Metsola fil-Kunsill Ewropew: Din l-elezzjoni se tkun it-test tas-sistemi tagħna 

 

Hi u tindirizza lill-mexxejja tal-UE fl-aħħar Kunsill Ewropew qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-aħjar għodda biex niġġieldu kontra d-diżinformazzjoni hi billi nwettqu l-prijoritajiet tagħna.

Il-waranofsinhar it-tajjeb.

Qed niltaqgħu llum, 77 ġurnata bogħod mill-bidu tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. 

Nafu x’qed nissugraw. Nafu sa liema punt lesti jaslu l-atturi l-oħra biex iħarbtu l-proċess demokratiku tagħna. U nafu kemm jeħtieġ li naħdmu flimkien biex inħeġġu lin-nies joħorġu jivvotaw. 

F’din il-leġiżlatura, poġġejna t-timbru tal-Ewropa fuq il-ġeopolitika globali u ddefendejna l-mudell Ewropew tagħna f’dinja li qiegħda kulma jmur tinbidel. Sirna aktar b’saħħitna grazzi għall-isfidi li kellna quddiemna u mhux minħabba fihom. Żammejna flimkien il-maġġoranza kostruttiva Ewropea u jeħtiġilna nerġgħu nżommuha flimkien. 
 
L-Ewropa qiegħda toffri soluzzjonijiet għaċ-ċittadini tagħna, iżda hemm bżonn li nkunu nistgħu nwasslu dan il-messaġġ fl-Istati Membri kollha. Nixtieq nirringrazzjakom għall-kooperazzjoni li wrew il-gvernijiet tagħkom biex isostnu l-kampanja tal-Parlament Ewropew. Flimkien mal-Membri tal-PE, żort bosta mill-pajjiżi tagħkom biex nipprova nifqa’ l-bużżieqa ta’ Brussell u nikkonvinċi liċ-ċittadini tagħna, speċjalment liż-żgħażagħ, biex joħorġu jivvotaw. 

Mhijiex biċċa xogħol faċli, u ssir aktar diffiċli għaliex f’bosta Stati qed naraw tentattivi biex tiġi promossa d-diżinformazzjoni, il-miżinformazzjoni u l-propaganda li ġejja minn atturi ostili għall-proġett Ewropew. Atturi li speċifikament jimmiraw lejn setturi differenti fis-soċjetà u fil-komunitajiet tagħna u jbigħu narrattivi foloz dwar l-Ewropa b’tali mod u manjiera li ma rajniex fl-elezzjonijiet Ewropej preċedenti. Din hi theddida li jeħtiġilna nkunu lesti għaliha. 

Nistgħu nirrikorru għal strumenti kemm leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi, partikolarment il-media soċjali u l-mod kif nużawha. Fil-livell leġiżlattiv, għandna l-Att dwar is-Swieq Diġitali, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, ir-regolamentazzjoni dwar ir-reklamar politiku u l-libertà tal-media, iżda jeħtiġilna nkunu lesti li nintervjenu aħjar online. 

Ma nistgħux inħallu li din in-narrattiva distruttiva, din il-propaganda u din id-diżinformazzjoni jinfirxu mingħajr ma niġġildulhom. Jeħtiġilna wkoll nifhmu li malli nadottaw liġi, hemm realtà diġitali ġdida li jkollna naffrontaw. Jeħtiġilna nsibu tarf realtà li qiegħda kulma ma jmur tinbidel. Għandna nkunu lesti ninteraġixxu mal-pjattaformi. 

Din l-elezzjoni se tkun test tas-sistemi tagħna u, f’dan il-kuntest, il-ħidma tagħna biex inwasslu l-messaġġ issir saħansitra aktar essenzjali. 

Għaldaqstant intenni l-appell tiegħi biex nirreżistu t-tentazzjoni f’kampanja diffiċli li nixħtu t-tort fuq Brussell għal dak kollu li hu ħażin u li ma nagħtu l-ebda krettu lil min jixraqlu. 

Hemm bżonn li nkunu miftuħa u onesti dwar is-suċċessi tagħna, iżda wkoll dwar is-setturi li fihom stajna nagħmlu aħjar. Meta ma ssodisfajniex l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħna.  Meta ċ-ċittadini għadhom iħossuhom li tħallew lura. Meta l-burokrazija tagħna biegħdet lin-nies. 

L-industrija tagħna jeħtiġilha tkun parti mill-ekwazzjoni. Il-bdiewa tagħna għandhom ikunu parti mill-ekwazzjoni. Iż-żgħażagħ tagħna jeħtiġilhom ikunu parti mill-ekwazzjoni. Iċ-ċittadini għandu jkollhom fiduċja fil-proċess, għandu jkollhom aċċess għall-istrumenti li jippermettulhom jagħmlu l-bidla u għandhom jifilħu jħallsu għalih. Inkella l-kampanja se tfalli. U jekk ninftiehmu ħażin, nissugraw li aktar nies jibdew iħaddnu diżaffezzjoni politika u b’hekk jistkennu għall-irdoss tal-pożizzjonijiet estremi. 

