Il-Parlament jonora lil Alexei Navalny 

 

Fil-preżenza ta’ martu Yulia Navalnaya, il-Parlament Ewropew onora l-legat ta’ Alexei Navalny. Fl-indirizz tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li Navalny jirrappreżenta tama. "Tama f'jiem aħjar. Tama f'Russja ħielsa. Tama fil-futur."

Onorevoli Membri,
Għeżież kollegi, 

Inġbarna hawn illum biex nagħtu ġieħ lil Alexei Navalny, fil-preżenza ta’ martu, Yulia Navalnaya, mara tant kuraġġuża. 

Yulia, grazzi talli kont lesta tkellem lid-dinja minn din il-Kamra f’ċirkostanzi tant koroh. Huwa unur tiegħi nilqgħek fil-Parlament Ewropew.

Fis-16 ta’ Frar waslitilna l-aħbar traġika tal-mewt ta’ Alexei Navalny, rebbieħ tal-Premju Sakharov. Għal bosta nies fir-Russja u fid-dinja, kien jirrappreżenta t-tama. Tama f’jiem isbaħ. Tama f’Russja libera. Tama fil-futur. 

Tama li l-kuraġġ jista’ jipprevali. Anki jekk l-assassini tiegħu ppruvaw jitfu bi krudeltà dik it-tama, arralhom. It-tama li kien jirrappreżenta għadha tiddi bħal qatt qabel. 

Din il-Kamra u l-Membri tagħha jikkundannaw bl-aktar mod qawwi il-qtil tiegħu. Huwa delitt li ħaqqu investigazzjoni internazzjonali u indipendenti. Id-dinja jistħoqqilha li ssir ġustizzja.

Aħna u nagħtu ġieħ lill-memorja tiegħu, nixtieq nesprimi l-kondoljanzi sinċieri tagħna lilek, għażiża Yulia, lil uliedek Daria u Zakhar, lill-ġenituri ta’ Alexei, Lyudmila u Anatoly, lil familtu, lil ħbiebu u lis-sostenituri bla għadd tiegħu fir-Russja u fid-dinja kollha. 
 
Alexei Navalny iddedika ħajtu biex jiġġieled kontra l-korruzzjoni u favur Russja demokratika. Ma ċediex meta ppruvaw jivvelenawh. Ma ċediex meta ġie impriġunat b’mod inġust. Ma ċediex meta l-kundanna tiegħu ttawlet fi proċess farsa. Ma ċeda lanqas meta kellu jħabbat wiċċu mat-tbatija u mal-inġustizzja. U lanqas aħna ma għandna nċedu. 

Id-demokrazija tirrikjedi kuraġġ, u Alexei dan fehmu. Għalhekk mar lura r-Russja fl-2021. Għalhekk ma setgħux ikissruh. 

U proprju għalhekk ir-reġim kien tant jibża’ minnu. Iżda l-ġlieda ta’ Alexei ma tiqafx. Il-bosta nies li wara mewtu niżlu fit-toroq tar-Russja juru għal darb’oħra l-fraġilità tal-awtoritariżmu.

Insib il-faraġ fil-fatt li jekk l-istorja għallmitna xi ħaġa, hija li, fl-aħħar mill-aħħar, il-pilastri tal-awtokrazija dejjem, dejjem jitfarrku bil-piż tal-korruzzjoni tagħha stess u tax-xewqa intrinsika tan-nies li jgħixu liberi. U meta inevitabbilment jirnexxilhom, se jkun bis-saħħa ta’ dak li għamlu Alexei u l-familja tiegħek. 

Għażiża Yulia, f’isem il-Parlament Ewropew li jammira l-kuraġġ tiegħek, nirringrazzjak. Nagħtik il-kelma.