L-ebda deċiżjoni dwar l-Ukrajna ma tista' ssir mingħajr l-Ukrajna  

 

Waqt li kienet qed tindirizza s-Summit dwar il-Paċi fl-Ukrajna fl-Isvizzera, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew jappoġġja bis-sħiħ il-Formula tal-Paċi tal-Ukrajna, li hija l-uniku qafas komprensiv għal paċi ġusta u sostenibbli fl-Ukrajna.

Għeżież ħbieb,

L-Ukrajna hija u se tibqa’ tkun il-prijorità assoluta għall-Unjoni Ewropea. 

Il-Parlament Ewropew jappoġġja bis-sħiħ il-Formula ta’ Paċi Ukrena, li hija l-uniku qafas komprensiv għal paċi ġusta u sostenibbli fl-Ukrajna. Inħeġġu lis-sħab internazzjonali kollha jgħinu biex dan il-proċess jimxi ’l quddiem, u nfaħħru l-isforzi kollha li saru b’rieda tajba biex jippromwovu dan il-proċess ta’ paċi. 

Nixtieq nirringrazzja lill-President Viola Amherd talli ospitat dan is-Summit u talli hi flimkien mal-President Zelenskyy laqqgħuna hawn illum.

Dan is-Summit huwa importanti ħafna.  Jibgħat messaġġ b’saħħtu tal-appoġġ sod tagħna favur l-Ukrajna u jafferma mill-ġdid l-isforzi globali tagħna biex tintemm il-gwerra inġustifikata Russa kontra Ukrajna paċifika. 

Ħadd ma jixtieq paċi daqskemm jixtiquha l-eroj Ukreni tagħna. 

Iltqajna hawn flimkien fl-Iżvizzera biex inqiegħdu l-pedamenti għal paċi ġusta fl-Ukrajna u nwittu t-triq għal stabbiltà dejjiema fir-reġjun.

Biex insibu bażi komuni u nagħmlu progress fi kwistjonijiet li mhumiex biss parti mill-formula ta’ paċi tal-President Zelenskyy, iżda wkoll huma ta’ importanza enormi għall-komunità internazzjonali, sew jekk ikunu marbuta mas-sigurtà nukleari, mas-sigurtà tal-ikel jew mal-kwistjonijiet umanitarji. 

L-invażjoni tal-Ukrajna min-naħa tar-Russja tikser id-dritt internazzjonali. Iridu jiġu difiżi s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti fuq livell internazzjonali. 

Ninsabu hawn illum għax nappoġġjaw il-Formula ta’ Paċi Ukrena. Għax għeruqha huma fil-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Ilkoll kemm aħna nappoġġjaw l-aspirazzjoni għal-libertà u għall-paċi tal-poplu Ukren, li kuljum iġarrab l-attakki u l-offensivi tar-Russja. 

Iżda ppermettuli nkun ċara: l-ebda deċiżjoni dwar l-Ukrajna ma tista’ ssir mingħajr l-Ukrajna. Dan irid jibqa’ l-punt kruċjali aħna u nippruvaw insibu t-triq lejn il-paċi. 

Jeħtiġilna ninsistu fuq proċess ta’ paċi li jħares il-fatt li l-Ukrajna jibqa’ jkollha rajha f’idejha f’dak li għandu x’jaqsam mad-destin u mat-territorju tagħha. Sta għall-Ukrajna tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet tan-negozjati. Sta għall-Ukreni jiddeċiedu min jagħżlu biex ikunu l-alleati tagħhom. U fuq dan il-punt nilqa’ l-fatt li n-negozjati għall-adeżjoni mal-UE se jibdew b’mod konkret fil-25 ta’ Ġunju.

Għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, ma jistax ikun hemm paċi mingħajr libertà, u ma jista’ jkun hemm qatt paċi dejjiema mingħajr il-poplu tal-Ukrajna. Ma jistax ikun hemm paċi mingħajr tama u ma jistax ikun hemm tama mingħajr ma tassew nemmnu fiha.

Slava Ukraini.