Hi u tindirzza l-mexxejja, il-President tal-Parlament Metsola tenniet li f’dinja ta’ poteri uniċi, l-Ewropa trid iżżid l-ambizzjoni politika tagħha: fuq id-difiża u l-kompetittività.
Grazzi António. Bonġu lil kulħadd.
Ippermettuli nibda minnufih billi ngħid li l-aħħar żviluppi dwar Ċipru huma inkoraġġanti. Hemm xaqq ta’ tama fuq ix-xefaq. Irrid inserrħilkom raskom li l-appoġġ tal-Parlament Ewropew huwa sod fir-rigward tal-proċess ta’ riżoluzzjoni mmexxi min-Nazzjonijiet Uniti u lesti nappoġġjaw lil Ċipru b’kull mod neċessarju.
Għaliex l-Unjoni Ewropea hija, l-ewwel u qabel kollox, proġett ta’ paċi. U peress li aħna proġett ta’ paċi, il-ħidma tagħna favur il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-paċi dejjem se tibqa’ prijorità assoluta fl-aġenda tagħna. Fl-Ewropa nafuh il-prezz tal-waħx tal-gwerra, u nafu wkoll il-prezz terribbli li ħallsu l-ġenerazzjonijiet għal paċi li ma ggarantitilhomx il-libertà jew id-drittijiet tagħhom.
Hija din l-esperjenza diretta li tiggwida ħsibijietna u azzjonijietna fir-rigward tal-Ukrajna. Qed nerqsu ftit ftit lejn progress biex insibu soluzzjoni, iżda dak li jgħodd tliet snin ilu għadu jgħodd illum: il-paċi trid tkun reali, inkella tkun sempliċement l-illużjoni ta’ paċi. Għalhekk se nkomplu ninsistu biex tinstab soluzzjoni li tippermetti paċi reali, li ddum aktar mill-immedjat, u li tibbilanċja r-responsabbiltajiet. Paċi li tiżgura l-libertà u d-dinjità, li tiggarantixxi l-libertà għall-Ukrajna u s-sigurtà għall-Ewropa, u li tkun deterrent għal dawk li mingħalihom jistgħu jieħdu l-kontroll ta’ nazzjonijiet sovrani u indipendenti bil-forza.
U, b’rabta ma’ dan, l-azzjonijiet tagħna huma neċessarji, mhux biex inkunu altruwisti, iżda biex naqdu dmierna li nżommu s-sigurtà tal-Ewropa u tal-Ewropej. Għax Ukrajna mingħajr appoġġ mhix se tkun kapaċi tiddefendi lilha nnifisha. U jekk tkun ir-Russja li jkollha r-riedni tal-Ukrajna f’Kiev, l-Ewropa u d-dinja jkunu anqas siguri u anqas prosperi.
U billi fuq l-apparati elettroniċi tagħna għaddejja gwerra tal-informazzjoni, jeħtieġ li nkunu ċari dwar ir-raġuni ta’ dak li nagħmlu u għala dak li nagħmlu huwa tant importanti.
L-Unjoni Ewropea ilha għexieren ta’ snin tikber fil-prosperità bis-saħħa tas-setgħa ta’ persważjoni. F’dinja fejn il-potenzi individwali qegħdin jikbru, ma nistgħux nintrassu f’morsa minħabba nuqqas ta’ ambizzjoni politika. Fi ftit kliem: l-Ewropa jeħtiġilha tippreżenta ruħha bħala forza li dak li jkun irid jagħti kasha. Dak ifisser li jeħtieġ li nkunu lesti. Ifisser li ndaħħlu jdejna fil-but biex niffinanzjaw l-azzjonijiet tagħna. Ifisser li nikkunsidraw bis-serjetà s-sigurtà, il-prontezza u l-kompetittività tagħna.
F’idejna diġà għandna l-pjanijiet lesti. Kellna r-rapporti ta’ Draghi, ta’ Letta u ta’ Niinistö li spjegawlna fid-dettall is-sitwazzjoni. Għandna l-pjan ReArmEU, il-Pakkett Omnibus dwar is-Simplifikazzjoni u l-White Paper dwar il-Futur tad-Difiża Ewropea.
