Lost in Europe huma r-rebbieħa tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu 2024  

 

Lost in Europe huma r-rebbieħa tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu 2024  

Strasburgu  
 
 

Ir-rebbieħa tal-Premju tal-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia 2024 huma Lost in Europe, proġett ta’ ġurnaliżmu transkonfinali li jinvestiga l-għajbien ta’ aktar minn 50,000 tifel u tifla immigranti mhux akkumpanjati. Fl-indirizz tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew se jibqa’ jappoġġja l-ġurnaliżmu investigattiv u jenfasizza l-ħidma essenzjali tal-ġurnaliżmu.

       

Għeżież rebbieħa u finalisti tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu,
Għażiż Matthew, 
Għeżież kollegi,

Din iċ-ċerimonja tal-Premju hija mument fil-kalendarju annwali tagħna li jfisser ħafna għall-Parlament Ewropew bħala istituzzjoni u għalija personalment. Ninsab kburija ħafna li bdejna u komplejna dan il-mument. Dan huwa importanti għal din il-Kamra u għall-ġurnalisti kollha li jinsabu mhedda jew attakkati fl-Ewropa u madwar id-dinja. 

Nixtieq li ċ-ċirkostanzi kienu differenti: li dan il-Premju jkun jismu mod ieħor u li Daphne Caruana Galizia stess setgħet tkun hawn magħna bħala finalista. 

Għaddew seba’ snin twal minn dak il-jum fatali li biddel kollox f’Malta. Dakinhar irrealizzajna li konna qed niffaċċjaw theddida għal dak kollu li ngħożżu. Theddida li Daphne kienet wissietna dwarha, iżda li dlonk warrabna. Theddida li kellha tkun evidenti fil-mod kif ġiet trattata, diżumanizzata u attakkata. Kif dejjem ippuntaw subgħajhom lejha, flok ipproteġewha.

L-assassinju ta’ Daphne ma kienx att iżolat ta’ qtil – kien il-punt kulminanti ta’ snin li matulha sfat fil-mira u li iżolawha. Din hija tagħlima li ppruvajna nindirizzaw bil-mod modest tagħna bis-saħħa ta’ dan il-Premju. Huwa l-mod kif nappoġġjaw il-ġurnaliżmu investigattiv. Li nitfgħu l-attenzjoni fuq il-ġurnalisti u fuq dak li jħabbtu wiċċhom miegħu ta’ kuljum. Li nenfasizzaw il-ħidma essenzjali tagħhom. Li nfakkru lil dawk li qed jinqatlu fl-Ukrajna, f’Gaża u f’kunflitti madwar id-dinja. Li niżguraw li l-ebda ġurnalist ma jerġa’ jitħalla waħdu.

Forbidden Stories, imnedija fl-2017, mexxiet kampanja b’dan il-messaġġ: “Li toqtol ġurnalist mhux se toqtol l-istorja.”

Ma naħsibx li hemm eżempju aħjar ta’ dan mill-impatt li Daphne Caruana Galizia kellha f’dawn l-aħħar seba’ snin – impatt li għad għandha sal-lum. 

Il-vuċi ta’ Daphne ma jissikkitx, grazzi għall-ġurnalisti li jippermettu li jibqa’ jinstema’. Grazzi għas-soċjetà ċivili li ma ċċedix għat-theddid. Grazzi għal familtha – uliedha – li xorbu kull farka qlubija, tenaċja u umoriżmu li kellha. 

Dawn l-aħħar seba’ snin urew li l-pinna tagħha verament hija aktar b’saħħitha mix-xabla. 

U l-ġurnalista Taljana Stefania Battistini tinkarna din l-espressjoni. Iltqajt magħha llum u f’din l-okkażjoni nixtieq nirrikonoxxi l-kuraġġ tagħha.

Sinjuri, 

Din hija r-raba’ edizzjoni tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu.   Bih infakkru fl-impenn tal-Parlament favur il-libertà, l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-media bħala pilastri fundamentali tad-demokrazija. Huwa f’idejn dawk il-ġurnalisti kollha li jirriskjaw ħajjithom u l-għajxien tagħhom ta’ kuljum biex jikxfu l-verità, irrispettivament minn fejn tinsab jew lil min tiskomoda. Għal dawk kollha maqtula u dawk li ħajjithom hija mhedda matul xogħolhom. 

Nixtieq nieħu l-opportunità nirringrazzja lill-Viċi President Pina Picierno għall-ħidma tagħha fuq din l-inizjattiva u lill-Membru tal-PE kompatrijott tiegħi David Casa li stinka għaliha għal żmien twil, u għal Daphne. U nirringrazzja b’mod partikolari lill-persunal u lis-servizzi tagħna, li naf li ħadmu ħafna fuq dan l-avveniment bħalma jagħmlu kull sena. 

Nixtieq ukoll nirringrazzja u nifraħ lir-rebbieħa, lill-finalisti u lill-ġurija tal-lum. Kunu afu li din il-Kamra se ssibuha dejjem spalla ma’ spalla magħkom biex tinbena Ewropa fejn il-ġurnalisti jkunu jistgħu jaħdmu mingħajr biża’, fastidju, vjolenza u saħansitra qtil.

Naraw l-impenn ta’ din il-Kamra fil-ħidma leġiżlattiva tagħna – fl-Att dwar il-Libertà tal-Media, u fid-Direttiva Kontra s-SLAPP jew fil-“Liġi ta’ Daphne”, kif insejħulha aħna. Il-Parlament kien pijunier f’din il-leġiżlazzjoni, u issa qed naħdmu qatigħ biex niżguraw li tiġi implimentata madwar l-Ewropa ħalli ġġib bidla reali u dejjiema.  

Iżda l-ġlieda għal-libertà ġurnalistika ma tintemmx mal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni. Hija battalja kostanti li teħtieġ sforzi kontinwi minna lkoll. 

Huwa għalhekk li l-Premju tal-lum, li jiċċelebra l-azzjonijiet qalbiena u kuraġġużi tal-ġurnalisti fit-tiftix tal-verità, huwa tant kruċjali. Għax meta l-ġurnalisti jiġu mhedda, u l-verità tinħonoq f’post wieħed biss, l-Ewropa kollha titlef. 

Għalhekk, għeżież finalisti, grazzi ta’ dak kollu li tagħmlu. 

Issa nagħti l-kelma lis-Sa Juliane Hielscher bħala r-rappreżentanta tal-ġurija tal-Premju.

Grazzi.