Roberta Metsola ġiet eletta mill-Membri tal-Parlament Ewropew biex tkompli sservi bħala President tad-Dar tad-Demokrazija għal sentejn u nofs oħra. Fl-indirizz tagħha, l-President Metsola qalet li se tkompli tiddefendi Parlament b'saħħtu f'Ewropa b'saħħitha.
Għeżież Kollegi, Għeżież Ewropej,
B’sens ta’ umiltà u responsabbiltà, inħossni onorata għall-fiduċja li tajtuni biex nibqa’ nservi bħala l-President tagħkom. Se naħdem kuljum biex inrodd din il-fiduċja fija u f’dan il-Parlament.
Din se tibqa’ Kamra ta’ kull persuna fl-Ewropa. Flimkien, jeħtiġilna niddefendu l-politika ta’ tama, il-ħolma li hija l-Ewropa u l-wegħda ta’ ommijietna u missirijietna qabilna li għadha ma twettqitx.
Sentejn u nofs wara, xorta rrid li n-nies jerġgħu jiskopru mill-ġdid sens ta’ twemmin u entużjażmu fil-proġett tagħna. Twemmin li bih l-ispazju komuni tagħna jsir aktar sikur, aktar ġust u aktar ugwali. Twemmin li flimkien inkunu aktar b’saħħitna u nkunu aħjar. Twemmin li l-Ewropa tagħna hija Ewropa għal kulħadd.
L-Ewropa tagħna trid tkun Ewropa li tiftakar, li titgħallem mit-taqbidiet tal-passat u tirrikonoxxi l-ġlieda ta’ tant nies li ddefendew l-ideali li xi kultant nieħdu bħala fatt; għal dawk kollha li ġew spostati, li għebu; għal dawk li ma warrbux minn quddiem it-tankijiet u l-balal fit-triq lil hinn mit-totalitarjaniżmu li kien infirex mal-parti l-kbira tal-Ewropa għal tant żmien; għal dawk kollha li emmnu f’ħajja aħjar u li kellhom il-kuraġġ joħolmu. L-Ewropa tagħna trid tkun Ewropa li Adenauer, Mitterrand, Wałęsa, Fenech Adami, Havel, Veil, Falcone, Borsellino kollha jkunu kburin biha.
L-Ewropa tagħna trid tkun Ewropa li tonorahom, li tonora l-istorja komuni tagħna. U m’hemmx post aktar adatt minn hawn fi Strażburgu, fis-sede tal-Parlament Ewropew, f’dan is-simbolu ħaj ta’ rikonċiljazzjoni, biex nikkommemoraw il-passat u nibnu l-futur.
L-Ewropa tagħna trid issir Ewropa li tkun aċċessibbli għal kulħadd, fejn kulħadd iħossu mhux biss parti minnha, iżda responsabbli għaliha. Il-polarizzazzjoni fis-soċjetajiet tagħna wasslet għal aktar politika ta’ konfrontazzjoni, anke vjolenza politika, għal tweġibiet faċli li jaqsmu l-komunitajiet tagħna f’“aħna” u “huma”. Jeħtieġ li nimxu lil hinn minn dan il-ħsieb fejn ir-rebbieħ jirbaħ akkost tat-tellief, li eskluda lin-nies, li jimbotta lin-nies minnu, li jinstiga r-rabja u l-mibegħda, aktar milli jibni t-tama u t-twemmin. Aħna tal-fehma li l-kumdità ta’ politika daqshekk faċli ma toffri l-ebda soluzzjoni reali.
Din hija l-Kamra li tirrappreżenta l-oppost. Li trid tibni aktar milli teqred. Li ma tibżax tieħu t-triq diffiċli. Li hija kapaċi ssib u tuża l-vuċi tagħha għall-ġid komuni. Li tkun dik li tiġġieled l-awtokraziji. Li ssaħħaħ il-ħtieġa li niġġieldu għall-istat tad-dritt. Li tifhem li jeħtiġilna verament inkunu ugwali fl-Ewropa. Ugwaljanza li ma tfittixx li tagħmilna l-istess, iżda waħda li toffri lil kull persuna l-istess ċans li tilħaq il-potenzjal tagħha. Hija l-ugwaljanza tal-opportunitajiet li tirrikonoxxi d-differenza tagħna, li tqis bħala s-saħħa tagħna dawk il-lingwi differenti, il-kulturi differenti, l-istejjer differenti li jiddistingwuna bħala Ewropej.
