Waqt li kienet qed tindirizza l-Parlament Portugiż, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Ewropa għandha l-ħila li tmexxi, issaħħaħ u tirriforma. "Irridu nkomplu nwasslu u nipprovdu soluzzjonijiet dwar il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, l-innovazzjoni diġitali, l-enerġija u t-tkabbir, u nressqu l-proġett tagħna eqreb lejn in-nies."
President, Sinjuri, Membri Distinti ta’ din l-Assemblea tar-Repubblika,
Huwa unur għalija llum li nista’ nkun hawn, nirrappreżenta l-Parlament Ewropew.
Dan l-unur huwa xhieda tal-impenn tal-Portugall lejn l-Unjoni Ewropea. Tal-impenn tal-Portugall favur id-demokrazija parlamentari Ewropea u l-bażi loġika għall-eżistenza tal-Ewropa. Proprju hawn, fl-aktar Ewropew minn fost il-parlamenti.
Huwa sabiħ ħafna li nerġa’ ninsab il-Portugall – pajjiż li jippersonifika xi tfisser li tkun Ewropew. Post fejn dejjem inħossni komda, b’nies li jissimbolizzaw l-ispirtu ta’ reżiljenza, ta’ solidarjetà u ta’ għaqda li l-Ewropa jeħtiġilha tħaddan. Dan huwa l-effett Portugiż.
L-isfidi huma ħafna. Qed niffaċċjaw gwerra fuq il-kontinent tagħna bl-invażjoni illegali tal-Ukrajna, pajjiż sovran, mir-Russja. Għexna mumenti ta’ żidiet qawwija fil-prezzijiet u skarsezzi tal-enerġija. Għad hemm ħafna li għadhom jitqabdu biex ilaħħqu mal-ħajja. Il-materja prima qed issir aktar skarsa. L-inflazzjoni tibqa’ ostaklu għat-tkabbir. Tranżizzjoni klimatika li ma tistax tiġi injorata. Sfidi migratorji li jeħtieġu approċċ olistiku pan-Ewropew u rkupru ekonomiku ta’ wara l-pandemija li għadu wisq fraġli.
Ħbieb, mhux se jkunu l-isfidi li se jiddefinixxu l-epoka tagħna, iżda r-risposta tagħna. U jiena kburija bil-mod kif l-Ewropa rreaġixxiet u kompliet iżżomm sod.
Fi Frar 2022, ftit jiem wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, iltqajt ma’ grupp ta’ nisa u tfal fi Strażburgu li kienu għadhom kif irnexxielhom jitilqu minn Kiev. Staqsejthom lejn liema destinazzjoni kienu sejrin u qaluli “Porto” – post fuq in-naħa l-oħra tal-kontinent. Kien mument emozzjonali, iżda wera li anki fl-agħar żminijiet, ma ħrabtux mir-responsabbiltà. Is-sindki tagħkom ma qalux li kienu ‘l bogħod wisq biex jagħtu kas. Irreaġixxejtu u tajtu t-tama lin-nies. Il-bliet u l-irħula tagħkom – inkluża Liżbona – irrispondew għall-kampanja tagħna “Ġeneraturi ta’ Tama” biex jipprovdu l-elettriku lill-Ukrajna. U għal dan, għal dak kollu li għamiltu biex tappoġġjaw l-isforzi komuni tagħna biex niżguraw is-sopravivenza tal-Ukrajna, u għal dak kollu li għadkom tagħmlu, nirringrazzjakom.
Huwa minnu li l-Portugall jaf kif jegħleb l-isfidi tal-ġeografija aħjar minn mill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-oħra. L-Ewropa tibda proprju fin-nazzjon tagħkom. Mill-Amerka Latina, l-Afrika sal-Asja, ir-rabtiet uniċi tagħkom fissru li l-Ewropa tista’ titkellem mad-dinja u tisma’ b’mod li jippermetti fehim komuni u jipproteġi l-multilateraliżmu.
Corvo – gżira ta’ 17km2 fl-Azores tinsab bogħod mill-Istati Uniti daqskemm tinsab bogħod minn Brussell. Hija l-bieb ta’ aċċess tagħna għad-dinja. Dik hija l-Ewropa.
Irrakkuntawli storja dwar kif f’Jum l-Ewropa fl-2017, tpinġa mural b’Jacques Delors u l-aktar resident anzjan ta’ Corvo, José Mendonça Machado, fuq il-ħajt tal-librerija pubblika ta’ hemmhekk. Il-messaġġ kien ċar: is-Sur Mendonça Machado huwa Ewropew daqs il-President Delors. Dan il-messaġġ smajnieh, kullimkien.
