Id-demokrazija teħtieġ tmexxija 

 

Illum, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ndirizzat il-Konferenza tal-Ispeakers tal-G7 f’Berlin. Fid-diskors tagħna, hi tkellmet dwar il-bżonn li niddefendu d-demokrazija. “Id-demokrazija teħtieġ sforz, jixirqilha qlubija, teħtieġ tmexxija.”

© Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola mal-Ispeakers tal-Istati Membri tal-G7
u l-Ispeaker tal-Verkhovna Rada, is-Sur Ruslan Stefanchuk

Ilbieraħ, id-dinja ċċelebrat il-Jum Internazzjonali tad-Demokrazija. 

Din hija s-sena li ġejna mġiegħla niffaċċjaw lil dawk li jixtiequ jġibu lura purtiera tal-ħadid biex jogħstru d-demokrazija bl-oppressjoni u l-vjolenza. Kunflitt li ra – u għadu jara – l-istil ta' ħajja tagħna stess jiġi mhedded minn dawk li jqisu d-demokrazija bħala dgħufija. Minn dawk li jqisu d-drittijiet u l-libertajiet bħala ostaklu minflok għan. 

Nixtieq nibqa' ntenni, għax ta' min jibqa' jirrepetih: id-demokrazija hija direttament opposta għall-awtokrazija. U dan jistħoqqlu jingħad diversi drabi. Hija sistema imperfetta iżda hija l-aqwa sistema li fuqha jinbena kollox.

Id-dinja nbidlet fl-24 ta' Frar meta t-tankijiet Russi daħlu f'Ukrajna indipendenti. Kienet twissija għalina lkoll li konna kompjaċenti wisq, komdi wisq bl-idea li d-demokraziji tagħna, u l-istil ta' ħajja tagħna kienu se jibqgħu mhux mittiefsa. Aħna nqisu l-libertà li nivvotaw lil min irridu bħala fatt. Nieħdu bħala stat ta' fatt li naqraw ġurnaliżmu indipendenti. Nafu li nistgħu ningħaqdu, li nistgħu ngħidu dak li rridu, nistgħu ma naqblux, nistgħu nagħmlu dak li jagħmilna l-kuntentizza, jista' jkollna opinjoni kuntrarja, nistgħu ngħixu u nħobbu kif nixtiequ mingħajr ebda konsegwenza. Dan huwa l-istil ta' ħajja miftuħ u liberu tagħna.

Madankollu, dan ġie mhedded matul dawn l-aħħar 205 ijiem u jista' jipprevali biss jekk niddefenduh; jekk nispjegaw il-benefiċċji tiegħu lil ġenerazzjonijiet li qatt ma rawh jiġi kkontestat; jekk ngħammru liż-żgħażagħ bil-ħiliet li jeħtieġu biex issaħħuh, biex jipproteġuh. 

L-edukazzjoni hija ta' importanza fundamentali. F'din il-gwerra, rajna kif l-informazzjoni hija arma. It-tattiċi ta' diżinformazzjoni Russi qed jilħqu malizzja u dimensjonijiet li qatt ma rajna bħalhom. Qed niffaċċjaw battalja online tossika sal-punt li qed thedded il-bażi nnifisha tas-soċjetajiet ħielsa tagħna u l-elezzjonijiet ħielsa tagħna. Din hija xi ħaġa li l-ewwel għandna nitgħallmu nifhmuha, u mbagħad niġġieldulha.

L-istorja tagħna għallmitna li d-demokrazija ma tistax taffordja l-kompjaċenza.  Id-dinja issa teħtieġ tmexxija. Issa, meta huwa diffiċli li wieħed imexxi. Issa meta l-għeja tal-gwerra bdiet tinħass. Meta l-prezzijiet qed jogħlew. Meta qed ikun aktar diffiċli li nsaħħnu d-djar. Meta l-fjuwil tal-karozzi qed ikun aktar għali u meta l-ikel sar aktar skars minn qabel. 

Dan huwa t-test reali tar-rieda tagħna, tas-sistemi tagħna, u kburija li din il-formazzjoni, is-sħubija demokratika globali tagħna, żammet b'mod qawwi biex tiffaċċja din l-isfida. 

Nistgħu ngħidu li huwa bis-saħħa tagħna u tal-libertajiet demokratiċi tagħna li l-Ukrajna u l-poplu tagħha qed iħarsu lejna – demokraziji parlamentari – għall-appoġġ. Meta nitkellem dwar appoġġ, ma nirreferix biss għal għajnuna tanġibbli, iżda nirreferi wkoll għall-appoġġ ta' demokrazija parlamentari b'diversi partiti madwar id-dinja li jiżgura li mhux biss tissopravivi dan l-attakk feroċi, iżda tirnexxi. 

