Hi u tiftaħ id-dibattitu 'Din hija l-Ewropa' mal-President tar-Rumanija Klaus Iohannis, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rringrazzjat lir-Rumanija għall-appoġġ tagħha lill-Ukrajna, u ħeġġet lill-poplu tar-Rumanija biex jivvota fl-elezzjoni ta' Ġunju.
Għeżież kollegi,
Magħna llum għandna lill-President tar-Rumanija, Klaus Iohannis.
President, għażiż Klaus, merħba bik fil-Parlament Ewropew. Grazzi talli aċċettajt l-istedina tagħna biex tindirizza lil din il-Kamra fis-sensiela ta’ dibattiti “Din hija l-Ewropa”.
Sbatax-il sena ta’ adeżjoni mal-Unjoni Ewropea kellhom effetti trasformattivi fuq ir-Rumanija u l-Ewropa. L-adeżjoni tat spinta ġdida lin-negozji, lill-industrija, lix-xjenza u lill-istituti akkademiċi. Magħha ġabet riformi u benefiċċji soċjali. Ġabet opportunitajiet għaċ-ċittadini u żvilupp għall-komunitajiet.
L-adeżjoni mal-UE ssarrfet f’ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini, f’ġustizzja soċjali u fi stat tad-dritt. U fi żminijiet ta’ bidla ġeopolitika, dawn il-valuri Ewropej iridu jiġu mħarsa.
President, nixtieq b’mod partikolari nirringrazzjak għall-appoġġ sod li ta pajjiżek lill-Ukrajna u lir-Repubblika tal-Moldova – speċjalment issa li bdew in-negozjati dwar l-adeżjoni mal-UE. Grazzi lir-Rumanija talli dejjem kienet is-sostenitriċi li kellhom bżonn il-popli ta’ dawk in-nazzjonijiet.
Ir-Rumanija għandha post speċjali f’qalbi. Hija pajjiż li ħaddan fih it-tifsira li tkun Ewropew. Fl-eqqel tal-pandemija, it-tobba Rumeni qabdu ajruplan u marru jgħinu fl-isptarijiet ta’ Stati Membri oħra. Meta għaddejna minn diżastri naturali tal-waħx, il-pumpiera Rumeni telqu minn pajjiżhom biex jissieltu man-nirien. Fl-ewwel jiem tal-invażjoni brutali Russa tal-Ukrajna, il-familji Rumeni ħaffew lejn il-fruntiera biex jagħtu faraġ lil dawk li kienu qed jaħarbu. Mulțumesc pentru tot România!
President, pajjiżek wera kif għandhom jingħelbu d-diffikultajiet u kif tkun eżempju.
L-Ewropa hija aktar b’saħħitha bir-Rumanija u bir-rinforz li tagħtu lix-xaqliba tal-Lvant tal-UE. Se nkunu saħansitra aktar b’saħħitna meta, fl-aħħar, tieħdu dak li bi dritt huwa postkom fiż-żona Schengen, u meta ssiru membri taż-żona tal-euro fil-futur. U f’dak il-vjaġġ, se ssibu lil din il-Kamra spalla ma’ spalla magħkom. Fid-9 ta’ Ġunju, aktar minn 19-il miljun Rumen u Rumena se jiġu msejħa jagħżlu t-33 Membru elett tal-Parlament Ewropew li se jirrappreżentawhom. Jeħtiġilna naħdmu flimkien biex niżguraw li n-nies jifhmu għaliex jeħtiġilhom jivvotaw – għaliex huwa importanti li jagħmlu dan. Il-vuċi tagħhom tgħodd għall-Unjoni Ewropea u għall-futur tar-Rumanija u jeħtiġilna nibqgħu nisimgħu u niksbu riżultati.
President, għażiż Klaus, nagħtik il-kelma.
You can read the President's speech in Romanian here.