Ma hemm ebda post fl-Ewropa li huwa bogħod wisq. Dik hija l-isfida komuni tagħna. Huwa għalhekk li qed nippromulgaw leġiżlazzjoni Ewropea li tippermetti lil gżejjer bħall-Azores, bħal Madeira, jiksbu aktar riżorsi biex jirnexxu.
Dak huwa l-mod kif insaħħu l-kontinent tagħna. Nistgħu nirriġeneraw u nistgħu nagħmlu dan filwaqt li nsaħħu l-pedamenti tal-proġett Ewropew tagħna b’mod li jkun sostenibbli u soċjalment ġust. Orjentat lejn il-futur.
Għadni kif ġejja, flimkien mal-kollegi tiegħi, mill-Parlament Ewropew fejn ivvutajna l-aktar leġiżlazzjoni avvanzata dwar l-Intelliġenza Artifiċjali fid-dinja. Ħriġna b’liġi li tippermettilna nieħdu rwol ta’ tmexxija fid-dinja fl-innovazzjoni diġitali, abbażi tal-valuri tal-UE.
Aħna u nimxu ’l quddiem, se jkollna bżonn konfini kostanti u ċari għall-Intelliġenza Artifiċjali. Se nrawmu l-innovazzjoni iżda hemm ħaġa waħda li għaliha m’aħniex lesti nagħmlu konċessjonijiet: kwalunkwe progress li tagħmel it-teknoloġija jrid jimxi id f’id mad-drittijiet fundamentali u mal-valuri demokratiċi.
Jeħtiġilna nikkunsidraw mill-ġdid il-mod kif nagħmlu l-liġijiet u kif naħsbu. Bdiet era ġdida u magħha bdiet theddida ta’ atturi malizzjużi li jużaw it-teknoloġija biex idgħajfu d-demokraziji tagħna. Hija forma ġdida ta’ theddida ibrida li jeħtiġilna niffaċċjaw flimkien.
L-azzjonijiet tal-Ewropa għandhom il-kapaċità li jkunu eżempju li jkaxkar fid-dinja. Azzjonijiet li jagħtu lill-Ewropa rwol ta’ tmexxija. U nistgħu nagħmlu dan bl-istil tagħna: b’mod responsabbli.
Dan huwa wkoll is-sistema ta’ valuri li rridu naraw fir-risposta tagħna għall-isfidi tal-migrazzjoni. Dan hu mument storiku li fih l-Istati Membri fl-aħħar qablu dwar it-triq ’il quddiem f’dik li hi migrazzjoni, iżda spiċċa ttappan minn nawfraġju ieħor fil-Mediterran. Aktar ħajjiet intilfu fl-ibħra tagħna. Aktar ommijiet qed jistennew aħbarijiet li mhuma se jaslu qatt. L-urġenza li jintlaħaq qbil dwar il-fajls tal-migrazzjoni u l-ażil hija reali. Ninsab konvinta li nistgħu nsibu mod li jirrispetta l-fruntieri – u li jkun ġust u uman ma’ dawk li għandhom bżonn protezzjoni, sod ma’ dawk li mhumiex eliġibbli u iebes ma’ dawk it-traffikanti li jisfruttaw l-aktar persuni vulnerabbli fil-pjaneta tagħna.
Dan huwa l-istil Ewropew.
U dan huwa l-istil Portugiż.
M’għandniex bżonn nibdew mill-bidu nett iżda nistgħu nqarrbu t-teħid tad-deċiżjonijiet lejn in-nies, insaħħu r-rabtiet mal-parlamenti nazzjonali u nagħmlu lin-nies aktar konxji tal-potenzjal li l-Ewropa għandha biex tagħmel ħajjithom ftit aktar faċli, ftit aktar sikura u ftit aktar ugwali.
Sena mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, dan huwa l-messaġġ li rrid inwassal lin-nies: l-Ewropa hija importanti. Il-vuċi, l-għażla u l-vot tagħkom huma importanti.
L-Ewropa mhijiex l-Istituzzjonijiet. L-Ewropa hija l-poplu tagħha. M’inix qiegħda hawn biex ngħid li l-Unjoni Ewropea hija perfetta. Tabilħaqq jien waħda minn dawk li jħossu ħafna mill-frustrazzjonijiet fir-rigward ta’ ċerti proċessi tagħna – iżda ninsab hawn biex ngħid li l-Ewropa tista’ tkun aħjar jekk naġixxu flimkien.
Qiegħda hawn biex nappella lin-nies – b’mod partikolari liż-żgħażagħ – biex ma jċedux għall-kumdità taċ-ċiniżmu faċli, biex ma jaċċettawx li jistkennu għall-irdoss tal-pożizzjonijiet estremi tal-politika.