Saħansitra tliet snin ilu l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa kienet diġà wrietna d-direzzjoni li għandna nsegwu.
Il-fatt li, f’xahrejn u nofs, diġà ltqajna tliet darbiet f’dan il-format ifisser ħafna. Ifisser li l-Ewropa qed tintensifika l-isforzi tagħha u terfa’ r-responsabbiltà għas-sigurtà tagħha. Iżda hemm bżonn li naħsbu fuq skala akbar u naġixxu aktar malajr. Ma nistgħu neskludu l-ebda kwistjoni.
Il-Parlament qed jagħmel il-parti tiegħu. Ksibna r-riżultati fl-akkwist komuni fil-qasam tad-difiża. Il-ġimgħa l-oħra approvajna proċedura urġenti għall-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea, li se tippermettilna nikkonkludu n-negozjati f’qasir żmien. U rnexxielna nagħmlu dan f’temp ta’ ġimagħtejn biss.
Għaliex nifhmu li s-sigurtà hija l-pedament tal-affarijiet kollha l-oħra, u li s-sigurtà ma għandhiex taqsam biss mad-difiża, iżda wkoll mal-ekonomija, mal-enerġija u mal-agrikoltura tagħna. Għandha x’taqsam anki mal-protezzjoni tal-fruntieri u taċ-ċittadini tagħna u mal-fatt li s-sistemi tagħna jkunu ġusti, effikaċi u mhux esposti għall-abbużi.
Il-proposta l-ġdida dwar ir-ritorni hija l-aħħar biċċa kruċjali tal-mużajk li hemm bżonn li nagħqdu. Il-Parlament Ewropew lest. Nafu li din is-sitwazzjoni trid titranġa, li l-lakuni jridu jimtlew u li l-isfruttament jieqaf. U l-piż ta’ din ir-responsabbiltà jinħass ġmielu fuq spallejna.
Li rrid ngħid hu li mingħajr dan is-sens ta’ sigurtà, l-ebda persuna ma tista’ tħossha sigura, l-ebda ekonomija ma tista’ tiffjorixxi, l-ebda impriża ma tista’ tikber u l-influwenza tal-Ewropa fid-dinja se tmajna. Fl-istess ħin nifhmu wkoll li mingħajr ekonomija kompetittiva b’saħħitha, ma jkollniex ir-riżorsi li għandna bżonn biex ninvestu fis-sigurtà tagħna. Mhux se jkollna s-saħħa ekonomika biex niddefendu l-pożizzjoni tagħna. Is-sigurtà u l-ekonomija jimxu id f’id.
Meta niġu biex insaħħu l-ekonomija tagħna, nafu x’hemm bżonn. Qed ngħixu rivoluzzjoni teknoloġika b’potenzjal trasformattiv kbir daqs dak tar-Rivoluzzjoni Industrijali, forsi saħansitra akbar. U l-punt tat-tluq tagħna huwa pjuttost sod biex nisfruttaw dan l-aspett: għandna l-kapital u għandna t-talent. Dak li qiegħed jinkwetani iżda hu għaliex dawk ir-riżorsi mhumiex qegħdin jiġu investiti fl-Ewropa.
It-tweġiba qiegħda taħt imneħirna. Hemm bżonn inlestu l-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti tagħna. Il-proposta tal-Kummissjoni tal-bieraħ hija tajba, iżda hija biss pass wieħed. Dak li tassew għandna bżonn huwa qabża ta’ ġgant. Ma rridx nimminimizza s-sensittivitajiet politiċi involuti imma ma nistgħux nistennew għaxar snin oħra biex is-sistemi tagħna jibdew. Il-Parlament se jkompli jagħmel il-parti tiegħu. F’dan ir-rigward nixtieq b’mod speċifiku nsemmi l-ħidma li qed issir fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet dwar l-insolvenza. Ir-rapporteur tal-Parlament qiegħed jiffinalizza r-rapport tiegħu fil-Kumitat għall-Affarijiet Legali. L-għan tagħna huwa li nkunu f’pożizzjoni li nidħlu f’negozjati mal-Kunsill qabel is-sajf. Iż-żewġ koleġiżlaturi jeħtieġ li jisfruttaw dan ir-ritmu li qabdu.
Marbut ma’ dan hemm bżonn urġenti li nissemplifikaw il-proċeduri tagħna. Nemmen li fejn nistgħu nagħmlu l-affarijiet aktar faċli u aktar sempliċi, jeħtiġilna nagħmluhom. Fejn hemm bżonn nikkoreġu u nadattaw ruħna għar-realtajiet il-ġodda, ikun tajjeb li nagħmlu hekk. U aħna u nagħmlu hekk, jeħtiġilna nirreżistu t-tentazzjoni li nippruvaw insolvu l-problema f’qasam wieħed billi noħolqu aktar burokrazija f’qasam ieħor.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-Pakkett Omnibus dwar is-Simplifikazzjoni, ma jistax ikun hemm miżuri tan-nofs kedda. Fir-rigward tal-proposta “Waqqaf l-Arloġġ”, il-Parlament mistenni jadotta proċedura urġenti biex jadottaha fi żmien ġimagħtejn. Fir-rigward tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD) u tad-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva (CSDDD), ir-rapporteurs qegħdin fil-fażi li jinħatru u x-xogħol se jibda f’April. Anki x-xogħol fuq l-emendi għall-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM) u għal InvestEU mistenni jibda x-xahar id-dieħel. Għaliex il-Parlament jifhem li l-livell ta’ ambizzjoni tagħna jeħtieġ li jissodisfa l-aspettattivi taċ-ċittadini. Dan jirrikjedi sens ta’ urġenza; jirrikjedi ċarezza, mhux biss tal-objettivi tagħna, iżda fil-mod kif niksbuhom, kif inkunu kapaċi nimxu lkoll kemm aħna fl-istess direzzjoni.
L-istess jgħodd għall-infiq pubbliku. In-negozjati imminenti dwar il-baġit fit-tul tal-Unjoni Ewropea se joffrulna opportunità tad-deheb biex il-fondi tagħna jkunu allinjati mal-prijoritajiet strateġiċi tagħna. Mhijiex għażla prattikabbli li nibqgħu hekk kif aħna.
Ir-realtà hi li r-riformi sinifikattivi biex il-baġit tagħna jsir aktar sempliċi, aktar flessibbli u aktar orjentat lejn ir-riżultati jeħtieġ li jirnexxu bl-appoġġ tal-Parlament. Xogħolna diġà bdejnieh bir-rapport fuq inizjattiva proprja, mistenni li jiġi ppreżentat f’Mejju. Ir-rwol tagħna neħduh bis-serjetà u kemm-il darba wrejna li aħna atturi responsabbli. Imma biex inkunu nistgħu nagħmlu dan, il-Membri tagħna jeħtieġ li jkunu involuti bis-sħiħ f’kull fażi tal-proċess.
Kelmtejn tal-aħħar dwar il-QFP, irrid nenfasizza wkoll li mhijiex kwistjoni li nonfqu kemm nifilħu biex insolvu l-problema, iżda x’nagħmlu fir-realtà bil-flus li nonfqu għaliha. Ekonomija b’saħħitha tibda bi nfiq bil-għaqal. U l-QFP li jmiss irid jirrifletti dak li huwa l-aktar importanti għaċ-ċittadini.
L-aqwa żminijiet tagħna għad irid jaslu, iżda dan jiddependi minna, mir-rieda politika tagħna, mill-kuraġġ tagħna li nieħdu azzjoni, mill-kapaċità tagħna li nibqgħu magħqudin u mill-kapaċità tagħna li nżommu orjentament strateġiku. M’hemmx dubju li t-triq li għandna quddiemna mhix se tkun waħda faċli. Imma l-Ewropa tinsab lesta.
You may find here the transcriptions of her speech per language: