Waqt li kienet qed tindirizza l-mexxejja Ewropej waqt Laqgħa Speċjali tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-PE Roberta Metsola qalet li l-mod kif naġixxu fix-xhur li ġejjin jiddefinixxi l-futur komuni.
© Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen waqt il-Kunsill Ewropew
Għeżież kollegi, Dak li wettaqna s'issa diġà huwa mingħajr preċedent: bqajna magħqudin u rreaġixxejna lkoll flimkien, b'mod li saħansitra dawk li huma l-aktar ċiniċi baqgħu mistagħġbin.
U s'issa, l-opinjoni pubblika hija favurina. Iċ-ċittadini tagħna fetħu darhom u qalbhom lil 6 miljun Ukren. Fil-biċċa l-kbira aċċettaw li l-gwerra għandha prezz u talbu risposta b'saħħitha.
Issa l-inkwiet tiegħi hu x'jista' jiġri meta din is-sitwazzjoni inevitabbilment tinbidel. Meta l-hekk imsejjaħ "effett CNN" tal-gwerra, flimkien mad-diżinformazzjoni u mal-miżinformazzjoni min-naħa tar-Russja, se jpoġġina lkoll taħt pressjoni dejjem akbar jew meta l-prezzijiet jibqgħu għoljin.
Jeħtiġilna nibqgħu ddeterminati u nibdew nippjanaw l-impenn fit-tul tagħna fir-reġjun lil hinn mill-immedjatezza tal-għajnuna ta' emerġenza lill-Ukrajna. L-Ewropa jeħtiġilha tieħu t-tmun f'idejha u żżommu.
Tafuha sewwa l-pożizzjoni tal-Parlament dwar l-applikazzjoni tal-Ukrajna għall-adeżjoni mal-UE. L-istatus ta' pajjiż kandidat se jnissel tama fl-Ukrajna, se jiftħilha l-bibien biex tipparteċipa f'diversi programmi u se jagħtiha l-ispazju u l-ħin meħtieġa biex twettaq ir-riformi. Din mhijiex soluzzjoni li tista' titwettaq mil-lejl għan-nhar u ma għandniex nagħtu l-impressjoni li hija hekk.
L-istatus ta' pajjiż kandidat – prospettiva reali – għandu l-kapaċità li jittrasforma lill-pajjiżi: dan diġà rajnieh f'bosta okkażjonijiet madwar din il-mejda. U rajnieh fl-Albanija u fil-Maċedonja ta' Fuq, pajjiżi li għandna appuntu nagħtuhom risposti konkreti.
Dak li l-Ukrajna għandha bżonn bħalissa huwa t-tama u l-prospettiva; inkella nġiegħlu lil Kiev tħares band'oħra.
Ninsabu f'mument li fih l-UE jeħtiġilha ssir potenza tassew dinjija tad-demokrazija, billi tiddefendi l-kawża tad-demokraziji liberali f'dinja dejjem aktar kumplessa u perikoluża.
Ħadd mhu qiegħed jgħid li l-proċess se jkun wieħed faċli, u lanqas sempliċi, iżda se jkun vallapena. Rigward sanzjonijiet, il-Kummissjoni kienet, bir-raġun, kuraġġuża, imma jeħtieġ li mmorru lil hinn. Tassew nittama li llum jintlaħaq qbil, għax ma nistgħux nagħmlu mod ieħor. L-għan tagħna għandu jkun li ninħallu mill-enerġija Russa. Ma għandna bl-ebda mod inċedu, għad li l-flessibbiltà tagħna hija limitata jekk ma rridux nitilfu l-kredibbiltà fil-konfront taċ-ċittadini tagħna u nidhru dgħajfa f'għajnejn ir-Russja li, kif nafu, ma turi l-ebda rispett għad-dgħufija.
U, ħbieb tiegħi, Lukashenko u Putin huma żewġ uċuħ tal-istess midalja. Is-sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja jridu jmorru id f'id mas-sanzjonijiet fil-konfront tal-Belarussja. Fuq dan għandna nkunu inflessibbli. Dawk li ċedew kulma kellhom għal Belarussja demokratika u qegħdin jistennew l-appoġġ min-naħa tagħna għandhom għajnejhom fuqna llum.
Il-pressjoni li ħolqot l-invażjoni Russa fuq il-ktajjen tal-provvista tal-ikel globali hija inkwetanti għall-aħħar. Mhux l-Ewropa biss ikkonċernata. Ma nistgħux neskludu li d-dinja se jkollha tħabbat wiċċha ma' karestija reali. Jekk l-Ukrajna ma tkunx tista' taħdem ir-raba' tagħha, se jkollna bosta snin ta' nuqqas ta' ikel f'livell dinji.
Ir-Russja dan tafu sewwa u qed tużah bħala rikatt kontra d-dinja filwaqt li ġmielha taħżen il-qamħ u ċ-ċereali Ukreni misruqa. Jeħtieġ li nsibu b'urġenza l-mod kif noħorġu l-qamħ mill-Ukrajna u nwassluh fejn hemm l-aktar bżonnu fid-dinja. Jeħtiġilna nqawwu l-"kurituri ta' solidarjetà", kif ħabbret il-Kummissjoni Ewropea, u neżaminaw possibbiltajiet oħra biex il-qamħ jibda jiċċirkola.
Il-gwerra fl-Ukrajna aċċelerat l-inevitabbli. Jeħtieġ li nkunu nistgħu niżguraw l-indipendenza enerġetika tagħna. Il-komunikazzjoni RePowerEU hija importanti u se tgħin biex tnaqqas malajr id-dipendenza tal-Unjoni mill-importazzjonijiet ta' gass, żejt u faħam mir-Russja u se taċċelera t-tranżizzjoni ekoloġika.
L-għan ġenerali tal-awtonomija enerġetika, fil-fehma tiegħi, huwa element preponderanti.
Jekk nilħqu l-objettivi tagħna tal-Patt Ekoloġiku, dan ikun l-aħjar mod kif ninqatgħu mid-dipendenzi tossiċi tagħna minn sħab inaffidabbli.
Rigward is-swieq tal-gass u tal-elettriku, għandna naġixxu malajr fiż-żewġ setturi, bil-għan komuni li nipproteġu lill-familji Ewropej minn fluttwazzjonijiet qawwijin tal-prezzijiet. Għandna naħdmu fuq l-iżvilupp ta' mekkaniżmi u pjattaformi ta' xiri komuni għall-gass u nottimizzaw is-suq tal-elettriku tagħna, b'mod li nevitaw il-volatilità tal-prezzijiet fil-futur. Il-konklużjoni rapida tan-negozjati dwar l-obbligu ta' ħżin tal-gass turi li nistgħu niksbu riżultati, iżda jeħtieġ li nagħmlu aktar.
L-investimenti tagħna fl-enerġija u fit-tranżizzjoni ekoloġika jridu jitqiesu kemm bħala kwistjoni ta' sigurtà u kemm bħala kwistjoni ambjentali – u huwa għalhekk ukoll li l-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" huwa daqstant essenzjali.
Is-sigurtà tagħna u d-difiża tagħna qegħdin isiru malajr kwistjonijiet eżistenzjali. Jeħtieġ ikollna l-għodda biex niddefendu ruħna u dan nistgħu nagħmluh biss flimkien. Il-punt kruċjali huwa li għandna bżonn naħdmu fuq il-kooperazzjoni u l-interoperabbiltà u nakkomunaw ir-riżorsi tagħna b'mod aktar effiċjenti.
Jeħtieġ li nirreaġixxu u dan nistgħu nagħmluh b'mod li jikkomplementa n-NATO, pjuttost milli jikkompeti magħha.
Dan se jkollu implikazzjonijiet għall-baġit. Se jkun hemm bżonn li nżidu l-baġits tagħna għad-difiża u jeħtieġ nistudjaw kif norjentaw mill-ġdid u aħjar il-fondi komuni b'mod li nsaħħu l-kapaċitajiet ta' difiża tagħna.
Ippermettuli ngħid kelmtejn tal-aħħar dwar il-flessibbiltà ekonomika. Jista' jkun utli fit-terminu immedjat li nħallu l-klawżola liberatorja ġenerali tar-regoli fiskali tagħna sa tmiem l-2023, b'xenarju post-COVID, bi gwerra wara biebna u bit-tranżizzjoni enerġetika li għaddejja. Fl-istess ħin, ma għandniex inħallu li d-dejn eċċessiv jillimita l-potenzjal tal-ġenerazzjonijiet tal-futur. Dan il-bilanċ u din ir-responsabbiltà jeħtiġilna neħduhom bis-serjetà.
L-Ewropa għandha bżonn is-sens ta' tmexxija tagħna. Mill-mod kif nirreaġixxu fix-xhur li ġejjin se jiddependi l-futur komuni tagħna. Il-Parlament Ewropew lest jagħmel il-parti tiegħu b'mod kostruttiv.
Grazzi.
You may find here the transcriptions of her speech per language: