Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola hija t-tielet dinjitarju li qatt indirizzat il-Kunsill Nazzjonali Awstrijak. F’dan il-jum storiku, Roberta Metsola tkellmet dwar l-importanza tat-tiġdid u modi ta’ kif l-Ewropa tista’ u għandha tħaddan il-bidla. "Nistgħu ninbidlu, nistgħu nirriġeneraw u nistgħu nagħmlu dan filwaqt li nsaħħu l-pedamenti tal-proġett Ewropew tagħna."
Vielen Dank. Grazzi President Sobotka, Onorevoli Membri tal-Parlament, Sinjuri,
Jien onorata u grata li għandi l-opportunità nindirizza lill-Kunsill Nazzjonali. Huwa straordinarju li ninsab hawn, nirrappreżenta lill-Parlament Ewropew, wara li x-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni għamlu lil din il-binja l-ġmiel tagħha simbolu aktar trasparenti, aktar sostenibbli u aktar aċċessibbli tad-demokrazija.
Huwa proprju dak l-ispirtu ta’ bidla, tiġdid u modernizzazzjoni rrappreżentat f’din il-binja li nixtieqha tħaddan l-Ewropa. Nistgħu ninbidlu, nistgħu nirriġeneraw u nistgħu nagħmlu dan filwaqt li nsaħħu l-pedamenti tal-proġett Ewropew tagħna.
In-nostalġija tista’ twennisna, iżda ma tistax tiggwida l-politika. Jeħtiġilna nibqgħu orjentati lejn il-futur u jkollna l-kapaċità li nħarsu fil-bogħod ħalli nifhmu li biex naffrontaw l-isfidi ta’ għada b’mod adegwat, ikollna nieħdu deċiżjonijiet ibsin illum. U jeħtiġilna nagħmlu hekk b’mod li jkun sostenibbli u b’mod li mhux sempliċement ifarfar aktar problemi fuq il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Qegħdin ngħixu f’epoka ta’ polikriżijiet.
Qegħdin naffrontaw attakk fil-kontinent tagħna bl-invażjoni illegali fl-Ukrajna, pajjiż sovran, min-naħa tar-Russja. Flimkien ma’ spejjeż għall-enerġija għoljin u żieda fil-prezzijiet, bin-nies bilkemm jaslu sal-aħħar tax-xahar. Il-materja prima qed issir aktar skarsa. L-inflazzjoni tibqa’ sfida għat-tkabbir. Tranżizzjoni klimatika li ma tistax tiġi injorata. Sfidi migratorji li jeħtieġu approċċ olistiku pan-Ewropew u rkupru ekonomiku ta’ wara l-pandemija li għadu wisq fraġli.
Iżda mhumiex l-isfidi li se jiddefinixxu l-epoka tagħna, iżda r-risposta kollettiva tagħna. U jiena kburija bil-mod kif l-Ewropa rreaġixxiet u kompliet iżżomm sod.
Dawn l-isfidi jikkonċernaw kemm lill-Awstrija kif ukoll lill-bqija tal-Unjoni. Sta għalina nuru sens ta’ tmexxija. Iċ-ċavetta għar-risposta tagħna kienet l-għaqda ta’ bejnietna, u li fhimna li kapaċi naffrontaw dawn l-isfidi biss jekk naġixxu flimkien.
L-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna tirrappreżenta theddida eżistenzjali għall-Unjoni tagħna, għall-istil ta’ ħajja tagħna. Ir-risposta tagħna trid tkun meqjusa iżda proporzjonata. Din l-invażjoni brutali hija l-limitu tagħna li ma jistax jinqabeż. Kull ġenerazzjoni jkollha waħda, u din hija tagħna. Nafu dak li qed nissugraw. Nafu li l-libertajiet, il-valuri u s-sigurtà tagħna jistħoqqilhom id-deċiżjonijiet li jkollna nieħdu ta’ malajr.
Dak li jiġri fl-Ukrajna se jsawwar ir-relazzjonijiet internazzjonali għas-snin li ġejjin.
Jien m’iniex assolutista, iżda għall-Ewropa dan jirrappreżenta dak li wegħidna għal ġenerazzjonijiet sħaħ: li niddefendu l-ġustizzja, il-libertà u l-istat tad-dritt. Anki meta jkun diffiċli li dan isir, anzi, speċjalment meta jkun diffiċli. Jekk ma nagħmlux hekk, allura dak kollu li ġġilidna għalih, dak kollu li wegħidna u dak kollu li writna, jirriskja li jibda jitfarrak.
L-appoġġ tagħna jrid jibqa’ sod. Mhux se jkun faċli, iżda m’hemm l-ebda dubju li hu neċessarju. Dan ġegħilna nerġgħu nikkunsidraw il-politika ta’ sigurtà u difiża tagħna. Mexxa d-dibattitu dwar l-awtonomija strateġika tagħna fuq nett tal-aġenda. Għamilha ta’ sfond għar-risposta tagħna lit-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika u se jkompli jagħmel hekk.
U t-tranżizzjoni doppja tagħna tkun tista’ tinkiseb biss jekk inkunu kapaċi nagħtu lilna nfusna l-qafas it-tajjeb għal tkabbir ekonomiku, sostenibbli u ekoloġiku. B’dan il-mod se nħallsu lura d-dejn li għamilna, se nindirizzaw il-problemi interġenerazzjonali tal-faqar li jolqtu s-soċjetajiet tagħna, se nagħtu tama liż-żgħażagħ, u dan se nagħmluh filwaqt li nilħqu l-ambizzjonijiet klimatiċi tagħna. Għaliex dawn il-bidliet ma jikkonċernawx biss it-tranżizzjoni ekoloġika, jikkonċernaw it-tkabbir sostenibbli, is-sigurtà, il-fatt li niżguraw li l-paga tan-nies tkun tista’ sservihom sal-aħħar tax-xahar – jikkonċernaw il-fatt li l-ekonomiji tagħna jibqgħu validi għall-futur. U jikkonċerna wkoll il-mod kif nagħmlu dan il-proġett tagħna aktar b’saħħtu milli kien meta sibnieh.
Madankollu, jeħtiġilna nkunu nistgħu ntaffu aħjar l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Għandna nispjegaw aħjar għala u kif qed nagħmlu dan u għaliex huwa importanti. Għandna nisimgħu aktar u b’attenzjoni akbar, b’mod partikolari lill-bdiewa u lis-settur agrikolu tagħna.
Kif qalli xi ħadd dan l-aħħar, hemm linja inviżibbli li n-nies ma għandhomx ikunu mġiegħla jaqbżu. In-nies għandhom ikollhom fiduċja fil-proċess, u għandhom jifilħu jħallsu għalih. Inkella mhuwiex se jirnexxi.
Dan hu eżempju wieħed tal-Ewropa li tiġġedded li semmejtilkom. Irrid lin-nies jerġgħu jħossu dak is-sens ta’ raġuni, ta’ entużjażmu għall-Ewropa. Ewropa għal kulħadd, fejn kull wieħed u waħda minna nħossuna li nistgħu ngħixu fiha. Naf bix-xogħol eċċellenti li l-Awstrija, flimkien ma’ dan il-Parlament, qiegħda tagħmel biex tmexxi, pereżempju, il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu, tagħmel pressjonijiet biex il-kwistjoni titqiegħed fuq livell Ewropew u tagħti l-eżempju lil kulħadd. Nirringrazzjak, Sur President, għall-inizjattiva u għar-rwol ta’ tmexxija fuq dan is-suġġett.
L-Unjoni Ewropea tirrappreżenta xi ħaġa. Għandna nkunu kburin b’dan. Il-Parlament Ewropew huwa tal-Awstrijaċi daqs kemm hu ta’ ħaddieħor ukoll. M’hemmx deċiżjonijiet fl-Ewropa li fihom ma tiħdux sehem intom. Ħafna deċiżjonijiet jittieħdu bis-saħħa tagħkom. U l-ebda politika tagħna ma taħdem jekk warajha ma jkunx hemm in-nies jappoġġawha.
Dan jgħodd għall-migrazzjoni, suġġett li għalih il-Parlament Ewropew innegozja perkors diffiċli għall-futur, perkors li jkun olistiku, li jipproteġi l-konfini tagħna iżda li jkun ġust ma’ min għandu bżonn protezzjoni, sod ma’ min mhuwiex eleġibbli u għalhekk għandu jintbagħat lura mingħajr periklu u iebes max-xbieki tat-traffikar u tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Għad fadlilna ħafna xogħol x’nagħmlu, b’mod partikolari f’dawk li huma r-ritorni.
Nistgħu nindirizzaw dan l-aspett u nistgħu nħarsu u nsaħħu ż-żona Schengen. Żona Schengen aktar b’saħħitha tfisser Ewropa aktar sigura. Ewropa eqreb in-nies tfisser Ewropa aqwa.
L-Ewropa tagħna mhijiex xi entità remota. L-Ewropa ma timmirax li tagħmel lil kulħadd l-istess jew omoġenju; nifhmu li aħna differenti, li għandna kulturi differenti u realtajiet nazzjonali. Id-differenzi tagħna u l-kapaċità tagħna li ningħaqdu huwa dak li jagħmilna b’saħħitna; id-19-il Membru tal-PE tal-Awstrija u żewġ Viċi Presidenti tal-Parlament Ewropew dan jafuh sewwa.
B’dan ma rridx ngħid li l-Unjoni tagħna hija perfetta. Mhijiex – nikkondividi ħafna mill-frustrazzjonijiet rigward ċerti proċessi tagħna – iżda, fl-aħħar mill-aħħar, l-Ewropa vallapena. Nistgħu nirranġawha.
L-Ewropa vallapena. Vallapena l-ħin tagħkom, l-enerġija tagħkom, il-fiduċja tagħkom. Vallapena l-frustrazzjonijiet li xi drabi tikkawża. Vallapena l-fondi li tiswa.
Bħala President tal-Parlament Ewropew, ridt li fil-mandat tiegħi nkellem lin-nies fil-bliet u fl-irħula kif ukoll fl-iskejjel tal-Unjoni kollha. Nisma’ u nitgħallem mill-Ewropej il-mod kif nistgħu nagħmlu lill-Ewropa taħdem għalihom. Inkompli nġib il-Parlament Ewropew qrib il-parlamenti nazzjonali – naf kemm dan l-aspett huwa partikolarment importanti għal dan il-Parlament nazzjonali.
Il-pożizzjoni tiegħi fuq dan il-punt hija li jeħtieġ li ntejbu l-mod kif nispjegaw il-valur tal-Ewropa. U m’għandniex nibżgħu minnha l-bidla. L-elezzjonijiet Ewropej li jmiss se jsiru bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024. Naf li bis-saħħa tal-Membri impenjati tal-PE u tal-parlament nazzjonali tal-Awstrija, nistgħu nkomplu nagħmlu hekk u nistgħu nkomplu nisimgħu, nikkonvinċu u nispjegaw, b’mod partikolari liż-żgħażagħ Awstrijaċi ta’ 16-il sena li, għall-ewwel darba s-sena li ġejja, se jitħallew jivvutaw.
Fi kliem Wolfgang Amadeus Mozart: “Ngħixu f’din id-dinja biex dejjem nitgħallmu bi bżulija u nkunu ta’ ispirazzjoni lil xulxin permezz tad-diskussjoni...”
Huma dawn il-valuri li jiddefinixxu l-Parlament Ewropew. Huma dawn il-valuri li jiddefinixxu l-Ewropa.
Grazzi.