Issa huwa l-mument li niddefendu l-Ewropa 

 

Din il-ġimgħa se tkun l-aħħar Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew ta’ din il-leġiżlatura. Fl-indirizz tagħha, il-President Roberta Metsola rreferiet għall-kisbiet tal-Parlament fl-aħħar 5 snin, u appellat lill-Membri biex iħeġġu lin-nies joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju.

Għeżież kollegi,

Billi din hija l-aħħar sessjoni plenarja qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju, nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzjakom tal-ħidma bla heda tagħkom f’dawn l-aħħar ħames snin. 

Kien żmien ikkaratterizzat minn ħafna sfidi imma dan il-Parlament kiseb ir-riżultati. F’dawn l-aħħar snin sibna mod biex noħorġu mir-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Mexxejna d-dibattitu Ewropew li għamel ħajjet in-nies ftit aktar faċli, ftit aktar protetta u ftit aktar sikura. Adottajna leġiżlazzjoni rivoluzzjonarja rigward l-intelliġenza artifiċjali, il-migrazzjoni, l-ażil, il-klima, il-ħolqien tal-impjiegi u l-ħarsien tal-industrija u tal-agrikoltura Ewropej, rigward it-teknoloġiji l-ġodda, is-servizzi diġitali u s-swieq diġitali. Adottajna fajls enormi rigward l-ugwaljanza u saħħaħna l-pilastru soċjali.

Irduppjajna l-isforzi tagħna biex nagħmlu din l-Unjoni tagħna superpotenza ta’ drittijiet. Kullimkien.

Affrontajna l-invażjoni tal-Ukrajna, inqtajna mir-Russja u ħloqna prijoritajiet ġodda fl-enerġija u fis-saħħa. Iddefendejna l-umanità fil-Lvant Nofsani u fid-dinja kollha. Tajna nifs ġdid lill-mandat tagħna biex nippromwovu d-diplomazija parlamentari u l-libertà.

Smajna, tgħallimna u fqajna l-bużżieqa ta’ Brussell u ta’ Strażburgu biex ninvolvu liċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha u biex niddjalogaw magħhom. 

Ħdimna ħafna biex niżguraw li din il-Kamra tkun aktar effiċjenti, aktar effikaċi u adatta għall-iskop tagħha. Għamilnieha aktar miftuħa u aktar indipendenti. Innegozjajna l-baġits u ġibniehom f’bilanċ. Żgurajna li dan ikun post tax-xogħol fejn il-persuni jħossuhom kburin bih u protetti fih. 

Dan kollu għamilnieh flimkien. Iddiskutejna, aġixxejna u ksibna riżultati għaċ-ċittadini. 

U ta’ dan nixtieq nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom, lill-persunal kollu tagħkom u lis-servizzi tal-Parlament. Jiena kburija immens li qiegħda hawn u kburija immens bix-xogħol li wettaqna. U nittama li tħossu li pattejtilkom il-fiduċja li kellkom fija u talli emmintu fija.

Nixtieq ukoll nagħti ġieħ lill-wirt li ħallielna l-predeċessur tiegħi, il-President David Sassoli, li tant ta lil dan il-Parlament u lill-Ewropa.  U nittama li jkun kburi bina hu wkoll.

Il-ħidma tagħna ma tiqafx hawn.  

Fi ftit aktar minn 6 ġimgħat biss, iċ-ċittadini tal-UE fl-Istati Membri kollha se jintalbu jeleġġu s-720 Membru tal-Parlament Ewropew li se jifformaw l-10 leġiżlatura. 

Issa huwa l-mument li nsemmgħu leħinna għall-Ewropa, li nagħmlu appell lin-nies, speċjalment liż-żgħażagħ, imorru jivvotaw, li nistidnuhom isawru l-futur li jixtiequ jaraw. Għaliex kull vuċi, kull vot, kull għażla huma importanti. 

Għeżież kollegi, jien fiduċjuża li flimkien dan nistgħu nagħmluh.