Sabiex is-sistemi parlamentari demokratiċi tagħna jiffunzjonaw, għeżież ħbieb, dawn iridu jinżammu responsabbli permezz ta' elezzjonijiet, soċjetà pluralistika, appoġġ għal media ħielsa, b'istituzzjonijiet b'saħħithom u soċjetà ċivili. Dan ifisser li l-iskrutinju tal-votanti huwa essenzjali. Hemm ħafna żgħażagħ li jħarsu lejn il-politika b'mod differenti kif ħarisna lejha meta konna żgħażagħ aħna.  Kbirt fil-politika tal-UE. Sirt attivista għax ridt li 20 sena ilu pajjiżi jissieħeb mal-Unjoni Ewropea. Anke dak iż-żmien, ħsibt li kont qed niġġieled u nitlef battalja ma' kollegi tiegħi li għalihom l-elezzjonijiet ma kienu jfissru xejn. Kienu jaħsbu li jekk ma jivvotawx ma jkun ġara xejn, ma jinbidel xejn, il-politiċi kollha l-istess. Iżda tgħallimna li dan ma kienx il-każ: l-iskrutinju tal-votanti, l-istituzzjonijiet b'saħħithom u s-soċjetà ċivili, bl-involviment u l-interess u l-parteċipazzjoni, huma wisq importanti. Issa qed inħares lejn l-2024, sena li fiha se nkunu qed niffaċċjaw l-iskrutinju bħala Parlamen
t Ewropew. Li noħorġu n-nies jivvotaw, li niġġieldu l-apatija u ċ-ċiniżmu hija sfida.

Għax ladarba l-awtokrazija tikseb il-momentum u meta r-retorika simplistika ssir verità fuq il-pjattaformi tal-media soċjali, meta l-politiċi populisti u nazzjonalisti jqanqlu dubji ta' kuljum: hija r-responsabbiltà tagħna li nedukaw, inserrħu moħħ u nisimgħu lill-elettorat tagħna. 

Id-demokrazija teħtieġ sforz. Id-demokrazija jistħoqqilha kuraġġ. Id-demokrazija teħtieġ tmexxija. 

Huwa xogħolna li nikkonvinċu lill-votanti tagħna dwar il-merti – u r-responsabbiltajiet – marbuta mas-sens ċiviku u d-demokrazija. Mhux billi nkunu kondexxenti jew billi naġixxu b'insistenza ineffettiva, iżda b'rieda ġenwina f'isimna biex inġibu lin-nies magħna fil-programm "demokrazija parlamentari", li għal ħafna żmien żbaljajna u assumejna li dan kien evidenti. 

Dan ifisser li jeħtiġilna nkunu onesti dwar in-nuqqasijiet tas-sistemi tagħna wkoll. Id-demokrazija mhijiex mingħajr il-problemi tagħha iżda fl-aħħar mill-aħħar hija l-aħjar mod, l-unika triq 'il quddiem għall-progress. 

Għad għandna bżonn insarrfu l-benefiċċji ta' soċjetà demokratika, il-ħtieġa ta' kontrolli, bilanċi, responsabbiltà u pluraliżmu għal udjenza li qed issir dejjem aktar konxja. Naraw rigress fir-regoli fundamentali anke fl-Unjoni Ewropea; naraw li huwa ħafna aktar diffiċli li wieħed isir membru tal-Unjoni Ewropea milli jibqa'. Fl-istess ħin, għandna udjenza li n-newsfeeds u l-istazzjonijiet tal-televiżjoni tagħha qed jiġu kontinwament ibbumbardjati bil-kumdità falza ta' tweġibiet faċli għal mistoqsijiet diffiċli. 

Nikkwota lir-Rabbi Jonathan Sacks, li jgħid: "Soċjetà ħielsa hija kisba morali. Matul dawn l-aħħar ħamsin sena din il-verità ġiet minsija, injorata, jew miċħuda fil-Punent. Huwa għalhekk li llum id-demokrazija liberali tinsab f'riskju." U nafu wkoll li mhuwiex faċli li jiġi miġġieled ix-xettiċiżmu demokratiku li qed jiżdied. Iżda jekk id-demokrazija għandha verament tirnexxi, jeħtieġ li nerġgħu lura għall-elementi bażiċi. 

Jeħtieġ li nispjegaw lin-nies li l-istrutturi politiċi tagħna huma mezz għal ħajja aħjar u aktar ġusta milli għan fihom infushom. 

U verament għandna bżonn nibqgħu nispjegaw darba wara l-oħra kif id-demokrazija tista' tgħin lin-nies. Għax inkella noħolqu lakuni biex din in-narrattiva tossika taqbad sew.

Ejjew nitkellmu dwar it-titjib tal-edukazzjoni ċivika fl-iskejjel tagħna minn età bikrija ħafna. Ejjew nissieħbu aktar mal-bordijiet tal-edukazzjoni u mal-awtoritajiet tal-edukazzjoni għolja tagħna, mas-soċjetà ċivili, u mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-istudenti. Din hija sfida kbira għalina fl-Ewropa u f'ħafna Stati Membri tal-UE. Jeħtieġ li nilħqu lin-nisa żgħażagħ u lill-bniet b'mod partikolari. In-nisa ftit li xejn jidħlu fil-politika u llum hija intimidanti ħafna li tkun żagħżugħa fil-politika.

It-tfal tal-iskola llum qed isejħulna għax fil-klassijiet tal-iskola mhux qed jitgħallmu biżżejjed dwar l-elezzjonijiet. U naħseb li nistgħu nagħmlu aħjar. Nistgħu nagħmlu l-politika interessanti għaż-żgħażagħ. Nistgħu nagħmlu dan prattikament f'ħafna komunitajiet. 

Hawnhekk, f'dan it-territorju tagħna Ewropew, li ra l-agħar delitti immaġinabbli kontra l-umanità, huwa l-bażi fejn iridu jiġu mgħallma u misluta l-lezzjonijiet fid-demokrazija.

Grazzi.