Hija dik is-saħħa li se tippermettilna niżguraw li l-liġijiet li ngħaddu hawnhekk ikunu maħsuba għan-nies f’kull raħal, belt, belt kbira u gżira tal-Unjoni tagħna. Jeħtiġilna nkunu l-leħen li jiżgura li l-politiki kollha tagħna jaħdmu, u li jaħdmu tajjeb għaż-żgħażagħ, għall-familji, għall-bdiewa u għall-industrija bl-istess mod.
Aħna għandna responsabbiltà komuni li nħallu lill-Ewropa post aħjar minn dak li sibna. U se nħallu lill-Ewropa post aħjar billi noħolqu qafas ġdid ta’ sigurtà u difiża li jżomm lin-nies sikuri u jrażżan il-ħolm espansjonista tad-dittaturi fil-viċinat tagħna. Li jegħleb it-theddid ibridu li għadna qed niffaċċjaw. Li jipproteġi lill-Ewropa. Li jiddefendi l-awtonomija strateġika tagħna. Li jżomm il-paċi. Li jifhem li t-theddida li qed niffaċċjaw hija reali ħafna.
Se nħallu lill-Ewropa post aħjar billi nsaħħu l-kompetittività tal-Ewropa: napprofondixxu s-suq uniku, niżguraw impjiegi ta’ kwalità, nikkonkludu ftehimiet kummerċjali globali, inlestu l-unjoni bankarja u tas-swieq kapitali tagħna, u jkollna miri implimentabbli għall-industrija. Dan iżomm in-negozji tal-Ewropa fl-Ewropa u jagħtina l-kapaċità li ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna, fir-riċerka, fl-edukazzjoni, fil-kultura, fil-komunitajiet tagħna u fil-bqija tad-dinja: permezz tas-simplifikazzjoni, billi jitnaqqsu l-burokrazija u l-burokrazija mhux meħtieġa li timbotta lin-nies u l-impjiegi lil hinn mill-Ewropa. Is-suċċessi li n-nies tagħna jiftakru l-aktar huma dawk fejn l-Ewropa ssimplifikat ħajjithom.
Se nħallu lill-Ewropa post aħjar billi nagħtu soluzzjonijiet reali għall-klima. L-Ewropa għandha legat kburi, u ninsab konvinta li nistgħu nibqgħu mexxejja dinjija u nsibu mod kif nilħqu l-miri tagħna b’mod li jżomm lil kulħadd interessat u li jippermetti li l-iżvilupp sostenibbli jimxi id f’id mal-protezzjoni tal-ambjent naturali u l-wirt tagħna. Nistgħu niksbu t-tnejn li huma.
Se nħallu lill-Ewropa post aħjar jekk inkunu kapaċi nsaħħu l-pilastru soċjali tal-Ewropa. Jekk nagħtu lin-nies it-tama u d-dinjità. Jekk il-pensjonijiet u l-pagi jilħqu l-aspettattivi soċjali. Ma nistgħux nimxu ’l quddiem jekk iż-żgħażagħ tagħna ma jkunux jistgħu jikru – aħseb u ara jixtru – post li jistgħu iqisu bħala darhom. Il-kriżi tal-akkomodazzjoni tal-Ewropa hija imminenti u jeħtiġilna jkollna l-għodod biex ngħinu ħalli nindirizzaw din il-kriżi – anke fil-livell Ewropew.
Se nħallu lill-Ewropa post aħjar jekk fl-aħħar jirnexxilna nimplimentaw leġiżlazzjoni xierqa dwar il-migrazzjoni u l-ażil li tinkludi l-ġestjoni meħtieġa tal-fruntieri b’politika ta’ ritorn, u, fuq kollox, li tkun iċċentrata fuq il-bniedem. Dak jiżgura li ebda omm oħra ma tkun f’sitwazzjoni fejn ma tingħata l-ebda għażla ħlief li tqiegħed lit-tfal tagħha f’dgħajsa li tkun qed taqa’ biċċiet f’idejn networks kriminali involuti fit-traffikar. Dak jiggarantixxi li l-Ewropa tkun kapaċi tonora l-legat storiku u kburi tagħha.
Se nħallu lill-Ewropa post aħjar jekk inkunu nistgħu nisfruttaw l-opportunitajiet li tippermetti l-era diġitali, li toffri l-intelliġenza artifiċjali. Hemm bżonn nibqgħu fuq quddiem, u nkunu f’pożizzjoni li naħsdu l-benefiċċji u ntaffu l-konsegwenzi tad-diżinformazzjoni. Għandna l-għarfien kollu tad-dinja fuq il-ponot ta’ subgħajna, iżda n-nies xorta jħossuhom aktar waħedhom minn qatt qabel. Dan juri kemm l-Ewropa għandha tfisser ukoll “komunità”.
