Inawgura b'mod uffiċjali l-binja Adenauer fil-Lussemburgu 

 

Fil-Lussemburgu ġiet inawgurata b'mod uffiċjali l-binja Konrad Adenauer mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-Grand Duka tal-Lussemburgu. Din il-binja tospita l-impjegati tal-Parlament Ewropew fil-Lussemburgu. Fid-diskors tagħna, l-President Metsola tkellmet dwar l-aspetti ambjentali u teknoloġiċi tal-binja.

© Unjoni Ewropea |  Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tinawgura l-binja Konrad Adenauer

Altezza Rjali Tiegħek il-Gran Duka,
Prim Ministru,
Sinjuri,

Il-Lussemburgu jinsab fil-qalba tal-azzjoni politika Ewropea. B'dan il-mod, juri li l-impatt ta' Stat jiddependi mhux mid-daqs ġeografiku jew demografiku tiegħu iżda mill-impenn politiku tiegħu. Mill-ideat tiegħu.

Il-Lussemburgu, barra milli ospita l-ewwel emiċiklu tal-Parlament Ewropew fl-1973, sa ma witta t-triq għall-elezzjonijiet diretti tal-Parlament Ewropew, minn dejjem żvolġa rwol ta' protagonista biex isostni l-integrazzjoni Ewropea u d-demokrazija Ewropea.

Illum, il-Lussemburgu jkompli jiżvolġi rwol prinċipali fundamentali fil-qsim tal-għarfien rigward l-integrazzjoni u fit-tfittxija ta' kompromessi fl-Unjoni Ewropea tagħna.

Il-kontribut enormi tal-Lussemburgu jidher ukoll hawnhekk stess, minn fejn ninsabu llum, fil-qalba ta' dan il-kumpless straordinarju "Konrad Adenauer". Proprju f'dan il-kumpless il-Parlament Ewropew investa biex joffri 3 000 stazzjon tax-xogħol mifruxin fuq art li tkopri, bejn wieħed u ieħor, l-ekwivalenti ta' 33 darba l-art tal-grawnd tal-futbol li għadu kemm ġie inawgurat, l-iStade du Luxembourg, ftit kilometri bogħod minn hawn, fin-Nofsinhar tal-belt.

Ippermettuli ngħidilkom aktar dwar il-proġett Konrad Adenauer tagħna, li aħna kburin ninawguraw magħkom llum. Il-binja ġiet ipproġettata u mibnija fir-rispett tal-ogħla standards ambjentali.

Il-kumpless Adenauer il-ġdid inbena bl-użu tat-teknoloġiji mill-aktar avvanzati. Jipproċessa u jerġa' juża l-ilma tax-xita. Juża l-enerġija ġeotermika kif ukoll l-enerġija solari. Mgħammar b'pannelli solari u fotovoltajċi għall-produzzjoni tal-enerġija. Fl-infrastruttura tiegħu ġew integrati l-irkurpru u l-ħżin tas-sħana u tal-kesħa. U fil-binja kollha ġew implimentati aktar miżuri ekokompatibbli, fosthom twieqi bi ħġieġ triplu, tkessiħ minn sors naturali, ċangaturi tal-konkrit termoattivi u chillers tal-assorbiment.

Din it-teknoloġija kollha naqset drastikament l-impronta tal-karbonju tal-ispazji tal-uffiċċji tal-binja.

Din is-sena niċċelebraw is-70 anniversarju minn mindu l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar waqqfet l-istituzzjonijiet inizjali tagħha hawnhekk fil-Lussemburgu.

Madankollu, waqt li aħna qegħdin nibnu fil-qalba tal-Ewropa, fl-24 ta' Frar, fil-kontinent tagħna faqqgħet gwerra feroċi.

L-invażjoni illegali u brutali fl-Ukrajna min-naħa tal-armata Russa aċċelerat il-bżonn li l-Ewropa tibni strumenti u proċessi biex ikollha rwol ta' tmexxija f'dinja ġdida u inċerta. Spallejna jkollhom jerfgħu piż ta' ordni demokratiku dinji itqal minn qatt qabel.

L-Unjoni Ewropea rrispondiet bil-qawwa b'sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja u b'għajnuna politika, finanzjarja, umanitarja u militari lill-Ukrajna u lil niesha. L-Ewropa wriet lid-dinja koordinament, solidarjetà u għaqda liema bħalhom kontra l-gwerra.  Ta' dan, jiena kburija. Irid jibqa' l-mudell li abbażi tiegħu nimxu 'l quddiem. Se nkomplu niġġieldu bil-qawwa kontra l-awtokrazija u se nkomplu niddefendu bil-qawwa l-Ukrajna u l-valuri komuni tagħna.

Il-proġett Ewropew inbena fuq valuri ta' rikonċiljazzjoni, ta' paċi u ta' demokrazija. F'din is-sena, l-2022, meta niċċelebraw is-70 anniversarju tal-Parlament Ewropew tagħna, il-forza tas-simbolu tal-inawgurazzjoni ta' din il-binja, ADENAUER, hija saħansitra aktar b'saħħitha.

Dan l-anniversarju u din l-inawgurazzjoni jfakkru l-forza u l-vitalità tal-proġett tagħna. Kif ukoll in-natura permanenti tiegħu.

Dan il-proġett, mingħajr il-konċittadini tagħna, ma jiswa xejn. L-assemblea tagħna, mingħajr il-konċittadini tagħna, ma tiswa xejn. Il-poplu Ewropew huwa l-għajn tal-leġittimità tagħna u tal-forza tagħna.

Għalhekk nixtieq intennilhom li rridu nkunu denji tal-fiduċja li jagħtuna.

U nixtieq inroddilhom ħajr, b'mod partikolari għall-ġenerożità tagħhom fir-rigward tal-Ukreni li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom f'dawn l-aħħar xhur.

Iċ-ċittadini Ewropej – inkluż fil-Lussemburgu – qegħdin jiftħu darhom u qalbhom beraħ lill-miljuni ta' Ukreni li kellhom jaħarbu. L-Unjoni Ewropea qatt ma kienet magħquda quddiem l-avversità daqs kemm hi llum.

Nixtieq ukoll nirringrazzja b'mod speċjali lill-persunal tal-Parlament Ewropew li jinsab hawn il-Lussemburgu. Tirrappreżentaw aktar minn 20% tal-impjiegi tal-istituzzjoni tagħna. Jiena kburija li nġbartu hawn illum. Xogħolkom huwa importanti. Iħalli lil din id-Dar tad-Demokrazija Ewropea tirreżisti, kif qiegħda tagħmel kontra l-aggressjoni.

Flimkien, niddefendu d-drittijiet fundamentali Ewropej tad-demokrazija, tal-libertà, tas-solidarjetà, tal-ugwaljanza u tal-istat tad-dritt. Jiena grata ta' xogħolkom fil-parteċipazzjoni f'dan il-kompitu, illum u kuljum.

U nirringrazzja lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu talli jgħinna biex naqdu l-missjoni demokratika kollettiva tagħna f'dan il-post.

Villmols merci.