L-Ewropa prezzjuża - Metsola tindirizza lid-Daniżi fil-Librerija Rjali 

 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ġiet milqugħa f’Kopenħagen mill-Prim Ministru Daniża Mette Frederiksen. Flimkien, huma indirizzaw avveniment fir-Royal Library, fejn tkellmu dwar il-passi li jmiss tal-Ewropa. Fid-diskors tagħha, il-President Metsola spjegat għaliex l-Ewropa tiswa u appellat lil dawk preżenti biex joħorġu jivvutaw.

Prim Ministru,
Għażiża Mette,
Ħbieb,

Huwa pjaċir kbir għalija li qiegħda hawn u lura d-Danimarka. Għaddew għoxrin sena mill-ewwel darba li ġejt hawn, biex insegwi laqgħa tal-Kunsill, u niftakarni naħseb li probabbilment kont qiegħda fl-aktar post pjaċevoli fid-dinja – nies mill-aħjar, ikel liema bħalu, u probabbilment l-aqwa birra fid-dinja – imbagħad mort il-festival ta’ Roskilde u l-katidral, u kkonfermajt l-ewwel impressjoni li kelli.

Ridt nibda d-diskors tiegħi b’dan il-kliem, għaliex dawn l-affarijiet kollha huma parti mis-sbuħija tal-Ewropa.

Ġejt lura d-Danimarka llum bil-messaġġ li tgħallimt għall-ewwel darba għoxrin sena ilu – li l-Ewropa vallapena. Vallapena l-ħin tagħkom, l-enerġija tagħkom, il-fiduċja tagħkom. Vallapena l-frustrazzjonijiet li xi drabi tikkawża. Vallapena l-fondi li tiswa. Vallapena għaliex ittejjeb il-ħajja tan-nies. Vallapena għaliex il-proġett tagħna huwa uniku fid-dinja, imsejjes fuq kunċett sempliċi ħafna: it-tama.

Xi drabi ninsewha dik il-verità. Ninsew għax inkunu mxekkla nindirizzaw kriżi wara oħra, kemm jekk ekonomika, tal-migrazzjoni, soċjali, tas-saħħa, tal-enerġija jew tas-sigurtà. Huwa minnu li għandna l-ħabta nsibu modi strambi u kumplessi, moħbija wara akronimi li ma jinftehmux u li jgerrxu lin-nies. U huwa minnu li, kultant, inħossu li l-Ewropa qiegħda ’l bogħod mir-realtajiet tagħna ta’ kuljum, u dan nista’ nifhmu, u huwa għalhekk li qiegħda hawn illum. Biex nisma’, biex nispjega, biex inwieġeb u biex infakkarkom li qalb l-Ewropa tħabbat b’saħħitha fil-Jutland jew fiż-Zealand daqs kemm tħabbat b’saħħitha fi Brussell jew fi Strażburgu.

Meta nħatfet tfajla żagħżugħa, għexna dawk is-27 siegħa magħkom. Bħalkom, aħna determinati li niżguraw li ma jkunx hemm belt waħda, raħal wieħed, rokna waħda tal-Ewropa tagħna fejn tfajliet ta’ 13-il sena ma jħossuhomx sikuri. Fejn in-nisa ma jitħallewx jgħixu ħajjithom.

Għalkemm nistgħu naqsmu l-mumenti tajbin kif ukoll il-mumenti ħżiena, dan ma jfissirx li l-Ewropa trid li kulħadd ikun l-istess. M’aħniex omoġenji. M’għandniex l-istess tradizzjonijiet, lingwi jew kulturi – iżda s-sbuħija ta’ dan il-proġett huwa li huma proprju dawk id-differenzi li jagħtuna d-determinazzjoni biex nilħqu l-għanijiet tagħna. Huma dawk id-differenzi li l-awtokrati mingħalihom li jfissru dgħufija. Urejniehom kemm kienu żbaljati bir-rispons tagħna għall-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u se nibqgħu nuruhom kemm huma żbaljati.

Biex inbniet l-Ewropa, kien meħtieġ kuraġġ politiku enormi. Popli li ġġieldu kontra xulxin mill-bidu tal-istorja, poġġew madwar mejda u qablu li l-kooperazzjoni hija aħjar mill-kunflitt. Fehmu li, flimkien, nistgħu nirnexxu u ngħixu kollha f’aktar sigurtà. Kienu konvinti li r-realpolitik u t-tama setgħu jikkoeżistu. U din il-konvinzjoni saret realtà. Id-Danimarka dan fehmitu 50 sena ilu, fl-1973, meta tant Stati Membri kienu għadhom maħnuqa taħt il-piż tal-Purtiera tal-Ħadid, u intom urejtu t-triq f’dawn il-ħamsin sena. Kien hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet diffiċli biex isir xi ħaġa u r-retorika tinbidel f’azzjoni, biex jinbidlu l-ħajjiet, biex tinbidel ir-rotta tal-istorja. L-Ewropa dan irnexxielha tagħmlu. Dan il-proġett mhux perfett tagħna rnexxielu.

Fl-aħħar ħamsin sena, rajna t-trasformazzjoni tal-Ewropa u tal-Ewropej. Kollox inbidel. Kollox ħlief iċ-ċertezza tat-tama li tmexxina ’l quddiem għall-ħamsin sena li ġejjin. Jeħtieġ li nerġgħu nsibu dak il-kuraġġ politiku. Irrid li nerġgħu nħossu dak is-sens ta’ twemmin u ta’ appartenenza.

L-influwenza Daniża fuq l-iżvilupp tal-Ewropa hija xi ħaġa li ma nitkellmux biżżejjed dwarha. Intom kontu hemm u għaddejtu minn dak kollu, u naf li se jibqa’ jkollkom rwol ta’ tmexxija fil-futur.

Allura x’inhuma l-passi li jmiss għall-Ewropa? Jeħtieġ li jkunu l-implimentazzjoni tar-riformi li jridu jaraw in-nies. Riformi tal-leġiżlazzjoni li jippermettulna nippreżentaw l-ekonomija u l-ambjent bħala l-istess naħa tal-istess munita. Ma nistgħux ninjoraw lil waħda biex nagħtu spinta lill-oħra. Hawnhekk nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza Daniża – u naħseb li dan urejnieh meta l-ġimgħa l-oħra stess il-Parlament Ewropew adotta wieħed mill-atti leġiżlattivi l-aktar importanti tal-mandat tiegħu. Il-liġijiet il-ġodda tagħna dwar il-klima mhux biss jagħmlu l-ispazju kondiviż tagħna aħjar għas-saħħa, iżda jagħmluh ukoll aktar sikur, aktar b’saħħtu u aktar prosperu. Il-liġijiet li adottajna huma minn ta’ quddiem fid-dinja u jaffettwaw lid-dinja kollha, se jistabbilixxu l-istandards globali u se juru li nistgħu nsalvaw il-pjaneta tagħna u nkabbru l-ekonomiji tagħna fl-istess ħin. It-tranżizzjoni ekoloġika tfisser ukoll impjiegi ġodda. L-Ewropa vallapena.

Jeħtieġ nirriformaw il-mod kif inħarsu lejn ir-realtajiet ġodda li naraw kuljum. L-IA u ċ-ChatGPT ifissru li r-rivoluzzjoni diġitali li jmiss diġà bdiet. Il-mod kif inħarsu lejn il-bidla huwa importanti – se naħtfu l-opportunità jew se nħallu li l-biża’ mill-bidla jaffettwa d-deċiżjonijiet tagħna? Għalija, l-Ewropa tfisser possibilitajiet mingħajr limitu, iżda rridu niżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħna tkun lesta għall-futur. U proprju hawnhekk jidħol il-Parlament Ewropew. L-istituzzjoni tagħna – il-Membri tal-Parlament eletti minnkom ilkoll – appoġġat liġijiet ġodda dwar is-servizzi diġitali li servew biex jipproteġu d-data tagħna u jisfruttaw il-potenzjal tagħna fil-qasam tat-teknoloġija. Id-deċiżjonijiet u n-negozjati diffiċli wasslu biex illum aħna kapaċi naffrontaw aħjar ir-realtà l-ġdida tal-IA. Kapaċi nikkumbattu aħjar l-attakki ċibernetiċi u l-bots li jippruvaw jużaw l-għodod tagħna kontrina. Kapaċi aħjar niġġieldu kontra d-diżinformazzjoni li tiddestabbilizza d-demokraziji li biż-żmien ma bqajniex napprezzawhom. L-Ewropa vallapena.