Ma nistgħux inħallu lill-Ewropa post aħjar jekk in-nies għadhom mhumiex kapaċi jkunu min jixtiequ u jħobbu lil min jixtiequ jħobbu kullimkien fl-Ewropa, jekk ma nneħħux l-ostakli kollha li jipprevjenu lill-persuni b’diżabilità fl-Unjoni tagħna milli jkollhom l-istess opportunitajiet fil-ħajja bħal kulħadd; jekk ma nkunux kapaċi niġġieldu kontra d-diskriminazzjoni jew inrażżnu l-antisemitiżmu jew l-Iżlamofobija li qed jiżdiedu; jekk il-mibegħda u l-vjolenza jkomplu jkunu forza li tieħu wisq mid-diskors politiku tagħna. Jeħtiġilna nsawru Ewropa fejn kulħadd iħossu komdu; fejn bniet bħal Coco mill-Irlanda jkunu protetti minn dawk li jittorturawhom mentalment u fiżikament.
Ma nistgħux inħallu lill-Ewropa post aħjar jekk għad hemm wisq nisa li mhumiex kapaċi jħossuhom parti minnha. Wisq nisa li għadhom abbużati, li għadhom imsawta, li għadhom maqtula fl-Ewropa tagħna. Wisq nisa li għadhom qed jiġġieldu għad-drittijiet. Wisq nisa li għadhom jaqilgħu inqas mill-irġiel għall-istess impjieg. Wisq nisa li għadhom iħossuhom imbeżża’. Din għandha ssir l-Ewropa tagħhom ukoll.
Nistgħu nibnu l-Ewropa li Simone Veil u Nicole Fontaine ħolmu. L-Ewropa li Marie Skłodowska-Curie ma kinitx kapaċi tisfrutta għal kollox. L-Ewropa li Giulia, Pelin, Ana Vanessa, Daphne u tant aktar nisa qatt mhu se jkunu jistgħu jaraw. Se nagħmluha għalihom, għal dawk kollha li ma jistgħux jitkellmu u għal dawk kollha li jiġu warajhom.
Naf li flimkien se nħallu l-Ewropa aħjar milli sibniha. Naf li meta d-dinja tħares lejn dan il-Parlament, se jaraw Kamra li tiddefendi d-drittijiet, li tipproteġi lill-ġurnalisti, li tagħti valur lil-libertà, li tifhem ir-rwol tagħha fid-dinja bħala xempju tad-demokrazija madwar id-dinja.
Sebgħin sena ilu, Alcide de Gasperi qal: “Il-ħeġġa għall-għaqda hija ħajta kostanti matul l-istorja. Ejja nitkellmu, ejja niktbu, ejja nipperseveraw, ejja nibqgħu għaddejjin bla heda; ejja nżommu lill-Ewropa fuq quddiem nett fi ħsibijietna.” Nirrepeti kliemu u jeħtiġilna nżommuhom f’moħħna matul din il-leġiżlatura parlamentari.
Għeżież ħbieb, tgħallimna li qatt ma nistgħu nieħdu d-demokrazija bħala fatt. Rajna li huma ferm wisq dawk li jqisu l-valuri Ewropej tagħna bħala theddida. Dan huwa rikonoxximent mogħti lilna mill-awtokrati li aħna se nkomplu ngħożżu b’mod kburi.
Il-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna sovrana għadha fil-quċċata tal-aġenda tagħna. Mort Kiev f’isimkom meta faqqgħet il-gwerra. Kienet żjara li tat impetu ġdid lill-Kamra tagħna, u tat viżibbiltà u influwenza ġodda. Din il-Kamra għenet biex tixħet dawl politiku fuq il-ħtieġa li nappoġġjaw lill-Ukrajna, u n-nies jiddependu minna biex nibqgħu nixħtu dak id-dawl b’mod qawwi kemm jista’ jkun.
Se nintalbu biex nagħmlu aktar u jeħtiġilna nkunu lesti li mmorru lil hinn minn dak li huwa komdu u nagħmlu dak li huwa meħtieġ. Nagħmlu dan għaliex l-Ewropa jeħtiġilha tiddefendi l-libertà, għall-paċi: paċi reali b’ġustizzja, b’dinjità u b’libertà. Għax fl-Ewropa nifhmu kif nistgħu negħlbu d-differenzi apparentement impossibbli.
