Għal wisq tfal, id-dinja hija post aktar mudlam milli suppost  

 

Għal wisq tfal, id-dinja hija post aktar mudlam milli suppost  

Strasburgu  
 
 

Waqt li fakkret il-Jum Internazzjonali tat-Tfal, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li rridu nagħtu tama f’għada aħjar, f’dinja fejn it-tfal jitħallew sempliċement ikunu tfal.

       

Għeżież kollegi, 

Illum infakkru l-Jum Internazzjonali tat-Tfal. Għal wisq tfal, id-dinja hija post aktar mudlam milli suppost. 

Wisq tfal kellhom jikbru malajr wisq. 
Wisq tfal jafu xi tfisser tmur torqod bil-ġuħ. 
Huma ftit wisq it-tfal li jiftakru kif tidher minn ġewwa klassi ta’ skola. 
Wisq tfal kellhom jinfirdu minn familthom u minn tfulithom. 
Wisq tfal sfaw vittmi li qatt mhuma se jikbru. 

Il-Parlament Ewropew minn dejjem jiddefendi l-umanità u rrid nuża din il-pjattaforma llum biex nagħti lilhom u lil dawk kollha li jaqbżu għalihom – ħafna minnhom jinsabu f’din il-Kamra, u nirringrazzjahom – tama għal ġejjieni aħjar. F’dinja li fiha d-dawl jiddi anki fl-aktar postijiet mudlama. 

Dinja li fiha t-tfal jitħallew ikunu sempliċement tfal.

Għalhekk se nkomplu nużaw kull strument għad-dispożizzjoni tagħna biex inġibu lura lill-bosta eluf ta’ tfal Ukreni li kienu nħatfu minn djarhom bil-forza mir-Russja. Għalhekk se nużaw kull strument possibbli biex insostnu r-ritorn leġittimu tagħhom. Għalhekk huwa importanti għalihom u għall-għeżież tagħhom li jkunu jafu li mhumiex minsija. 

F’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt, gwerra, aggressjoni jew atti ta’ terrur, spiss wisq huma t-tfal innoċenti li huma mġiegħla jħallsu l-ogħla prezz. 

Meta, f’isem il-Parlament Ewropew, żort l-orrur ta’ Kfar Azza f’Iżrael, fejn it-tfal ġew mutilati, torturati u meħudin, iltqajt mal-ġenituri u mal-familji tat-tfal li nħatfu.

Għaddew 44 ġurnata, u għad hemm wisq tfal taħt idejn Ħamas misturin fil-mini ta’ taħt l-art f’Gaża. Jeħtiġilna nagħtu l-għajnuna tagħna biex jerġgħu lura f’darhom – kollha kemm huma – u ninsab fiduċjuża li ma ndumux ma naraw progress f’dan ir-rigward. 

Kif qalet omm ta’ tifel li nħataf: “F’tellieqa tal-uġigħ, ħadd ma joħroġ rebbieħ.”

It-tfal għandhom ikunu mal-familji tagħhom. It-tfal għandhom ikollhom l-opportunità jgħixu tfulija mingħajr biża’, mingħajr terrur. 

Meta ltqajt ma’ Fatima u Muhammed, tfal Palestinjani ta’ 11-il sena li tilfu qraba u familjari f’Gaża li ma ssibx tarf tgħoddhom, għedtilhom li anki fiċ-ċpar tal-gwerra, it-tfal u l-innoċenti għandhom ikunu protetti. Huma wisq in-nies li ħallew ġildhom. Huma wisq il-familji li kellhom jinfirdu. L-orrur tal-ġenituri jiktbu isem uliedhom fuq dirgħajhom jew riġlejhom f’każ li jinqatlu huwa indeskrivibbli. Fejn darba kien hemm skejjel u djar, illum hemm terrapien. Fejn kien hemm tama, illum hemm l-uġigħ. 

Kif se jikbru dawn it-tfal kollha? Se jkollhom imqar l-opportunità li jikbru? Se nkunu kapaċi nikkonvinċuhom bil-valur tat-tama li tegħleb l-estremiżmu?  

Qlubna jeħtiġilhom ikunu biżżejjed kbar biex nieħdu ħsieb dawn it-tfal kollha, dawn il-vittmi innoċenti kollha, u mħuħna jeħtiġilhom isiru biżżejjed kbar biex nagħtuhom tama għal opportunità reali li jkollhom ħajja. Ta’ paċi.

Fl-immedjat, hemm bżonn nagħmlu aktar biex nindirizzaw il-katastrofi umanitarja f’Gaża.  L-għajnuna ta’ importanza vitali trid tkun tista’ tidħol. Il-ħajja tan-nies innoċenti trid tkun salvata. L-umanità trid tiġi l-ewwel. 

U aħna għandna rwol x’niżvolġu. L-Ewropa għandha rwol x’tiżvolġi. Jeħtiġilna nkunu kapaċi nwaqqfu dan kollu. Jista’ jirnexxilna.