Jeħtieġ ukoll li nirriformaw il-mod kif l-Ewropa timxi ’l quddiem – l-Ukrajna, il-Moldova u l-Bożnija qed jistennew biex jibdew in-negozjati tal-adeżjoni. Naturalment, kull pajjiż irid jimxi bil-pass tiegħu u fit-triq tiegħu, iżda l-impatt trasformattiv tal-Ewropa huwa enormi. Iż-żgħażagħ Moldovani li qed jissieltu kontra kull diffikultà immaġinabbli, jemmnu fl-Ewropa. Iż-żgħażagħ Ukreni li qed jiġġieldu kontra l-aggressjoni imperjalista fit-trunċieri, jemmnu. Jeħtieġ li ngħinuhom. Id-Danimarka kienet minn ta’ quddiem ukoll fid-difiża tad-demokrazija. Intom tifhmu li dan ma jikkonċernax biss id-difiża tal-valuri li nikkondividu. Jikkonċerna wkoll is-sigurtà tagħna stess, id-demokraziji tagħna stess u d-difiża tagħna stess. Ma ridniex naslu f’din is-sitwazzjoni, iżda jeħtieġ li naffrontawha. Dan ifisser l-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet u l-għoti ta’ appoġġ militari, umanitarju, politiku u ekonomiku lill-Ukrajna. M’aħniex qed nagħmlu l-karità. Iżda rridu nifhmu li l-Ewropa għandha limitu u jekk nippermettu li dan il-limitu jinqabeż mit-tankijiet Russi, allura se jitqajmu dubji dwar dak kollu li qisnieh bħala xi ħaġa fatta.

Ir-riformi jridu jfissru wkoll li nfasslu mill-ġdid il-kultura politika tagħna li żammet tant nies ’il bogħod mill-politika. Jeħtieġ li nsaħħu l-qawmien mill-ġdid taċ-“ċentru politiku” fl-Ewropa, fejn nistgħu nissodisfaw l-aspettattivi tan-nies mingħajr ma nimbuttawhom lejn it-truf jew l-estremiżmi.
Fejn inkunu kapaċi nikkumbattu n-narrattivi foloz u t-tweġibiet faċli għal mistoqsijiet diffiċli li l-populisti jippruvaw jippreżentaw bħala l-verità.

Wara l-kriżi ekonomika ftit snin ilu, rajna lil aktar u aktar nies ma jibqgħux juru interess – ma nistgħux nippermettu li dan jerġa’ jiġri llum f’dinja li, wara l-pandemija, saret aktar imprevedibbli u aktar perikoluża.

Huwa għalhekk li rridu noqogħdu attenti li ma narmux it-tagħlimiet ibsin li ħadna dwar il-politiki ekonomiċi u fiskali Ewropej. Xi ftit flessibbiltà taf tkun tassew meħtieġa iżda ma nistgħux nippermettu li kulħadd jagħmel li jrid peress li dan sempliċement iwassal għall-kriżijiet finanzjarji tal-ġenerazzjoni li jmiss. Jeħtieġ li nippromwovu l-kunċett ta’ “Ewropa Aħjar” li jimxi id f’id mal-ħtieġa ta’ “Aktar Ewropa”. Il-fondi għandhom limitu, id-dejn irid jitħallas lura u l-uniku mod kif nistgħu nagħmlu dan huwa jekk inkunu kapaċi nkabbru l-ekonomiji tagħna. Għandna l-għodod li neħtieġu biex nindirizzaw l-inflazzjoni u t-tnaqqis fl-introjtu disponibbli iżda jeħtieġ li nsibu l-kuraġġ politiku biex nużawhom, biex nevitaw ġirja protezzjonista żżejjed lejn l-iktar livell baxx.

Is-sena d-dieħla, se nerġgħu nitolbukom tagħżlu d-direzzjoni tal-Ewropa. Nibqgħu mexjin ’il quddiem jew le? Se jkollkom tagħżlu l-Membri tal-Parlament Ewropew tagħkom u dak huwa privileġġ u responsabbiltà tagħkom. Tistgħu tkunu kburin ħafna bil-Membri li eleġġejtu.

L-Ewropa mhijiex perfetta, mhijiex ħrafa sabiħa, iżda hija vallapena u jekk ma tagħżlux ir-rappreżentanti tagħkom intom, xi ħadd ieħor jagħżilhom għalikom. Dik l-Ewropa taf tkun differenti ħafna minn dik li tixtiequ taraw. Ejjew nibnu dik l-Ewropa flimkien.