Biex nagħmlu dan jeħtiġilna nkomplu nisimgħu lin-nies. Jeħtiġilna nkomplu nikkonvinċu. Jeħtiġilna nkomplu niksbu r-riżultati. Għandna nuru lin-nies il-vantaġġi tanġibbli tal-Ewropa. Għandu jkollna l-kuraġġ immorru lil hinn mir-retorika u jeħtiġilna nkunu onesti. Onesti dwar fejn fallejna iżda onesti wkoll dwar fejn irnexxejna. U għandna ħafna biex inkunu kburin.
Sta għalina nuru sens ta’ tmexxija u nistinkaw aktar biex niżguraw li l-valur tal-Ewropa jinħass. U m’għandniex nibżgħu minnha l-bidla. Ninsabu fit-triq li twassal biex l-UE tikber, dak li ħadem għal 27 Stat Membru mhux se jaħdem għal 30 jew għal 33. Jeħtiġilna nkunu lesti li nsaħħu u nirriformaw. Mhux se jkun faċli, iżda m’hemm l-ebda dubju li huwa neċessarju. F’din l-aħħar sena kellna nikkunsidraw mill-ġdid il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża tagħna. Dan mexxa d-dibattitu dwar l-awtonomija strateġika tagħna fuq nett tal-aġenda. Għamilha ta’ sfond għar-risposta tagħna lit-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika u se jkompli jagħmel hekk.
Fil-Portugall dan tafuh sew. Fil-bidu tal-2022, l-enerġija rinnovabbli forniet biss 52% tal-konsum totali tal-elettriku tagħkom. Sa Jannar 2023 dan il-perċentwal tela’ sa 88%. Dan huwa l-futur.
Iżda t-tranżizzjoni doppja tagħna tkun tista’ tinkiseb biss jekk inkunu kapaċi jkollna l-qafas it-tajjeb għal tkabbir ekonomiku, sostenibbli u ekoloġiku. B’dan il-mod se nħallsu lura d-dejn li għamilna, se nindirizzaw il-problemi interġenerazzjonali tal-faqar li jolqtu s-soċjetajiet kollha tagħna, se nagħtu tama liż-żgħażagħ, u dan se nagħmluh filwaqt li nilħqu l-ambizzjonijiet klimatiċi tagħna.
Għaliex dawn il-bidliet ma jirrigwardawx biss it-tranżizzjoni ekoloġika. Jirrigwardaw it-tkabbir, is-sigurtà, li niżguraw li l-paga tan-nies isservihom, u jifilħu jixtru darhom, jirrigwardaw il-fatt li nlestu l-ekonomiji tagħna għall-futur. U fl-aħħar mill-aħħar, jirrigwardaw il-mod kif inroddu l-proġett tagħna aktar b’saħħtu minn kif sibnieh.
Jeħtiġilna nkunu nistgħu ntaffu l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Għandna nispjegaw aħjar għaliex u kif qed nagħmluh dan, għax l-ebda waħda mill-politiki tagħna mhi se tkun suċċess jekk in-nies li jeleġġuna, jekk in-nies li qed iħarsu lejna biex inwettqu dak li jixtiequ mingħandna, ma jkunux involuti wkoll. Dan huwa dak li rrid infisser b’Ewropa ta’ tiġdid. Irrid li n-nies jerġgħu jħossu dak is-sens ta’ skop, ta’ entużjażmu għall-Ewropa.
L-Ewropa ma timmirax li tagħmel lil kulħadd l-istess. Nifhmu li aħna differenti, li għandna kulturi u realtajiet nazzjonali differenti. Id-differenzi tagħna u l-kapaċità tagħna li ningħaqdu flimkien huma dak li jagħmilna b’saħħitna.
Il-Parlament Ewropew huwa tal-Portugiżi daqs kemm huwa ta’ ħaddieħor. M’hemmx deċiżjonijiet fl-Ewropa li fihom ma tiħdux sehem intom. Ħafna deċiżjonijiet jittieħdu bis-saħħa tagħkom. U ħafna minnhom jitmexxew minnkom.
L-Ewropa vallapena. Vallapena l-ħin tagħkom, l-enerġija tagħkom, il-fiduċja tagħkom. Vallapena l-frustrazzjonijiet li xi drabi tikkawża. Vallapena l-fondi li ninvestu fiha.
L-Ewropa hija intom. L-Ewropa teżisti bis-saħħa tagħkom. U l-Ewropa sempliċiment ma tistax teżisti mingħajrkom.
Ta’ dan grazzi Portugall.
Grazzi tat-38 sena ta’ solidarjetà u tmexxija Ewropea.
Grazzi tal-għajnuna tagħkom biex nibnu l-Ewropa tagħna.
Ejjew nagħmluha aktar b’saħħitha.
Grazzi.