Waqt iż-żjara tagħha f’Żagreb, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola indirizzat lill-Parlament tal-Kroazja, is-Sabor. Fid-diskors tagħha, hija rreferiet għall-vjaġġ tal-Kroazja bħala Stat Membru tal-UE għal dawn l-aħħar 10 snin bħala storja ta’ suċċess.
President, Onorevoli Membri tal-Parlament, Sinjuri, Għeżież Ewropej,
Grazzi talli lqajtuni fostkom hawn illum. Huwa tassew unur li erġajt qiegħda Zagreb, belt il-ġmiel tagħha, fost il-ħbieb. Lill-Kroazja dejjem kont nafha bħala nazzjon kapaċi tegħleb id-diffikultajiet. Kapaċi tegħleb kwalunkwe sfida.
Urejtu li għandkom dak kollu li hu meħtieġ biex tkunu suċċess, biex tirnexxu, biex tkunu eżempju.
Għaxar snin ilu biss, meta sirtu Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il-Kroazja bidlet il-kors tal-istorja. L-istorja tagħha u dik tal-Ewropa. Uffiċjalizzajtu rabtiet bi proġett li minn dejjem ħassejtukom parti minnu. Din is-sena, erġajtu biddiltu l-istorja billi ngħaqadtu maż-żona ta’ Schengen u billi adottajtu l-euro. Dawn ir-riżultati ksibtuhom bis-saħħa tal-involviment u tal-impenn kostanti tagħkom.
L-effett ta’ trasformazzjoni tal-Ewropa huwa evidenti kullimkien fil-Kroazja. Mid-drittijiet applikabbli li ngħataw liċ-ċittadini tagħha, sal-opportunitajiet li l-adeżjoni mal-UE toffri kemm lill-kbar kif ukoll liż-żgħar, mit-turiżmu sas-saħħa tal-ekonomija tagħkom u l-investimenti fi proġetti.
L-istorja tal-Kroazja bħala Stat Membru hija waħda ta’ suċċess. It-tarka karatteristika tagħkom, iċċangjata bl-aħmar u bl-abjad, sew jekk il-flokk ta’ Luka Modrić sew jekk iperpirha Andrej Plenković, saret simbolu għall-Ewropej kollha. Simbolu li juri li l-adeżjoni hija sitwazzjoni li minnha kulħadd joħroġ rebbieħ – qatt ma kienet f’direzzjoni waħda.
Fil-Parlament Ewropew, il-Membri tagħkom – li ħafna minnhom illum jinsabu hawn – ħadu f’idejhom ir-riedni fil-kwistjonijiet importanti għalina lkoll. Jieħdu biċċa mill-Kroazja fi Brussell u Strażburgu u jiżguraw l-impronta tan-nazzjoni tagħkom fuq il-leġiżlazzjoni Ewropea.
Hemm ħafna affarijiet biex tkunu kburin bihom; f’10 snin bnejtu pontijiet mal-Ewropa u lil hinn. 10 snin ta’ eċċellenza. 10 snin li fihom kuljum urejtu li m’hemmx Ewropa qadima u Ewropea ġdida. Li ma hemm l-ebda potenza kbira u l-ebda potenza żgħira f’dan il-proġett tagħna.
Ħbieb, l-Ewropa se jkollha bżonn tagħmel appell għar-reżiljenza li jippersonifika l-poplu tal-Kroazja jekk irridu negħlbu l-epoka ta’ polikriżijiet li ngħixu fiha. L-invażjoni illegali u brutali tal-Ukrajna indipendenti biddlet id-dinja kif konna nafuha.
Għexna mumenti ta’ żidiet qawwija fil-prezzijiet u skarsezzi tal-enerġija. Għad hemm ħafna li għadhom jitqabdu biex ilaħħqu mal-ħajja. Wisq nies għadhom iħossuhom esklużi. L-inflazzjoni tibqa’ ostaklu għat-tkabbir. L-irkupru ekonomiku ta’ wara l-pandemija għadu wisq fraġli. U dan kollu fl-isfond ta’ kriżi klimatika li ma nistgħu nittraskuraw.
L-isfidi huma ħafna. U dawn qed iseħħu fl-istess ħin. Imma naf li għandna l-kapaċità, ir-reżiljenza u l-ħila li noħorġu aktar b’saħħitna minn qabel.
Dan mhuwiex ottimiżmu għami, iżda valutazzjoni li saret bil-kalma u bil-għaqal tal-kapaċitajiet konġunti tagħna. Huwa l-fatt li nifhmu li meta naġixxu flimkien, meta niddefendu kawża komuni, m’hemm xejn li ma nistgħux negħlbu.
Dan jirrikjedi kuraġġ politiku. Dan ifisser li jkollna ninsew l-interessi fit-terminu qasir. Ifisser li wara l-kliem iridu jiġu l-fatti.
Fl-ebda każ mhu dan iktar evidenti milli fir-reazzjoni tal-Ewropa għall-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Aħna l-parlamentari qed nintalbu nieħdu azzjoni, nieħdu rwol ta’ tmexxija, insostnu lill-Ukrajna u niddefendu l-valuri li ilna ġenerazzjonijiet sħaħ nitkellmu dwarhom.
L-Ukrajna għandha bżonn li nibqgħu deċiżi. L-Ukrajna qed tiġġieled għal ħajjitha. Għad-dritt tagħha li teżisti. L-Ukreni qed iduru fuqna għall-appoġġ militari, umanitarju, politiku, finanzjarju u morali. Jiena kburija li, fil-mument tal-verità, l-Ewropa ma abbandunathomx. Żammejna sod u ma ċedejniex.
Fhimna dak li qed nissugraw. Niftakru x’jiġifieri tgħix fil-jasar u fl-oppressjoni. U filwaqt li se nippromwovu dejjem il-paċi, nafu li din il-paċi trid tkun reali. Paċi b’ġustizzja. Paċi b’libertà. Paċi b’dinjità.
Hemm triq waħda, mhix twila, kif nistgħu niksbuha, jiġifieri billi r-Russja terġa’ lura għat-territorju tagħha, illum qabel għada. Sa dakinhar, jeħtiġilna nkunu lesti nagħmlu kulma hu neċessarju biex niżguraw li l-Ukrajna tibqa’ ħajja. U ippermettuli issa nirringrazzja lill-Kroazja għas-sens ta’ tmexxija tagħkom. Għas-solidarjetà tagħkom. Għall-empatija li turu ma’ dawk kollha li qed jaħarbu mill-gwerra.
U l-punt kruċjali huwa li biex ikun hemm il-paċi, irid ikun hemm Ukrajna. U se tkun hemm. Ukrajna li ma ddumx, nispera, ma tiftaħ uffiċjalment in-negozjati għall-adeżjoni mal-UE.
U l-Unjoni Ewropea trid tkun lesta. U anki f’dan il-punt hemm bżonn att ta’ kuraġġ politiku. Se jkun hemm bżonn sens ta’ tmexxija u se jfisser riformi. UE magħmula minn 27 se jkollha tagħmel riformi biex tibqa’ taħdem għal klabb ta’ 30 jew 33. Il-bidla qatt mhi faċli iżda hija neċessarja.
Nafu li mhijiex l-Ukrajna biss li qed tħares lejn l-Ewropa, iżda hemm il-Moldova u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li ilhom żmien twil li ġew imwegħda progress. Dawn kollha se jħarsu lejn dan il-pajjiż bħala mudell biex jimxu ’l quddiem bl-aħjar mod. U flimkien, jeħtiġilna nkunu kapaċi nagħtu ħajja ġdida lill-proġett politiku tagħna biex niżguraw li jibqa’ validu mhux biss għall-mewġa ta’ sfidi li jmiss iżda għall-ġenerazzjonijiet ta’ Ewropej li jmiss.
Ir-riformi tal-ekonomiji tagħna, it-tisħiħ tas-sigurtà tagħna u l-protezzjoni tal-istil tagħna: essenzjalment f’dawn tissarraf it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika. Hija l-mod kif nerġgħu nibdew nikbru u nlestu l-ekonomiji tagħna għall-futur. Iżda dan nistgħu nagħmluh biss jekk inkunu kapaċi ninvolvu lin-nies. Jekk nisimgħu aktar u b’attenzjoni akbar. Jekk nispjegaw dak li qegħdin nagħmlu aħjar. U jekk inkunu kapaċi ntaffu l-impatt ekonomiku u soċjali li jafu jikkawżaw dawn id-deċiżjonijiet.
Irridu nkunu kapaċi nikkonvinċu lin-nies. Il-Kroati li għamlu l-Erasmus, il-programm ta’ skambju l-aktar importanti tagħna, kienu 17,000. Huma l-aqwa ambaxxaturi tal-kapaċità tal-Ewropa li tlaqqa’ n-nies, li twessa’ l-orizzonti u li tagħti lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar dak li ż-żona tal-euro u ta’ Schengen se jagħtu lill-pajjiż kollu.
It-trasformazzjoni ekonomika tal-Kroazja se tirrifletti dik tal-UE kollha kemm hi. Nistgħu, u jeħtiġilna, noħolqu l-qafas it-tajjeb għat-tkabbir sostenibbli, għall-prosperità. Dak ifisser bilanċ bejn il-flessibbiltà fiskali u l-prudenza. B’hekk inkunu nistgħu niżguraw li l-ekonomiji tagħna jkunu jistgħu jħallsu lura d-dejn u nroddu dan il-proġett aktar b’saħħtu milli kif sibnieh. Biex dan isir, għandna bżonn insaħħu ċ-ċentru politiku u nirreżistu n-narrattiva li tħalli lin-nies isibu kumdità illużorja fil-pożizzjonijiet estremi tal-politika.
Il-PDG tal-Kroazja kiber esponenzjalment f’dawn l-aħħar snin. Dan hu importanti. Dan jagħti opportunitajiet. L-Ewropa għenet.
U l-Ewropa kompliet tagħmel aktar. Il-ġimgħa l-oħra fi Strażburgu, il-Parlament Ewropew ivvota l-leġiżlazzjoni l-aktar avvanzata fid-dinja fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali. Il-liġi rivoluzzjonarja tagħna fil-qasam tal-IA se tippermettilna nieħdu rwol ta’ tmexxija fid-dinja fl-innovazzjoni teknoloġika u diġitali, abbażi tal-valuri demokratiċi tal-UE. L-azzjonijiet tal-Ewropa għandhom il-kapaċità li jkunu eżempju li jkaxkar fid-dinja. L-Ewropa għandha l-kapaċità li tieħu rwol ta’ tmexxija b’mod responsabbli. Il-liġijiet tagħna jħallu impatt fuq ħajjet iċ-ċittadini. Dan jeħtieġ intennuh aktar spiss.
Ħbieb, ninsab hawn eżattament sena qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew biex nisma’ dak li jridu ċ-ċittadini Kroati mill-Unjoni tagħhom. Biex nuri li Brussell mhijiex xi entità mbiegħda. M’hemmx deċiżjonijiet li fihom ma tiħdux sehem intom. Ħafna minnhom jittieħdu bis-saħħa tagħkom. L-isfida tagħna hija li nifqgħu l-hekk imsejħa bżieżaq ta’ Brussell u Strażburgu u nieħdu l-Ewropa f’kull belt u raħal tal-Unjoni tagħna. Konvinta li dan nistgħu nagħmluh.
L-elezzjoni tas-sena d-dieħla se ssir fi klima ġdida ta’ diżinformazzjoni u ta’ atturi li b’intenzjonijiet ħżiena jippruvaw idgħajfu l-proċessi demokratiċi tagħna. Hemm bosta nies li għalihom proprju l-eżistenza tal-Unjoni Ewropea hija theddida. L-Unjoni tagħna hija superpotenza ta’ valuri u jeħtiġilna nħarsu dak il-wirt billi niġġieldu t-theddid ibridu meta nilmħuh.
Sinjuri, nifhem li l-Ewropa mhijiex perfetta. Nikkondividi ħafna mill-frustrazzjonijiet rigward ċerti proċessi tagħna iżda naf li l-Ewropa vallapena. Naf li nirrappreżentaw fanal ta’ libertà, ugwaljanza, drittijiet, prosperità u solidarjetà fost il-popli.
Irrid li n-nies jerġgħu jemmnu. Kif għamlet il-Kroazja 10 snin ilu. Irridhom jifhmu li l-potenzjal ta’ dan il-proġett, biex isolvi l-kwistjonijiet, biex isib soluzzjonijiet għal problemi interġenerazzjonali li jħabbtu wiċċhom magħhom is-soċjetajiet. Biex jgħin itejjeb il-kundizzjonijiet taċ-ċittadini u jagħti tama lin-nazzjonijiet. Nafu li b’nitfa tama nistgħu nimxu triq twila.
L-investimenti tal-Kroazja fis-sigurtà tal-enerġija wkoll se jikkaratterizzaw il-futur tagħkom.
Is-sajf li għadda, inawgurajtu l-pont ta’ Pelješac, bil-kontribut ta’ wieħed mill-akbar investimenti infrastrutturali li l-UE qatt għamlet. Il-pont għaqqad ir-reġjun tad-Dalmazja tan-Nofsinhar mal-bqija tal-Kroazja u mal-bqija tal-Unjoni Ewropea. Tejjeb, b’mod konkret, il-ħajja ta’ tant ċittadini u huwa simbolu ta’ dak kollu li tirrappreżenta l-Kroazja, jiġifieri pajjiż “bennej ta’ pontijiet” bejn il-popli u jikkristallizza l-impenn konġunt tagħna biex inlaqqgħu lill-persuni. Dik hija l-Ewropa. Ewropa li tieħu ħsieb. L-Ewropa trid tittieħed bis-serjetà.
Ħbieb, mhuwiex għall-isfidi li se jiftakru fina, iżda għar-risposta kollettiva tagħna. Jiena kburija bil-mod kif l-Ewropa rreaġixxiet u kompliet iżżomm sod fl-għaqda tagħha u jiena fiduċjuża bil-proġett li se nuru lill-eletturi f’inqas minn sena u nitolbuhom jiġġudikaw.
Il-messaġġ li rrid nagħti lill-Kroati, lilkom, huwa li l-Ewropa hija importanti. Il-vuċi, l-għażla u l-vot tagħkom huma importanti. Fl-isfond tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna u tal-kunflitt globali bejn d-demokrazija u r-reġimi awtoritarji, iċ-ċittadini Kroati iktar minn qatt qabel jeħtiġilhom isemmgħu leħinhom.
Il-Parlament Ewropew huwa tal-Kroati daqs kemm hu ta’ ħaddieħor. L-Ewropa jistħoqqilha l-ħin tagħkom, l-enerġija tagħkom, il-fiduċja tagħkom.
Ta’ dan grazzi Kroazja. Grazzi għall-10 snin ta’ adeżjoni mal-UE. Grazzi tal-għajnuna tagħkom biex nibnu pontijiet. Grazzi tal-impenn tagħkom favur l-Ewropa.