Daqshekk kuntatt bejn il-Parlament Ewropew u l-awtoritajiet Iranjani 

 

Bħala risposta għas-sanzjonijiet tal-Iran kontra Membri tal-Parlament Ewropew, delegazzjonijiet u kumitati tal-Parlament Ewropew mhux se jagħmlu aktar kuntatt mal-awtoritajiet Iranjani. Il-President Metsola ħabbret dan waqt li fetħet is-Sessjoni Plenarja fi Strasburgu.

Il-ġimgħa l-oħra, rajna sentenza tal-mewt imposta fuq id-dimostranti arrestati fl-Iran. Il-Parlament Ewropew jopponi bil-qawwa l-piena kapitali u l-oppressjoni vjolenti tal-protesti leġittimi. Inħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jieqfu hawn u issa.

Il-Parlament Ewropew jilqa' l-fatt li żdiedu 29 persuna u tliet entitajiet fil-lista ta' dawk soġġetti għal miżuri restrittivi jew sanzjonijiet. Nagħmlu appell lill-Istati Membri jżommu għolja l-pressjoni.

F'risposta għas-sanzjonijiet inaċċettabbli min-naħa tal-Iran fil-konfront ta' Membri ta' din il-Kamra, ninfurmakom li, sakemm joħorġu ordnijiet ġodda, mhux se jkun hemm kuntatt dirett bejn id-delegazzjonijiet u l-kumitati tal-Parlament Ewropew u l-kontropartijiet Iranjani tagħhom. 

M'aħniex se ninjoraw lil dawk fit-toroq tal-Iran li jduru fuqna għall-għajnuna. Aħna magħkom. Aħna se nibqgħu magħkom.