Il-Parlament Ewropew isemmi kamra għal Andreas Papandreou 

 

Il-President tal-Parlament Ewropew attendiet għal ċerimonja li matulha, waħda mill-kmamar tal-laqgħat tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu ssemmiet għall-eks Prim Ministru tal-Greċja Andreas Papandreou. Hi salet li fil-mandat ta' Papandreou, il-Greċja ħadet passi importanti li tindirizza waħda mit-tebgħat profondi: il-gwerra ċivili.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt iċ-ċerimonja tat-tismija tas-sala tal-laqgħat "Andreas Papandreou"

Merħba lil kulħadd.
Onor. Iratxe García Pérez,
Onor. Nikos Androulakis,
Mistednin distinti u kollegi,

Huwa ta' pjaċir li nkunu hawn biex nonoraw il-wirt li ħallielna l-mibki Prim Ministru Grieg Andreas Papandreou.

Ħafna jiftakru l-mandat tal-Prim Ministru Papandreou bħala żmien li fih ġew introdotti riformi soċjali fil-Greċja. Ippermettuli nsemmi tlieta minnhom: it-twaqqif tas-Sistema Nazzjonali tas-Saħħa, it-tisħiħ tal-istatus ġuridiku tan-nisa u r-rwol tal-Prim Ministru Papandreou fil-proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali wara l-Gwerra Ċivili Griega. Nafu li f'ħafna aspetti, dawn ir-riformi ttrasformaw lill-pajjiż. Għaddew 25 sena u għadhom sal-lum jolqtu kwistjonijiet li tant baqgħu rilevanti għall-Unjoni tagħna.

F'dawn l-aħħar sentejn, is-Sistemi Nazzjonali tas-Saħħa kienu meħtieġa aktar minn qatt qabel. Waħda mit-tagħlimiet li tatna l-pandemija hija l-importanza ta' sistemi tas-saħħa pubblika reżiljenti b'infrastrutturi b'saħħithom u sodi. F'dan ir-rigward, l-innovazzjoni u l-investiment, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew, huma kruċjali.

Ejjew ukoll ma ninsewx li l-pandemija kellha impatti sproporzjonati fuq il-ħajja tan-nisa. Kixfet in-natura reali u l-veru kobor tal-inugwaljanzi li n-nisa qed iħabbtu wiċċhom magħhom kuljum. Kif kien jaf sewwa l-Prim Ministru Papandreou, hija r-responsabbiltà tagħna li nindirizzawhom. 

Għeżież mistednin u kollegi, 

Waqt il-mandat tal-Prim Ministru Papandreou, il-Greċja għamlet passi importanti biex tfejjaq waħda mill-aktar ġrieħi profondi tagħha: il-gwerra ċivili. Il-kontribut tiegħu ppermetta lir-rifuġjati tal-guerra Ċivili li jgħixu fl-eżilju jerġgħu lura pajjiżhom u, b'riżultat ta' dan, il-pajjiż seta' jirrikonċilja u jimxi 'l quddiem. Il-Greċja hija n-nieqa ta' demokrazija li llum tmexxi l-politika tagħna. Iżda demokrazija li, kif tgħallimna, qatt ma nistgħu nqisuha bħala xi ħaġa ovvja. Trid titrawwem kontinwament. L-istituzzjonijiet tagħna għandhom jibqgħu jiġu mħarsa.  Dan huwa minnu aktar minn qatt qabel hekk kif l-Ukrajna qed tiddefendi t-territorju tagħha, il-poplu tagħha u l-valuri komuni tagħna mill-invażjoni illegali ta' Putin. Din hija r-raġuni għaliex l-Unjoni Ewropea qiegħda tieqaf mal-Ukrajna. Dan huwa żmien ikrah għad-demokrazija Ewropea. Żmien li la għażilna u lanqas stennejna aħna, iżda li bla dubju rridu naffrontaw. Kif kien jaf il-Prim Ministru Papandreou, fi żminijiet bħal dawn, iż-żamma tal-għaqda ta' bejnietna hija dejjem l-aħjar għażla. Nikkonkludi billi ngħid li huwa xieraq li din is-sala tal-laqgħat, f'Dar id-Demokrazija Ewropea, tissemma għalih. 
Grazzi.