Hi u tfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Mara, il-President tal-Parlament Ewropew qalet li l-Parlament dejjem se jkun forza għad-demokrazija, l-ugwaljanza u s-solidarjetà. Hija rringrazzjat lil Sviatlana Tsikhanouskaya, Palina Sharenda Panasiuk, Lenie Umerova u Tata Kepler talli huma ta’ ispirazzjoni.
Għeżież kollegi, Sinjuri, Għeżież Sviatlana, Palina, Lenie, Tata,
Grazzi talli ngħaqadtu magħna hekk kif qed niċċelebraw il-Jum Internazzjonali tal-Mara.
Kburija li din il-Kamra hija u se tibqa’ dejjem forza favur id-demokrazija, l-ugwaljanza u s-solidarjetà. Illum, nagħtu ġieħ lin-nisa kuraġġużi madwar l-Ewropa li qed jiddefendu l-valuri li ħafna minna, ta’ spiss wisq, inqisuhom bħala fatt.
Nisa li jinkarnaw l-ispirtu ta’ kuraġġ, ta’ reżistenza u tal-awdaċjà biex jemmnu f’dinja aħjar.
Li jinsabu fuq quddiem nett tal-ġlieda għal futur li fih tirrenja l-libertà.
Li qed jirriskjaw kollox biex ma jċedux dak li jemmnu fih.
Sviatlana Tsikhanouskaya, Mexxejja tal-Forzi Demokratiċi tal-Belarussja; Palina Sharenda-Panasiuk, ex priġuniera politika fil-Belarussja; Leniie Umerova, ex priġuniera politika mill-Krimea; Tata Kepler, voluntiera medika u attivista Ukrena.
Għeżież ħbieb, l-azzjonijiet kuraġġużi tagħkom iservu ta’ ispirazzjoni għal din il-Kamra u għal dawk kollha li jgħożżu l-libertà kullimkien. Grazzi talli kontu eżempju għall-bniet u s-subien madwar l-Ewropa u d-dinja.
Illum, fl-Ukrajna mijiet ta’ nisa u rġiel qed jiġġieldu kuljum għal dik il-ħolma ta’ paċi u libertà. Konxji tas-sagrifiċċju tagħhom. Nonoraw dak li jirrappreżentaw.
Fil-Belarussja, hemm wisq nisa u rġiel li huma arrestati arbitrarjament u mċaħħda minn drittijiethom taħt l-għafsa tad-dittatura. Nafu x’kellhom iċedu. Il-qagħda mwiegħra tagħhom mhix se tintesa.
Sviatlana, Palina, Leniie, Tata: grazzi. Din il-Kamra tirringrazzjakom. L-Ewropa tirringrazzjakom.
Din il-Kamra tinsab magħkom. Għax l-Ewropa tinsab fuq in-naħa tad-demokrazija: ikun fejn ikun, ikun meta jkun.
Grazzi.