Dik trid tkun ukoll il-filosofija li tiggwida r-reazzjoni tagħna għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani, fejn anke fiċ-ċpar tal-gwerra, il-vuċi tagħna trid tkompli tkun leħen l-umanità, filwaqt li nistinkaw biex intemmu ċ-ċiklu interġenerazzjonali tal-vjolenza, għal soluzzjoni ta’ żewġ stati, paċi sostenibbli u r-ritorn ta’ dawk l-ostaġġi li għadhom meħuda.
Huwa dak ir-rwol li jiggwidana hekk kif infakkru 50 sena li sfortunatament matulhom Ċipru hija artifiċjalment maqsuma. Jeħtiġilna nkunu l-ġenerazzjoni li tkun kapaċi ssib triq ’il quddiem taħt l-awspiċji tal-pjan tan-NU. Fl-aħħar jeħtiġilna negħlbu d-distakk li huwa tant skur fl-istorja tal-Ewropa b’soluzzjoni vijabbli, f’konformità mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u l-valuri Ewropej tagħna.
Hija dik id-difiża tal-umanità komuni tagħna li tfisser li aħna dawk li jifhmu lin-nisa li jinsabu mhedda b’mod orribbli fl-Afganistan; lil dawk il-bniet u l-istudenti fit-toroq tal-Iran; lil Sviatlana Tsikhanouskaya, dawk li ntbagħtu l-ħabs inġustament u l-moviment għal Belarussja ħielsa u demokratika; lit-tfajliet Yazidi kuraġġużi li għadhom qed jiġġieldu; lil Yulia Navalnaya, li taġixxi b’mod kburi; lil dawk kollha madwar id-dinja li jibqgħu jiffaċċjaw il-gass tad-dmugħ mitfugħ fuqhom meta jappoġġjawna billi jtajru l-bandiera Ewropea tagħna.
Dak huwa li tfisser l-Ewropa madwar id-dinja. Dan huwa l-Parlament li d-dinja tara – il-Parlament li lkoll kemm aħna tant kburin li nservu. Din hija d-diplomazija parlamentari li se tkun essenzjali hekk kif niddefendu l-multilateraliżmu u nħejju għat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea tagħna. Hekk kif in-nies fl-Ukrajna, fil-Moldova u fil-Georgia jħarsu lejna, għal dawk kollha fil-Balkani tal-Punent li ġew miċħuda l-progress għal żmien twil wisq, jeħtiġilna nkunu lesti li nestendu id l-Ewropa hekk kif kull wieħed minnhom isegwi l-perkorsi tiegħu f’approċċ ibbażat fuq il-mertu li jirrispetta l-kriterji meħtieġa. Jeħtiġilna nkunu lesti niffaċċjaw din id-dinja l-ġdida u din ir-realtà l-ġdida. U flimkien se nkunu lesti.
Kollegi, biex inġeddu l-impenn tagħna lejn l-Ewropa, jeħtiġilna – fi kliem dak il-qaddis Ewropew kbir minn Krakovja, Karol Wojtyła – “ma nibżgħux”. Ma nibżgħux nopponu l-awtokrati. Ma nibżgħux nonoraw il-wegħda tagħna. Ma nibżgħux niddefendu lill-Ewropa. Ma nibżgħux nibqgħu nibnu Unjoni li taħdem għalina lkoll.
Fl-2016, Jonathan Sacks kiteb: “Politika ta’ tama tista’ tintlaħaq. Iżda biex noħolquha se jkollna nsibu modi kif insaħħu l-familji u l-komunitajiet, nibnu kultura ta’ responsabbiltà kollettiva u ninsistu fuq ekonomija tal-ben komuni. Din m’għadhiex kwistjoni ta’ politika tal-partiti. Hija dwar il-vijabbiltà nnifisha tal-libertà li għaliha l-Punent tant iġġieled u għamel dan għal daqshekk fit-tul. Jeħtieġ li nibnu narrattiva konvinċenti ta’ tama li tikkonvinċi lil kulħadd, mhux xi wħud minna, u ż-żmien li nibdew huwa issa.”
Għeżież ħbieb, nistgħu nerġgħu niksbu n-narrattiva ta’ din l-Unjoni kbira tagħna. Nistgħu nispiraw ġenerazzjonijiet ġodda ta’ Ewropej. Għax l-Ewropa hija tama. L-Ewropa hija twemmin. L-Ewropa hija lkoll kemm aħna. L-Ewropa tibqa’ t-tweġiba.
Viva l-Ewropa!
You may find here the transcriptions of her speech per language: