L-istorja Ewropea tal-Kroazja hi storja ta' suċċess 

 

Il-Prim Ministru tal-Kroazja Andrej Plenković kien fi Brussell biex jindirizza d-dibattitu 'Din hi l-Ewropa'. Fl-introduzzjoni tagħha, l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-isħubija tal-Kroazja fiż-żona ewro hi mument kruċjali kemm għall-pajjiż imma anke għall-Unjoni Ewropea.

© L-Unjoni Ewropea |  Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola mal-Prim Ministru tal-Kroazja Andrej Plenković

Magħna llum għandna lil Andrej Plenković, il-Prim Ministru tal-Kroazja.

Prim Ministru, nagħtuk merħba lura fil-Parlament Ewropew – dar li int midħla sew tagħha. 

Nafuk bħala Ewropeista konvint u kburi li, meta kont Segretarju tal-Istat għall-Integrazzjoni Ewropea, tfajt is-sisien għall-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea fl-2013, u bħala Membru tal-PE ħdimt mill-qrib magħna lkoll u anki mal-kollegi Ukreni. Illum, taħt it-tmexxija tiegħek bħala Prim Ministru tal-Kroazja, pajjiżek issodisfa b'suċċess il-kriterji ġuridiċi kollha biex jidħol fiż-żona tal-euro. Ta' dan nifirħulek.

Fil-bidu tas-sena, id-dar tagħna ċċelebrat l-20 anniversarju tal-euro. Jixraq li l-Kroazja dalwaqt issir l-20 membru taż-żona tal-euro.

Dan jimmarka mument deċiżiv għall-Kroazja u għall-Unjoni tagħna. 

Iżda biex nibqgħu kredibbli, jeħtiġilna wkoll ikunu konsistenti. Il-Kroazja tinsab lesta biex tidħol f'Schengen. Il-Parlament Ewropew ilu li rrikonoxxa l-fatt li l-Kroazja ssodisfat ir-rekwiżiti neċessarji kollha biex tingħaqad maż-żona Schengen, u se nkomplu nappoġġaw dan il-pass.

L-istorja Ewropea tal-Kroazja hi storja ta' suċċess.  Tnissel tama. Turi r-riżultati.

Bi gwerra fil-kontinent tagħna u bid-deċiżjonijiet li jeħtiġilna nieħdu din il-ġimgħa, l-importanza tat-tama ma tistax tiġi sottostimata. Imma daqshekk naslu 'l bogħod bit-tama biss. Meta l-pajjiżi jħarsu lejn l-Ewropa, jistennew li nżommu kelmtna u jistennew progress konkret.  Għax l-Ewropa tista' tkun aktar minn hekk.

B'hekk nikkonkludi, nirringrazzja lill-Prim Ministru – għażiż Andrej, grazzi talli int sostenitur ferventi tal-Ewropa, tat-tmexxija tiegħek u tal-isforzi bla heda li tagħmel biex iżżomm prospettiva fattibbli tal-UE għar-reġjun.

Prim Ministru, Andrej, nagħtik il-kelma.