Metsola lill-mexxejja tal-UE “2025: Żmien li nissaħħu”  

 

Metsola lill-mexxejja tal-UE “2025: Żmien li nissaħħu”  

Brussels  
 
 

Hi u titkellem fil-Kunsill Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Metsola appellat lill-mexxejja biex l-Ewropa ssaħħaħ ir-rwol tagħha fid-dinja globali.

       

Għeżież kollegi, bonġu.

Jekk hemm ħaġa waħda li se tikkaratterizza lill-kontinent tagħna fis-snin li ġejjin, se tkun il-kapaċità tagħna li nibqgħu magħqudin fl-iskop. Fl-2024, irreżistejna u għandna biex inkunu kburin b’dan. Iżda fl-2025 hemm bżonn li nsaħħu l-operat tagħna jekk irridu tassew naffermaw bis-serjetà r-rwol tal-Ewropa fix-xena internazzjonali. Ma għandniex wisq għażliet oħra.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Ukrajna, jeħtieġ li nintensifikaw l-isforzi tagħna biex nimxu lejn il-paċi. Iżda mhux paċi akkost ta’ kollox, mhux xi verżjoni falza ta’ paċi li xxerred ir-Russja, iżda paċi vera u dejjiema. Paċi b’dinjità, paċi b’libertà, paċi b’ġustizzja. 

Għandna bżonn perkors lejn paċi reali. Iżda l-prinċipju gwida għandu jibqa’ “xejn dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna”. Mod ikollok tribuna, mod kompletament differenti huwa li jkollok leħen biex tiġbed l-attenzjoni.

L-Ukrajna jeħtiġilha tibqa’ titkellem minn pożizzjoni b’saħħitha. Għalhekk huwa strateġiku li nkomplu l-appoġġ tagħna għall-Formula ta’ Paċi tal-President Zelenskyy u għall-Pjan għar-Rebħa tiegħu. Huwa strateġiku u fl-interess kollettiv tagħna li nżommu ffriżati l-assi tar-Russja u naqblu dwar aktar sanzjonijiet fil-konfront ta’ Putin u tal-alleati tiegħu, xi ħaġa li l-Parlament ilu żmien jitlob. U għalhekk huwa strateġiku li nkomplu niżguraw lill-Ukrajna l-għajnuna diplomatika, finanzjarja, militari u umanitarja tagħna mingħajr ebda riżerva. 

Hekk kif l-Ukreni deħlin f’xitwa oħra ta’ gwerra – x’aktarx l-eħrex waħda li qatt kellhom – il-Parlament Ewropew qed jintensifika l-appoġġ biex jipproteġi l-infrastrutturi tal-enerġija tal-Ukrajna. B’dan il-mod, qed nimmobilizzaw lill-alleati fid-dinja kollha biex niżguraw li l-Ukrajna tibqa’ prijorità fl-aġenda tad-dinja u tirċievi l-aktar appoġġ internazzjonali wiesa’ possibbli. 

Dan is-sens ta’ urġenza jħaddan ukoll lill-viċinat l-aktar wiesa’ tagħna, fejn l-indħil Russu fil-Moldova, fil-Georgia u fil-Balkani tal-Punent għadu wieħed mill-aspetti ta’ sigurtà l-aktar urġenti li jinkwetawna. U fuq dan il-fatt ilkoll kemm aħna naqblu, għax ilna s-snin ngħidu li t-tkabbir huwa neċessità ġeopolitika. Minkejja dan, f’dawn l-aħħar għaxar snin, tlifna aktar Stati Membri milli ggwadanjajna. Li rrid ngħid hu li jekk inkomplu ntellgħu u nniżżlu, imbagħad ma għandniex nistagħġbu jekk jiġi ħaddieħor biex jimla l-vojt. 

Għadu mhuwiex tard wisq. Fil-Georgia n-nies ilhom ġimgħat sħaħ jipprotestaw fit-toroq b’mod paċifiku jitolbu futur Ewropew. Fil-Moldova l-President Maia Sandu qed tinsisti li tiġi adottata malajr il-Faċilità għat-Tkabbir għall-Moldova. Il-Parlament biħsiebu jgħaġġel aktar il-proċess f’dan ir-rigward. Ilbieraħ, fis-summit tal-Balkani tal-Punent, smajna lill-mexxejja jsemmu l-isforzi ta’ konverġenza tagħhom mal-Unjoni Ewropea. Naturalment, ir-riformi jridu jkunu ġenwini u l-implimentazzjoni se tkun fundamentali. It-tkabbir għandu jibqa’ bbażat fuq il-mertu, imsejjes fuq il-kriterji tagħna. Iżda aħna wkoll jeħtiġilna nintensifikaw l-isforzi tagħna. 

