Il-Latvja tiċċelebra 100 sena tal-Parlament 

 

Fl-okkażjoni tal-100 sena tas-Saeima, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ġiet mistiedna biex tindirizza l-poplu tal-Latvja. Fid-diskors tagħha, hi qalet li l-Ewropa tista’ tirbaħ l-isfidi ta’ dan iż-żmien u anke tal-100 sena li ġejjin.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tindirizza s-Saeima, f'Riga, il-Latvja

Għażiża Ināra,
Għeżież Membri tas-Saeima,

Nixtieq nibda dan id-diskors billi ngħidilkom grazzi. Paldies. Lilkom ilkoll u lil kull min tirrappreżentaw. 

Għalija l-Latvja dejjem se tkun simbolu ta' tama, ta' trasformazzjoni u ta' reżiljenza. Tal-prova dejjiema li poplu u nazzjon jistgħu jegħlbu d-diffikultajiet, jirreżistu u jmexxu. U jinħelsu mill-madmad tal-istorja ħalli jingħaqdu mal-Unjoni Ewropea u jsawru l-futur komuni tagħna. 

Il-kwalitajiet u l-valuri li tirrappreżenta l-Ewropa huma ppersonifikati fil-poplu Latvjan. 

Fl-2022 infakkru ċentenarju importanti. Niċċelebraw id-demokrazija tagħkom, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u l-libertà, il-libertà li tagħżlu d-destin tagħkom. 

Mitt sena ilu d-delegati tas-Saeima nġabru fl-ewwel laqgħa tal-parlament tar-Repubblika tal-Latvja. Flimkien adottaw il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja f'assemblea liberament eletta.

Wara okkupazzjoni li damet ħamsin sena, f'Mejju tal-1990, il-Kunsill Suprem Latvjan f'Riga nqata' mill-Unjoni Sovjetika. L-Istat Latvjan reġa' twaqqaf u l-Kostituzzjoni tal-1922 reġgħet iddaħħlet. Dan kien jirrikjedi kuraġġ. Kien jirrikjedi fiduċja u forza tal-prinċipji. 

Għalhekk, ippermettuli nagħti ġieħ lill-138 mara u raġel, parlamentari, għall-kuraġġ straordinarju tagħhom biex jiddefendu dak li kienu jemmnu fih. Huwa dak l-ispirtu li llum nara fl-Ukrajna. Huwa dak il-kuraġġ politiku li għandna bżonn inħaddnu mill-ġdid hekk kif deħlin fil-fażi li jmiss ta' din l-invażjoni inġusta, illegali u inaċċettabbli ta' nazzjon sovran fl-Ewropa min-naħa tar-Russja. 

Jeħtiġilna nkunu ċari: qegħdin naraw tentattiv min-naħa tal-Kremlin biex jikteb l-istorja mill-ġdid, jerġa' jniżżel il-purtiera tal-ħadid li l-Latvjani għenu biex tiċċarrat u jerġa' jdaħħal lill-pajjiżi fl-isferi ta' influwenza. 

Għalija dan huwa inaċċettabli u huwa inaċċettabbli għall-Unjoni Ewropea. 

Adottajna fi żmien qasir pakketti ta' sanzjonijiet fuq skala vasta li laqtu iebes lir-Russja u lill-Belarussja. Ma tlifniex ħin biex nillimitaw l-aċċess għall-kapital u għas-swieq finanzjarji tal-UE. Ħadna azzjoni biex innaqqsu drastikament id-dipendenzi tagħna mill-enerġija Russa. Waqqafna l-vetturi ta' proprjetà Russa milli jkollhom aċċess għall-ilmijiet, għall-portijiet, għall-ispazju tal-ajru u għall-ispazju tat-trasport tagħna. Approvajna lill-Ukrajna u lill-Moldova bħala pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE. Ilqajna lill-Ukreni fi djarna u fi qlubna u l-għajnuna militari, finanzjarja u umanitarja għadha għaddejja. 

Kburin li qed nieqfu mal-Ukrajna u li qed nimxu spalla ma' spalla magħha u hemm bżonn nagħmlu aktar.

Fl-ewwel diskors tiegħi bħala President tal-Parlament Ewropew wegħidt li għall-istituzzjoni tagħna m'hemmx lok għan-newtralità bejn in-nar u l-korp tat-tifi tan-nar u jeħtiġilna nkomplu ngħinu lill-Ukrajna biex tirbaħ.

Dan ifisser li r-reġim tar-Russja għandu jagħti kont tad-delitti tal-gwerra li joqtlu liċ-ċivili b'mod indiskriminat. Dan ifisser li naħdmu għal saħansitra aktar sanzjonijiet. Dan ifisser li nqawwu s-sigurtà mal-fruntieri tal-Latvja. Dan ifisser li nagħtu saħansitra aktar għajnuna finanzjarja u militari lill-Ukrajna, inklużi l-karrijiet armati u s-sistemi ta' difiża tal-ajru li għandhom bżonn. 

Dan ifisser ukoll li nsaħħu l-kollegamenti transfruntieri bejn it-tliet pajjiżi Baltiċi biex inwettqu l-proġett infrastrutturali prijoritarju tal-veloċità għolja "Rail Baltica", li llum huwa urġenza ta' sigurtà biex jgħin il-mobbiltà militari.