Dan xejn ma jagħmel ħlief ikebbes in-nar ta’ dawk l-atturi li għadhom jaraw lill-Ewropa bħala theddida, li xejn ma jpaxxihom aktar milli jarawna nsiru aktar dgħajfa.

L-Unjoni Ewropea mhijiex perfetta, iżda hija l-aqwa garanzija għaċ-ċittadini kollha tagħna. Għalhekk, fejn hemm bżonn tiswija, ejjew insewwu. Iżda ejjew inkomplu nibnu minflok ma nħallu li kollox jinqered minn ċiniżmu faċli. 

Nistgħu nibnu Ewropa li tkun aktar b’saħħitha, li tisma’ liċ-ċittadini tagħha, li taħdem aħjar, li tkun aktar effiċjenti u effikaċi. Ewropa li, fi kliem Jean-Claude Juncker, tagħti importanza lill-affarijiet importanti u ma taħlix wisq ħin fuq affarijiet irrilevanti. 

U m’hemm xejn aktar importanti mit-theddida għall-paċi li ħolqot ir-Russja. Jeħtiġilna nkomplu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinu lill-Ukrajna tkompli tiddefendi lilha nnifisha.

Diġà tajna appoġġ politiku, diplomatiku, umanitarju, ekonomiku u militari b’saħħtu lill-Ukrajna, u f’dan ir-rigward il-Parlament Ewropew japprezza l-adozzjoni tat-13-il pakkett ta’ sanzjonijiet u l-Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna fl-ambitu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi. 

F’dan il-mument kritiku, l-appoġġ tagħna għall-Ukrajna jrid jibqa’ sod. Hemm bżonn li nħaffu u nintensifikaw il-forniment ta’ tagħmir li jeħtieġu. 

Għandna wkoll ngħinu lill-Ukrajna billi ntawlu l-miżuri kummerċjali awtonomi.  Il-ftehim proviżorju li lħaqna din il-ġimgħa għandu l-għan li jgħin lill-Ukrajna, filwaqt li fl-istess ħin jipproteġi lill-bdiewa u lis-suq intern tagħna.

Il-ftehim proviżorju fih lista estiża ta’ prodotti sensittivi u perjodu mqassar għall-attivazzjoni tas-salvagwardja awtomatika, miżuri li għandhom jgħinu jiżguraw li ma jkunx hemm tfixkil fis-suq. 

Jeħtiġilna nkomplu wkoll l-isforzi tagħna biex niżguraw il-ġustizzja, ir-responsabbiltà u, fl-aħħar mill-aħħar, il-paċi.

Il-proġett ta’ paċi tagħna jiddependi minn jekk ikunu kapaċi niżguraw is-sigurtà u l-awtonomija tagħna. Għalhekk, jekk irridu nipproteġu bis-serjetà s-sigurtà kollettiva tagħna, jeħtieġ ukoll naġixxu biex nibnu qafas għas-sigurtà ġdid tal-UE.  

Aħna u nsawru din l-arkitettura l-ġdida, diġà lħaqna ftehim fuq bosta kwistjonijiet li ħafna ħasbuhom impossibbli.  Issa għandna nkunu lesti għall-fażi tal-kooperazzjoni li jmiss bejnietna lkoll. F’din id-dinja l-ġdida, m’aħniex se nimxu ’l quddiem jekk kulħadd imur għal rasu. 

Dan hu wieħed mir-raġunijiet għaliex it-tkabbir jibqa’ prijorità. Għall-Ukrajna, għall-Moldova, għall-Georgia u għall-Bożnija-Ħerzegovina. Għalina lkoll. 

M’hemm xi ngħidu, kull pajjiż jeħtieġ li jsegwi l-perkors tiegħu u jissodisfa l-kriterji meħtieġa kollha, iżda l-progress tagħhom biex jilħqu t-tragwardi intermedji, speċjalment fil-każ tal-Ukrajna, kien impressjonanti. 

F’dawn l-aħħar tnax-il xahar, anki l-Moldova u l-Bożnija-Ħerzegovina għamlu progress importanti fir-riformi. Wasal il-mument li nżommu l-kelma li tajna. Wasal il-mument li niftħu n-negozjati ta’ adeżjoni mal-UE mal-Bożnija-Ħerzegovina u nibagħtu sinjal ċar lill-popolazzjoni tal-Balkani tal-Punent. 

F’dan il-kuntest ġeostrateġiku l-ġdid, UE akbar, ibbażata fuq objettivi, kriterji u merti ċari, dejjem se tkun l-aqwa investiment fil-paċi, fis-sigurtà, fl-istabbiltà u fil-prosperità. 