Kif għamilna meta ħadna d-deċiżjoni storika li nintegraw bi sħiħ ir-Rumanija u l-Bulgarija fiż-żona Schengen. Nafu li l-ħbieb Rumeni u Bulgari tagħna stinkaw kemm felħu u għal tant żmien biex jiksbu dan ir-riżultat. Għalhekk nitkellem fil-kapaċità kemm istituzzjonali kif ukoll personali meta ngħid: prosit, jistħoqqilkom dan ir-riżultat. 

Aħna u nitkellmu dwar il-viċinat tagħna f’sens wiesa’, ma nistgħux ma ninkludux lil Belarussja libera u demokratika. It-taparsi elezzjonijiet presidenzjali, previsti fis-26 ta’ Jannar, se jerġgħu joħorġu fid-dieher in-nuqqas ta’ libertà u demokrazija fil-pajjiż. Se jkun mument importanti li fih ħarset in-nies se tkun fuq l-Ewropa. U meta dan isir, in-nies jistħoqqilhom jaraw sens ta’ tmexxija, deċiżjonijiet u azzjonijiet reali min-naħa tal-Ewropa. 

L-istess jgħodd għas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. Il-ftehim dwar waqfien mill-ġlied li laħqu dan l-aħħar Iżrael u l-Libanu joffri xaqq ta’ tama: se jsalva ħajjet in-nies, jagħti sokkors u joffri possibbiltà għall-irkupru. Iżda t-tama waħedha mhix biżżejjed biex issostni l-paċi. Għalhekk l-appelli tagħna biex jinħelsu l-ostaġġi f’Gaża se jibqgħu sodi. L-appelli tagħna għal waqfien mill-ġlied se jibqgħu deċiżi. L-isforzi tagħna għal tnaqqis tat-tensjonijiet se jibqgħu b’saħħithom. U l-ħidma tagħna għal paċi fit-tul għandha tibqa’ sfiqa.

Fis-Sirja, is-sitwazzjoni hija wkoll kritika. Miljuni ta’ Sirjani qed ifittxu futur liberu, stabbli u sigur wara li sfaxxa r-reġim brutali ta’ Bashar al-Assad. Dak li se jiġri fil-ġranet li ġejjin huwa importanti. U l-għażliet li nagħmlu llum se jsawru dak il-futur. 

Id-djalogu, l-għaqda, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tad-dritt internazzjonali għandhom jindikaw it-triq li għandna nsegwu. Issa huwa l-mument li nsaħħu l-operat tagħna. Li nintensifikaw l-impenn tagħna mas-sħab fir-reġjun biex tinstab soluzzjoni. Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ azzjoni huma gravi wisq. 

Ippermettuli nikkonkludi billi nsemmi lil Edmundo González Urrutia, il-President elett leġittimu tal-Venezwela, u lil María Corina Machado, il-mexxejja tal-forzi demokratiċi tal-pajjiż. Din il-ġimgħa, il-Parlament Ewropew tahom ġieħ bil-Premju Sakharov tal-2024 għal-Libertà tal-Ħsieb. F’dan il-mument kruċjali, jeħtieġ li nibqgħu magħqudin billi nkomplu l-appoġġ tagħna ħalli x-xahar id-dieħel Edmundo González Urrutia jkun jista’ jmur lura f’pajjiżu biex jieħu l-post leġittimu tiegħu bħala President.

L-Ewropa għandha rwol x’tiżvolġi fl-Ukrajna, fil-viċinat tagħna, fil-Lvant Nofsani, fl-Amerka Latina u fid-dinja kollha. U wasal iż-żmien li nkunu denji ta’ dan ir-rwol u li nżommu l-wegħda tal-Ewropa, flimkien.

Grazzi.
 

You may find here the transcriptions of her speech per language: