L-Ewropa tista' tkun kburija bid-deċiżjonijiet li ħadet  

 

L-Ewropa tista' tkun kburija bid-deċiżjonijiet li ħadet  

Brussell  
 
 

Hi u tindirizza s-Sessjoni tal-Ftuħ tal-Ġimgħa Ewropea Parlamentari, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li hemm ħafna aktar x'jista' jsir biex ngħinu lill-Ukrajna u biex ngħinu liċ-ċittadini Ewropej jindirizzaw l-inflazzjoni għolja, l-prezzijiet tal-enerġija għoljin u l-kontijiet tad-djar.

       

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola mal-President tar-Riksdag Żvediż Andreas Norlén 

President Norlén,
Viċi President Dombrovskis, 
Mistednin distinti u kollegi,

Huwa pjaċir nilqagħkom għall-ftuħ tal-edizzjoni tal-2023 tal-Ġimgħa Parlamentari Ewropea. 

Tlett ijiem ilu għaddiet sena eżatt minn mindu Putin beda l-aggressjoni militari fuq skala kbira tiegħu kontra l-Ukrajna, Stat indipendenti u sovran. Sena li fiha Ukreni kuraġġużi ssugraw ħajjithom biex jipproteġu lill-patrija tagħhom u jiddefendu l-valuri tagħna. Sena ta' instabbiltà dinjija hekk kif Putin jippersisti bl-attivitajiet illegali u bla ħniena tiegħu.

Is-sena l-oħra, meta indirizzajt dan il-forum, tkellimt dwar l-impatt tal-kriżijiet fuq l-ekonomiji tagħna u r-risposta tagħna għalihom. Il-gwerra fl-Ukrajna kienet ilha li bdiet ftit ġimgħat qabel, iżda l-effetti tal-inflazzjoni u tal-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel diġà kienu bdew jinħassu miċ-ċittadini u mill-impriżi fl-Ewropa kollha. Ridt nagħmel paralleliżmi bejn ir-risposta li tajna lill-pandemija u dik li tkun meħtieġa minna quddiem l-aggressjoni Russa. It-tnejn kienu sfidi li kienu jirrikjedu risposta Ewropea. Dak iż-żmien kont nemmen, kif għadni nemmen sal-lum, li l-għażliet li nagħmlu matul il-gwerra se jirriżultaw deċiżivi għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta' għada fl-Ewropa.

Illum qiegħda hawn biex ngħidilkom li jiena kburija bl-għażliet li għamilna. Naf li kull wieħed u waħda minna kellna t-tentazzjoni nieħdu azzjoni għal rasna, iżda rreżistejna. Lil Putin waqafnielu, liċ-ċiniċi fxilniehom u ngħaqadna bħal qatt qabel f'solidarjetà mal-Ukrajna u biex niddefendu l-valuri tagħna. 

B'hekk bqajna miftuħa u skjetti dwar il-prezz li kellhom iġarrbu ċ-ċittadini tagħna. Madankollu, irnexxielna nsibu modi liema bħalhom biex nipproteġu lill-ekonomiji u lis-soċjetajiet tagħna mill-effetti tal-gwerra. Il-pass diffiċli, għad li neċessarju, biex ma nibqgħux niddependu mill-provvisti tal-enerġija Russi huwa waħda mill-bosta deċiżjonijiet li lill-Ewropa tagħna se jagħmluha aktar reżiljenti. 

Sena wara, ma nixtieqx nissottovaluta s-sitwazzjoni diffiċli li għadna fiha. B'niket kbir konxja li għadna ma għamilniex biżżejjed – għall-Ukrajna u għaċ-ċittadini tagħna. 

Il-gwerra fl-Ukrajna għadha għaddejja. Ma nistgħux inħallu l-għeja minħabba l-gwerra tagħmel tagħha – dan huwa dak li qed jittama l-Kremlin. Irid jeżawrixxi s-sistemi tagħna u l-paċenzja tagħna. L-Ukrajna għad għandha bżonn aktar appoġġ. 

Kif għandhom bżonn aktar appoġġ ukoll iċ-ċittadini tagħna. F'dan il-perjodu ta' instabbiltà globali, ta' inflazzjoni għolja, prezzijiet tal-enerġija m'għola s-sema, industriji f'diffikultà u kontijiet li jgħakksu lill-familji, l-Ewropa għandha bżonn li tisfrutta l-akbar riżorsa tagħha. 

Din is-sena taħbat it-30 anniversarju tas-Suq Uniku tagħna. F'dan il-perjodu, kien hemm aktar opportunitajiet għaċ-ċittadini, għall-impriżi u għall-konsumaturi milli qatt konna nobsru. Il-fatt li aħna l-akbar suq uniku u demokratiku tad-dinja saħħaħ il-qagħda tagħna fid-dinja. Anki f'mument meta l-istil Ewropew tagħna ta' kif nagħmlu l-affarijiet qiegħed jiġi kkontestat, xorta għadna nistabbilixxu standards globali. Għaliex il-mudell tagħna ta' soċjetajiet miftuħa u ta' swieq miftuħa jaħdem. 

U dan nistgħu niżviluppawh. Għandna nħaffu l-investimenti fl-Ewropa, nerġgħu npoġġu lill-ekonomija Ewropea f'perkors stabbli ta' tkabbir. Sentejn ilu, NextGenerationEU kien risposta storika għall-effetti tal-pandemija. Sentejn wara, issa huwa kruċjali wkoll għar-risposta tagħna għall-effetti tal-gwerra ta' Putin. Il-ftehim reċenti ta' REPowerEU se jħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u jsaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Unjoni Ewropea. U anki wara dan kollu, il-finanzjamenti ta' NextGenerationEU għadhom kapaċi jiffinanzjaw aktar investimenti u riformi ewlenin. Kulma għandna bżonn hija r-rieda politika biex nieħdu azzjoni.

Ftit ġimgħat ilu biss, sirna nafu minn rapporti li l-impriżi tas-settur tal-enerġija u tal-elettriku qalgħu profitti rekord fl-2022. Issa wasal iż-żmien li ninsistu fuq l-idea ta' taxxa fuq il-profitti straordinarji mhux mistennija għall-kumpaniji tal-enerġija. 

Naf li Settembru li għadda, l-Istati Membri qablu fuq forma ta' taxxa fuq il-profitti straordinarji mhux mistennija, iżda din se tibda tapplika biss din is-sena u se tkun limitata fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Meta naħsbu li impriża tal-enerġija waħedha għamlet bejn wieħed u ieħor €40 biljun fi dħul addizzjonali fi żmien meta ċ-ċittadini u l-impriżi jinsabu għarkupptejhom, huwa ċar għalija li għadhom wisq dawk li s-sistema mhijiex tgħinhom kif suppost. 

L-aħħar previżjonijiet jindikaw li l-Unjoni Ewropea se tkun tista' tuża aktar enerġija rinnovabbli fil-5 snin li ġejjin milli qatt għamlet f'dawn l-aħħar 20 sena. 
Il-bżonn ta' din it-tranżizzjoni mhuwiex theddida, iżda opportunità. Jekk inżommu mal-valuri demokratiċi tagħna mingħajr ma ninsew l-objettivi tal-aġenda dwar il-klima tagħna bis-saħħa tal-qafas regolatorju tagħna mfassal apposta, ninsab konvinta li l-Unjoni Ewropea tkun tista' tikseb vantaġġ kompetittiv f'livell dinji. 
U aħna u nagħmlu hekk, jeħtiġilna nevitaw it-tentazzjoni li nipparteċipaw f'tellieqa tal-protezzjoniżmu. Ma għandniex għalfejn ningħalqu fina nfusna: l-ekonomija tagħna kibret tul is-snin proprju għaliex bqajna sodi biex nagħmlu bil-maqlub. 

L-istil tagħna jaħdem.

Biex dan niksbuh, għal darb'oħra aħna mitlubin nagħtu risposta Ewropea kuraġġuża, ikkoordinata u magħquda – relazzjoni li dan id-djalogu interparlamentari ilu jrawwem snin sħaħ.

Il-Ġimgħa Parlamentari Ewropea ta' din is-sena tlaqqa' 111-il parlamentari minn 39 kamra ta' 29 pajjiż Ewropew. Nilqa' b'apprezzament partikolari lir-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali tal-Ukrajna, tal-Moldova u tal-Bożnija-Ħerzegovina, inkluż il-President Denis Zvizdić, li għall-ewwel darba qed jipparteċipaw f'dan il-forum bħala pajjiżi bi status ta' kandidat tal-Unjoni Ewropea.

Ippermettuli nieħu wkoll din l-opportunità biex nirringrazzja lill-kollegi tiegħi tar-Riksdag Żvediż, b'mod partikolari lill-President Andreas Norlén, talli ffaċilitaw din il-konferenza importanti u talli żammew il-kooperazzjoni interparlamentari prijorità fl-aġenda tagħna. Aħna u naqsmu bejnietna l-ideat, flimkien nitgħallmu nsibu l-aħjar soluzzjonijiet għaċ-ċittadini tagħna, b'hekk niżguraw li ħadd ma jibqa' lura.

Nawgurakom ilkoll li jkollkom ħafna diskussjonijiet produttivi u nistenna b'interess li nisma' l-fehmiet tal-kelliema u tal-kollegi kollha mill-parlamenti nazzjonali kollha u minn din il-Kamra.