Naraw li ssir ġustizzja 

 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kienet fi Lviv, l-Ukrajna, biex tindirizza l-Konferenza Magħqudin għall-Ġustizzja. Flimkien ma' mart il-President Ukren Olena Zelenka, Roberta Metsola tenniet l-impett tal-Parlament Ewropew biex ikun assigurat li ssir ġustizzja u li l-atroċitajiet kontra l-Ukreni jkunu investigati.

Bl-ebda mod il-Parlament Ewropew mhu se jibqa' kompjaċenti quddiem it-tbatija ddokumentata li jkollhom iġarrbu l-vittmi Ukreni. M'iniex hawn biss bħala President tal-Parlament Ewropew iżda qiegħda hawn bħala mara, bħala omm u bħala oħt.

Jekk nagħtu ħarsa lejn il-qafas leġiżlattiv, dan hu ċar ħafna. Il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tgħid li n-nisa għandhom ikunu speċjalment protetti kontra kwalunkwe attakk, partikolarment kontra l-istupru, il-koerċizzjoni għall-prostituzzjoni jew kwalunkwe offiża kontra l-pudur tagħhom. L-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tikkwalifika l-istupru u forom oħra ta' vjolenza sesswali kemm bħala delitt kontra l-umanità kif ukoll bħala delitt tal-gwerra. Madankollu, minkejja dan il-lingwaġġ ċar daqs il-kristall fid-dritt internazzjonali, il-vjolenza sesswali fil-kunflitti tibqa' realtà vili.

Meta ngħidu li l-vittmi jistħoqqilhom ġustizzja, kwalunkwe impunità tfisser li ma nkunu għamilna proprju xejn biex nipprevjenu l-użu tal-vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra fil-futur.

U fuq dan il-punt ippermettuli nfaħħar lill-Ukrajna talli rratifikat il-Konvenzjoni ta' Istanbul. Mhux l-Istati Membri kollha tal-UE rratifikawha u jien se nagħmel pressjoni biex il-Parlament Ewropew jaċċerta ruħu li l-UE, bħala entità, tagħmel bħall-Ukrajna f'qasir żmien.

Nitkellmu dwar il-vjolenza sesswali, imma din ma tirrigwardax biss lin-nisa u lill-bniet. Kif rajtu, tirrigwarda anki lis-subien, tirrigwarda lill-membri ta' minoranzi soċjali. Għalhekk, din is-sena, meta tajna l-Premju Sakharov, l-aktar premju importanti tal-Parlament Ewropew, tajnieh lill-Ukrajna, irrappreżentata mill-President tagħha, mis-soċjetà ċivili u minn kull minn qiegħed jaħdem favur il-protezzjoni tal-vittmi tal-aggressjoni Russa li bdiet fl-24 ta' Frar tas-sena l-oħra.

Dalgħodu, flimkien mal-Prosekutur Ġenerali Kostin, tkellimna dwar il-każijiet li tressqu fl-Ukrajna, iżda wkoll dwar il-każijiet li ġew irrapportati fi Stati Membri oħra.

Din il-konferenza tista' sservi biex jitwaqqaf Tribunal Speċjali tal-Informazzjoni, bil-għan li jiżgura li r-responsabbiltà tkun aċċertata.

L-Ukrajna hija tarka għall-Ewropa, iżda hemm bżonn li nkunu t-tarka għall-Ukrajna, għaliex jekk l-Ukrajna ma tkunx post sikur, mela aħna ma nkunux sikuri, u jekk aħna m'aħniex sikuri, allura l-Ukrajna mhijiex post sikur.

U jekk hemm xi ħaġa li tista' tkun determinanti, lil hinn mill-qafas leġiżlattiv li semmejt, hija proprju l-għajnuna finanzjarja li l-Unjoni Ewropea allokat bħala appoġġ lill-vittmi tal-vjolenza sesswali.

Nimpenja ruħi, f'isem il-Parlament Ewropew, li se nkomplu nagħtu l-appoġġ tagħna lill-inizjattivi kollha, rigward kemm f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġbir tal-provi kif ukoll mal-investigazzjonijiet tad-delitti iżda, fuq livell aktar importanti, li l-aggressuri li bdew gwerra fuq il-kontinent tagħna mhumiex se jeħilsuha ħafif.

Jien omm ta' erba' subien. Nixtieq inkun nista' ngħidilhom, meta l-Ukrajna tkun rebħet il-gwerra, li kulħadd se jkollu jagħti kont ta' għemilu għad-delitti li kkommetta u l-atroċitajiet li rajna kommessi kontra ċ-ċittadini kuraġġużi tal-Ukrajna.