropea “Maqgħuda fid-diversità” jfisser li kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jkun involut fil-proġett Ewropew tagħna.

Kulħadd għandu jkollu aċċess għal Ewropa ta’ tama u ta’ opportunitajiet.
Id-drittijiet ugwali għandhom ikunu effettivi u reali. Mhux bil-kliem biss, jew fuq il-karta.

Jeħtiġilna ninkludu b’mod attiv lill-persuni kollha b’diżabbiltà fil-proċess deċiżjonali tagħna. Għalhekk, jeħtiġilna neliminaw l-ostakli eżistenti. Jeħtiġilna naħdmu bla waqfien biex niggarantixxu l-inklużjoni u l-ugwaljanza bi qbil mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà.  

U dan il-Parlament qiegħed jaħdem fuq dan l-aspett.

F’dan il-Parlament, nemmnu li l-persuni b’diżabbiltà għandhom id-dritt li jgħixu ħajja indipendenti u jirċievu s-servizzi xierqa bbażati fil-komunità.
Se nkomplu niksbu riżultati f’dan ir-rigward.
Irridu wkoll nabolixxu b’urġenza r-restrizzjonijiet amministrattivi li għad fadal li jostakolaw id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà.

F’dan l-ispirtu, qed nistennew b’interess kbir il-proposta tal-Kummissjoni ta’ din is-sena dwar il-Karta tad-Diżabbiltà Ewropea valida fl-UE kollha.
Wasal iż-żmien għar-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ diżabbiltà bejn l-Istati Membri. Għaliex għad m’aħniex f’sitwazzjoni li fiha jkollna dan ir-rikonoxximent?

L-avveniment tal-lum jirrappreżenta opportunità biex niddiskutu l-esperjenza tat-tmien pajjiżi li diġà jużaw il-Karta tad-Diżabbiltà Ewropea fuq bażi volontarja u nitgħallmu minn xulxin dwar il-vantaġġi assoċjati f’oqsma bħall-kultura, l-isport u t-trasport. Jeħtiġilna nagħmluhielhom aktar faċli lill-persuni b’diżabbiltà li jħaddnu, bħaċ-ċittadini Ewropej kollha, il-libertà ta’ moviment f’Unjoni Ewropea mingħajr fruntieri fuq l-istil ta’ Schengen.

Fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2024, dan il-Parlament insista li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex minflok il-vot sostituttiv idaħħlu il-vot assistit fl-UE kollha. Dan għaliex ir-rispett tal-awtonomija ta’ dawk ikkonċernati huwa importanti għall-inklużjoni reali.

Għalhekk inħeġġiġkom tagħmlu pressjoni favur dan fuq il-livell nazzjonali biex tivvutaw fl-elezzjonijiet tal-UE li jmiss. Inħeġġiġkom teżerċitaw id-dritt demokratiku tagħkom – dritt ugwali mogħti liċ-ċittadini kollha tal-UE.
Inħeġġeġ ukoll forsi lil xi wħud minnkom toħorġu għall-elezzjonijiet Ewropej.

Ħudu sehem fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa. Agħtu lill-Parlament Ewropew li jmiss mandat biex jaqdi dmirijietu fl-interessi tagħkom ukoll.
L-istituzzjoni tagħna taħdem ħafna, kuljum, biex tkun eżempju, biex tagħmel l-inklużjoni standard fid-demokrazija Ewropea. Għad fadal ħafna xi jsir, mhux biss f’termini ta’ aċċessibbiltà fiżika, iżda anki f’termini ta’ aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabbiltà biex ikunu jistgħu jagħmlu kull tip ta’ xogħol f’dan il-Parlament Ewropew. Proprju fuq dan aħna impenjati u proprju dan qegħdin nimplimentaw. U jien irrid nara Parlament li jagħmel aktar.

Anki azzjoni ċkejkna tista’ tibgħat messaġġ enormi.

Huma ħafna l-affarijiet possibbli meta ndaħħlu f’moħħna l-għan li nagħmlu tibdil u titjib.

Id-diżabbiltà ma għandha żżomm lil ħadd lura, imkien fl-Ewropa.

Nirringrazzjakom ħafna tax-xogħol bla heda tagħkom favur Ewropa aktar inklużiva.  

Nirringrazzja lilek, Yannis, u lill-kollegi tiegħek talli tagħmlu ħafna f’termini ta’ pressjoni u progress, u talli żżommuna responsabbli u talli tfakkruna meta jkun hemm bżonn li nagħmlu aħjar. Komplu sejrin hekk.

Nawguralkom ilkoll ġurnata ta’ aktar inklużjoni u skambji mimlija ħsibijiet profondi.