Fl-istess ħin, ma nistgħux ninsew il-fatt li UE akbar se tirrikjedi bidla. Adattament. Riformi. Il-Parlament ippreżenta diversi proposti f’dan ir-rigward, inklużi dawk dwar id-dritt ta’ inkjesta tal-Parlament Ewropew, li f’dawn l-aħħar 12-il sena qajla rreġistra progress, u dik tal-attivazzjoni tal-proċess għal Konvenzjoni Ewropea. 

It-tkabbir se jistimola wkoll il-kompetittività Ewropea u jtejjeb il-funzjonament tas-suq uniku tagħna. Dan għandu jkun prijorità għal-leġiżlatura li jmiss. B’hekk inkabbru l-ekonomiji tagħna b’mod sostenibbli, inħallsu d-dejn tagħna, noħolqu impjiegi u nattiraw l-investimenti u niżguraw li t-tkabbir ekonomiku jkun jaħdem tajjeb għal kulħadd. Huwa bis-saħħa ta’ ekonomija b’saħħitha li nistgħu nġibu l-prosperità, is-sigurtà u l-istabbiltà u nsaħħu r-rwol tal-Ewropa fid-dinja. 

Ewropa b’saħħitha għandha rwol x’taqdi f’ordni dinji li qed jinbidel malajr, mhux l-inqas fil-Lvant Nofsani. 

Is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża hija waħda ta’ disprament. Hemm bżonn nużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħna biex tidħol aktar għajnuna. Nilqa’ b’sodisfazzjon l-Inizjattiva Amalthea u nixtieq nirringrazzja b’mod speċjali lil Ċipru għas-sens ta’ tmexxija tal-pajjiż. Madankollu, id-distribuzzjoni tal-għajnuna mill-art tibqa’ l-aħjar mod biex il-kwantitajiet li hemm bżonn jaslu.

Għalhekk il-Parlament Ewropew se jkompli jinsisti għal waqfien mill-ġlied. Għalhekk se nkomplu nitolbu li jirritornaw l-ostaġġi li fadal u għalhekk nisħqu fuq il-fatt li Ħamas ma jistax jibqa’ jopera b’impunità. 

Għalhekk illum nitolbu konklużjonijiet ċari fuq dan il-punt, li se jagħtu direzzjoni għall-ġejjieni.

B’hekk aktar għajnuna tidħol f’Gaża, b’hekk insalvaw il-ħajja ta’ nies innoċenti u b’hekk nippromwovu l-bżonn urġenti ta’ soluzzjoni ta’ żewġ Stati li tagħti prospettiva reali lill-Palestinjani u sigurtà lil Iżrael. 

Paċi li tagħti r-rikonoxximent xieraq lill-mexxejja Palestinjani paċifiċi u leġittimi u li tiżgura stabbiltà dejjiema fir-reġjun.

Dan jgħodd ukoll għas-sitwazzjoni fil-Baħar l-Aħmar. Nilqa’ l-operazzjoni EUNAVFOR Aspides, li se tipproteġi dan il-kuritur marittimu strateġiku ħafna. Iżda hemm aktar li nistgħu nagħmlu. 

Fir-reġjun Ewro-Mediterranju kollu, l-impriżi qed iġarrbu bil-kbir il-konsegwenzi tad-dewmien, tal-problemi marbuta mal-ħżin kif ukoll tal-implikazzjonijiet finanzjarji. Imissna nikkunsidraw noħolqu task force li tkun immexxija mill-UE biex tivvaluta l-mod kif nistgħu naġixxu flimkien bil-għan li ntaffu l-konsegwenzi soċjoekonomiċi. Anki f’dan il-punt, l-Ewropa għandha rwol x’taqdi.

Nikkonkludi billi ngħid li, peress li dan hu l-aħħar Kunsill Ewropew formali qabel l-elezzjonijiet, ippermettuli nassigurakom li l-Parlament Ewropew se jkompli jaħdem sal-aħħar minuta biex jikkonkludi l-fajls leġiżlattivi li fadal, fosthom pakkett ġdid dwar il-migrazzjoni. 

Fl-aħħar mill-aħħar, ir-riżultati li niksbu fil-prijoritajiet tagħna huma l-aqwa strument tagħna biex niġġieldu d-diżinformazzjoni u nuru liċ-ċittadini d-differenza li tagħmel l-Ewropa.

Nirringrazzjakom tal-impenn kostanti tagħkom, u nirringrazzja b’mod speċjali lill-Presidenza Belġjana għal dak li diġà kisbet s’issa, sew fir-rigward tal-leġizlazjzoni, f’li nisimgħu dak li jħasseb liċ-ċittadini, fis-sensibilizzazzjoni dwar l-elezzjonijiet u fl-għajnuna biex inħeġġu lin-nies joħorġu jivvotaw, fl-għajnuna biex niżguraw li l-Parlament il-ġdid ikun lest għat-tranżizzjoni tiegħu.

Grazzi. 

You may find here the transcriptions of her speech per language: