Il-Moldova mhix waħedha – il-President Metsola tindirizza 75,000 Moldovan f’Chisinau 

 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola illum kienet Chisinau biex tindirizza r-rally tal-Assemblea Ewropea tal-Moldova mal-President Maia Sandu. Fl-indirizz tagħha, il-President Metsola qalet li l-Moldova hija parti mill-familja Ewropea u li l-Ewropa se tilqa’ lill-Moldova b’idejha miftuħa u b’qalb miftuħa.

Dragi cetățeni ai Republicii Moldova,
Dragi Europeni,

Ninsab ferm kburija li qiegħda magħkom illum, quddiem din il-folla nies tassew enormi li temmen f’futur Ewropew għall-Moldova. 

Ġejt hawn illum biex inkun preżenti magħkom u ma’ Maia Sandu u biex inwasslilkom dan il-messaġġ: L-Ewropa hija l-Moldova. Il-Moldova hija l-Ewropa.

Qegħdin hawn biex nikkonfermaw l-għażla Ewropea tagħkom, biex nappoġġjaw l-għażla tagħkom li tingħaqdu mal-Unjoni Ewropea bħala Stat Membru, biex nenfasizzaw li d-drittijiet tagħkom jistħoqqilhom l-istess protezzjoni li toffri l-adeżjoni mal-UE liċ-ċittadini l-oħrajn tal-Unjoni tagħna.

Biex iż-żgħażagħ fil-Moldova jkollhom l-istess aċċess għall-opportunitajiet li għandhom uliedi. Għat-tfajliet, bħal Virginie, li ltqajt magħha lbieraħ filgħaxija f’Chisinau, li trid li jkollha l-istess possibbiltajiet li tilħaq il-potenzjal tagħha bħal kulħadd fl-Ewropa.

L-Ewropa hija l-familja tagħkom u huwa d-dritt tagħkom li tagħżlu d-destin ta’ pajjiżkom. Intom għażiltu l-Ewropa u l-Ewropa se tilqagħkom b’dirgħajha b’qalbha miftuħin beraħ. 

Ma hemm l-ebda potenza kbira u l-ebda potenza żgħira fl-Ewropa. Aħna nemmnu f’opportunitajiet għal kulħadd, fl-ugwaljanza u fil-libertà u dan jikkonċerna lilna t-tnejn. Se ġġibu biċċa mill-Moldova fl-Ewropa, u lill-Ewropa se tagħmluha aktar b’saħħitha. 

Aħna nemmnu fl-istess valuri, naqsmu flimkien l-istess perspettiva u l-futur tagħna huwa wieħed li se jiġi kondiviż. Flimkien nistgħu niffaċċjaw kollox,

għaliex il-Moldova hija parti mill-familja Ewropea tagħna, u din il-familja dejjem se tkun magħkom. Il-Moldova mhijiex waħedha. Moldova nu este singură.

Ninsab onorata li qiegħda hawnhekk, maġenb Maia Sandu, mara li tippersonifika dak li jfisser li tkun Ewropew. Hija mexxejja li tispira. President li għandha l-kuraġġ tbiddel il-perkors tal-istorja fil-Moldova u li se tbiddel id-dehra tal-Ewropa. U, Sinjura President, nixtieq inkun proprju maġenbek meta l-pajjiż straordinarju tiegħek uffiċjalment jiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni, nittamaw anki din is-sena stess.

Għeżież ħbieb,

Qed ngħixu fi żminijiet ta’ instabbiltà. Madankollu, tistgħu tkunu kburin bil-fatt li dawk li ppruvaw jiddestabbilizzawlkom pajjiżkom, ma rnexxilhomx. Il-Moldova tinsab kburija minkejja t-theddid u l-intimidazzjoni. 

Id-dinja rat il-kuraġġ tagħkom meta għamiltu reżistenza għat-theddid Russu. Meta għażiltu d-demokrazija minflok l-awtokrazija, il-libertà minflok il-biża’, meta żammejtu sod.

Id-dinja rat il-ġenerożità straordinarja tagħkom mal-poplu tal-Ukrajna. Ftaħtu djarkom, u qalbkom għal eluf ta’ tfal, nisa u rġiel Ukreni li kienu qed ifittxu rifuġju u appoġġjajtu lil mijiet ta’ eluf ta’ Ukreni li għaddew minn pajjiżkom, f’dak li kien l-ogħla numru ta’ rifuġjati li daħlu f’pajjiżkom per capita. 

Kien ukoll pajjiżkom u l-poplu tagħkom li bagħtu tagħbijiet sħaħ ta’ għajnuna umanitarja lill-Ukrajna. Kontu intom li bdejtu tħaddmu korsiji ta’ solidarjetà għat-tranżitu taċ-ċereali u tal-fjuwil biex il-familji bil-ġuħ ikollhom x’jieklu u d-djar kesħin jissaħħnu.

Dan għamiltuh għax temmnu fil-valuri komuni tagħna u fil-prinċipju tas-solidarjetà Ewropea. Għax tifhmu li, li tkun Ewropew, ifisser li jkollok lil xi ħadd għand min tirrikorri, fuq min tista’ sserraħ, u li tista’ tafda fih. Dawn huma l-valuri li nikkondividu u li niddefendu. 

Huwa għalhekk li, f’dawn iż-żminijiet diffiċli, il-Parlament Ewropew tenna kontinwament l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza, għas-sovranità u għall-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova. Aħna kkundannajna t-tentattivi kollha ta’ destabbilizzazzjoni, inkluż l-istrumentalizzazzjoni politika tal-enerġija għal skopijiet ta’ gwerra, il-kampanji ta’ diżinformazzjoni, il-ksur ripetut tal-ispazju tal-ajru u t-theddida brutali tal-forza kontra pajjiżkom. 

Minn Ottubru 2021, l-Unjoni Ewropea pprovdiet aktar minn EUR 1 biljun – jiġifieri madwar 20 biljun leu Moldovan – f’assistenza finanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiż, biex issostni lil dawk il-Moldovani li sabu ruħhom f’diffikultà ekonomika, u biex tappoġġja l-isforzi ta’ riforma fid-dawl ta’ prospettiva ta’ adeżjoni mal-Unjoni Ewropea. 

Aħna se nappoġġjawkom f’dan il-vjaġġ sakemm ikun hemm bżonn u kemm ikun hemm bżonn. 

Moldova, id-dinja taf lill-poplu tiegħek bħala poplu paċifiku, demokratiku u ħieles. Intom liberi li tesprimu t-tamiet, ix-xewqat tagħkom u l-aspettattivi tagħkom. Liberi li tiddeterminaw id-destin ta’ pajjiżkom. Intom għażiltu l-Ewropa, u issa għandkom id-dritt u r-responsabbiltà li taraw li dan jitwettaq. 

F’dawn l-aħħar snin, ħadtu passi deċiżivi lejn ir-riformi. Anki f’dawn iż-żminijiet diffiċli ta’ gwerra illegali fil-fruntieri tagħkom, l-impenn tagħkom, l-impenn tal-President Maia Sandu, lejn il-mixja Ewropea tal-Moldova qatt ma tilef ir-rotta.

Fil-Parlament Ewropew, nirrikonoxxu l-isforzi kbar li pajjiżkom għamel biex jimplimenta d-disa’ passi tal-Kummissjoni Ewropea għar-riforma u biex jallinja ruħu mal-acquis tal-UE. Il-Moldova diġà hija lesta għal integrazzjoni aktar profonda fis-suq uniku tal-UE u għal kooperazzjoni msaħħa f’dawk li huma d-diġitalizzazzjoni u t-telekomunikazzjonijiet.

U matul dan il-proċess, ippermettuli nassigurakom li dejjem se ssibu ħabib u alleat veru fil-Parlament Ewropew – u wħud mill-kollegi tiegħi qegħdin hawn proprju llum. Kburin li aħna l-akbar sostenituri tagħkom għall-adeżjoni mal-UE. 

Għax nifhmu u nemmnu fil-poter trasformattiv li jġib miegħu t-tkabbir tal-UE. Nafu xi jfisser għalikom – u dan intom wrejtuh bil-preżenza tagħkom hawn illum. 

U għalhekk, kif intom miġburin hawn illum, f’dan il-jum ferm importanti, biex tibagħtu messaġġ pro-Ewropew lill-komunità internazzjonali, se nħallikom bir-risposta tiegħi, bir-risposta tal-Parlament Ewropew: 

Ibqgħu sejrin kif intom. Żommu sod. Il-Moldova mhijiex waħedha. Moldova nu este singură. Grazzi tal-fiduċja tagħkom, m’aħniex se niddiżappuntawkom. Grazzi.