Huwa minnu wkoll li f'dawn l-aħħar tmien xhur, iċ-ċentru tal-gravità tal-proċess deċiżjonali tal-Ewropa fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża mexa għal fuq ir-reġjun Baltiku, u l-Latvja tinsab proprju fil-qalba tiegħu. 

Intom tafu sew ma' min qegħdin inħabbtu wiċċna. It-twissijiet li l-Latvja kienet ilha tagħtina dwar ir-Russja kienu korretti. 

U intom konxji aktar mill-biċċa l-kbira tal-oħrajn li meta naħdmu għall-paċi, kif se nagħmlu, din trid tkun paċi vera. Paċi bil-libertà. Paċi bil-ġustizzja u paċi bir-responsabbiltà. 

Illum, il-Latvja qiegħda fuq quddiem nett fl-Unjoni Ewropea biex tindirizza u tiġġieled kontra t-tixrid tal-propaganda mmexxija mill-Kremlin u t-theddid ibridu. 

U l-esperjenza u r-rwol ta' tmexxija tal-Latvja se jkunu kruċjali għall-passi li jmiss li l-Ewropa jeħtiġilha tieħu. L-ewwel nett, nindirizzaw it-theddid gravi għall-valuri demokratiċi tagħna u għall-prosperità u għall-paċi tal-Unjoni Ewropea. Flimkien jeħtiġilna nibnu Unjoni tas-sigurtà u d-difiża reali, li tikkomplementa n-NATO.

Il-Latvja wriet lill-Ukrajna mewġa enormi ta' solidarjetà. Il-Latvja turi wkoll lill-Ewropa kif il-mexxejja nazzjonali u ċ-ċittadini jistgħu jingħaqdu biex jopponu ruħhom kontra potenza awtokratika brutali. 

Iżda hemm bżonn aktar solidarjetà fl-Unjoni Ewropea. Din hija importanti ħafna f'dak li għandu x'jaqsam mal-mod kif nindirizzaw il-kriżijiet enerġetiċi u ekonomiċi komuni. L-Unjoni Ewropea jeħtiġilha taġixxi bħala entità waħda, biex tindirizza l-prezzijiet tal-enerġija, it-tfixkil fil-provvisti tal-enerġija u l-inflazzjoni b'żewġ ċifri. 

Għax jekk ma naġixxux flimkien illum, ir-riperkussjonijiet negattivi li qegħdin jiżdiedu esponenzjalment se jħallu impatt fuq il-benesseri tal-impriżi, tal-familji u taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Il-banek u s-settur finanzjarju tagħna diġà qed iħossu l-pressjoni. U, fl-istess ħin, iż-żieda rapida tar-rati tal-imgħax se twaqqa' l-valur tad-djar tan-nies, tas-salarji, tal-pensjonijiet u tal-baġits nazzjonali.

L-ekonomija tagħna rnexxielha tirpilja wara l-pandemija bis-saħħa tal-qafas tal-governanza ekonomika tagħna u tan-NextGenerationEU tagħna. Iżda nafu li d-dejn mhuwiex diskrezzjonali. Se jkollna nħallsuh lura u l-uniku mod kif nistgħu nagħmlu dan huwa billi ningħaqdu ħalli nerġgħu nqiegħdu lill-ekonomija tal-UE fuq triq stabbli ta' tkabbir. 
 
Ħbieb,

Wasalna f'mument meta se jkunu meħtieġa aktar Ewropa u aktar integrazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Il-Latvja u disa' Stati oħra saru Membri tal-UE f'dik il-ġurnata storika tal-2004. Minn dak iż-żmien għexna l-effett trasformattiv tal-adeżjoni mhux biss fis-swieq nazzjonali tagħna, jew fil-komunitajiet lokali iżda wkoll fl-Ewropa kollha kemm hi. Inbdilna flimkien u jeħtiġilna nibqgħu flimkien. 

U f'dan il-punt ir-relazzjoni bejn il-parlamenti hija ferm importanti li tinżamm u tissaħħaħ. Nimpenja ruħi li ntejjeb ir-rabtiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali u naf li hemm ħafna affarijiet li dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jiksbu flimkien. 

Il-futur tal-Ewropa jinsab fil-kapaċità tagħha li tadatta ruħha malajr, b'mod qawwi u magħqud. Huwa għalhekk li, għalija, l-Ewropa dejjem irrappreżentat il-futur. Il-bidla. L-opportunità. It-tama.

Ftit snin ilu, fi żmien il-Brexit, rajna lil ħafna forzi politiċi f'pajjiżi differenti jgħidu li kien aħjar li joħorġu mill-Ewropa. Illum, ħadd iktar ma jgħid hekk. Għall-kuntrarju, għandna lista itwal ta' pajjiżi li jridu jissieħbu. Din tirrappreżenta tama fil-futur Ewropew komuni tagħna. 

Għaliex flimkien biss tista' l-Ewropa tkun lesta biex tilqa' l-isfidi ta' żminijietna u tal-100 sena li jmiss.

Grazzi tal-attenzjoni.

Paldies.