Illum, il-Parlament Ewropew kellu dibattitu mal-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orbán dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill tal-UE. Fid-diskors tal-ftuħ tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-enfasi tal-Parlament tibqa’ il-prijoritajiet tan-nies, fuq it-tisħiħ tal-kompetittività, l-iżgurar tas-sigurtà, u l-appoġġ lill-Ukrajna.
Għeżież kollegi,
Fl-1 ta’ Lulju l-Ungerija assumiet il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Illum magħna għandna lill-Prim Ministru Orbán fil-Parlament Ewropew għal dibattitu mal-Membri.
Il-Presidenza Ungeriża hija l-ewwel waħda ta’ din il-leġiżlatura l-ġdida, u għandha rwol partikolari u responsabbiltà biex twettaq dak li ċ-ċittadini tagħna jridu u jistennew mill-Unjoni Ewropea tagħna.
Dan id-dibattitu qiegħed isir f’kuntest ta’ għargħar devastanti li ħmistax ilu ħakem diversi Stati Membri. Ippermettuli nuża din l-opportunità biex intenni l-appoġġ ta’ dan il-Parlament għall-vittmi kollha ta’ din it-traġedja u l-impenn tagħna biex ngħinu lil dawk kollha li ntlaqtu fir-rikostruzzjoni u ħalli n-nies jerġgħu jqumu fuq saqajhom. Din hi l-Ewropa fl-azzjoni. Din hi s-solidarjetà Ewropea.
Il-Presidenza Ungeriża waslet f’mument importanti ta’ bidla istituzzjonali. Mandat ġdid iġib miegħu sfidi u opportunitajiet ġodda li għandna nħaddnu lkoll flimkien.
Dan is-sajf ġie rreġistrat l-ogħla perċentwal ta’ parteċipazzjoni ta’ votanti fl-elezzjonijiet Ewropej fi 30 sena. Eleġġew din il-Kamra biex tkun il-vuċi tad-demokrazija tal-Ewropa. F’dawn il-ġimgħat li ġejjin, se nivvutaw Kulleġġ ta’ Kummissarji ġdid biex jibda jaħdem ħalli jindirizza l-prijoritajiet li huma importanti għaċ-ċittadini. Dawn id-deċiżjonijiet se jsawru l-futur tal-Ewropa.
Hemm ħafna passi ’l quddiem sinifikanti oħra għall-Unjoni tagħna, li se nagħmluhom flimkien f’dawn il-ġimgħat, ix-xhur u s-snin li ġejjin. Fosthom l-appoġġ lill-Ukrajna, it-tisħiħ tal-kompetittività Ewropea u l-bini ta’ Ewropa aktar stabbli u sikura f’dinja ta’ inċertezza dejjem akbar. Unjoni ta’ demokrazija, prosperità u sigurtà li tħares il-valuri tagħna kullimkien. L-Ewropa forsi mhijiex perfetta, wara kollox għadha fil-fażi li tinbena, u filwaqt li jeħtiġilna nkunu onesti fir-rigward tas-setturi li fihom hemm lok għal titjib, ma għandniex noqogħdu lura milli niċċelebraw is-suċċessi tagħna.
Illum ninsabu hawn biex niddiskutu l-prijoritajiet tal-Presidenza Ungeriża li nittama jwasslu għal aktar stejjer Ewropej ta’ suċċess.
Prim Ministru, ħafna minna jiftakru d-dibattitu vivaċi ta’ sitt snin ilu. Illum ma nistenna xejn inqas. Għaliex f’din id-Dar tad-Demokrazija, kif ukoll fl-Ewropa, fejn l-istat tad-dritt u l-libertà ta’ espressjoni huma sagrosanti, mhux dejjem nistgħu naqblu bejnietna, iżda dejjem nagħtu spazju biex naqsmu fehmietna b’mod rispettuż.
Qawl Ungeriż jgħid hekk: sok kicsi sokra megy. Ħafna mill-ftit jammonta għal ħafna. Dik hi l-forza tal-Ewropa: li flimkien bħala Ewropej, nistgħu niksbu ferm aktar milli nistgħu niksbu waħedna.
Prim Ministru, nagħtik il-kelma.