Il-President Metsola tindirizza lill-Parlament Iżraeljan, il-Knesset 

 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola indirizzat Sessjoni Plenarja Speċjali tal-Parlament Iżraeljan, il-Knesset. Fid-diskors tagħha, il-President Metsola qalet li l-Parlament Ewropew dejjem se jkun alleat b'saħħtu fit-tiftixa għall-paċi.

© Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew tindirizza lill-Parlament Iżraeljan, il-Knesset

Sur Speaker,
Sur Prim Ministru,
Onorevoli Membri,
Erev tov, shalom lekulam.

Huwa unur kbir għalija li nkun hawn magħkom f'Ġerusalemm. F'dan il-post ta' storja, ta' destin, ta' tama. Fil-Knesset, dan il-post ta' demokrazija, ta' libertà u ta' reżiljenza. 

Ninsab hawnhekk biex inwassal il-messaġġ tal-Ewropa, biex nissottolinja li r-rabtiet bejn il-popli tagħna huma profondi, u r-rabta li naqsmu hija waħda li nħolqot fl-orrur tal-istorja komuni tagħna. Rabta magħmula fit-tbatija u fis-salvazzjoni.  Rabta li s-saħħa tagħha tinsab fil-ftuħ, l-onestà u s-sinċerità tagħha – anke fil-kritika – iżda rabta li kienet u se tibqa' valida matul iż-żmien. 

Din hija l-ewwel żjara tiegħi – mhux se tkun tal-aħħar – u xtaqt niġi kmieni fil-mandat tiegħi biex nibgħat sinjal tar-rieda tagħna li nikkollaboraw. Biex nissottolinja l-impenn tal-Parlament li jkattar ir-rabtiet tagħna u biex nenfasizza li l-Unjoni Ewropea u Iżrael għandhom aktar affarijiet inkomuni minbarra l-istorja.

Illum nixtieq niffoka fuq il-futur. Fuq is-sħubija b'saħħitha li teżisti bejn l-Ewropa u Iżrael u kif nistgħu niżviluppawha aktar. Fuq it-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Knesset. Ninsab hawnhekk biex nitkellem dwar it-titjib tar-rabtiet fil-kultura, fix-xjenza, fil-kummerċ, fl-edukazzjoni, fl-arti, fir-riċerka u fit-teknoloġija. Dwar il-paċi. Dwar kif se niffaċċjaw il-futur flimkien. 

Jiena ottimista, iżda konxja tal-isfidi li taffrontaw. Tat-theddidiet – uħud eżistenzjali – li tiffaċċjaw; tad-diffikultajiet fl-appoġġ ta' demokrazija vibranti. Jiena ottimista għax naf li dawn l-isfidi jistgħu jingħelbu.

Għal ħafna barra minn Iżrael, huwa inkonċepibbli li għad hemm dubji dwar id-dritt għall-eżistenza ta' Iżrael. Ħalli nkun ċara: l-Ewropa dejjem se tappoġġa d-dritt ta' Iżrael li jeżisti. 

Kien John F. Kennedy li qal: "Iżrael ma nħoloqx sabiex jisparixxi – Iżrael se jibqa' jeżisti u jiffjorixxi. Huwa wild it-tama u dar il-qalbenin."

Rajt dan jiena stess meta lbieraħ iltqajt maż-żgħażagħ fl-università ta' Tel Aviv. Studenti minn sfondi differenti li jixtiequ jgħixu u jistudjaw, li jħarsu lejn l-Ewropa, li jaqsmu perspettiva u li jikkollaboraw mal-Ewropa. Iridu jemmnu li l-paċi hija possibbli.

Sinjuri, 

Il-paċi hija diffiċli – iżda fl-Ewropa nafu li l-paċi hija possibbli. Il-paċi bis-sigurtà. Il-paċi bil-libertà. Il-paċi bid-dinjità. Il-paċi bil-ġustizzja.

Ir-Rabbi Jonathan Sacks kiteb "Il-paċi hija paradoss, m'għandhiex il-purità u ċ-ċarezza tal-gwerra, fejn il-kwistjonijiet – id-difiża leġittima, l-unur nazzjonali, il-patrijottiżmu, il-kburija – mhumiex ambigwi u huma konvinċenti. Il-gwerra tqanqal l-aktar sens fundamentali ta' identità tagħna: hemm "aħna" u "huma", hemm għedewwa u ħbieb, u m'hemm l-ebda possibbiltà li nitfixkluhom. Meta l-għedewwa jieħdu b'idejn xulxin, min issa huwa "aħna" u min "huma"?"

Il-paċi mhijiex faċli. Trid tfisser li ngħixu bid-differenzi tagħna fir-rispett reċiproku li tirrikjedi l-koeżistenza. Trid tfisser ġustizzja. Trid tfisser ugwaljanza fl-opportunitajiet. Trid tfisser ġenituri li jistgħu jaraw futur għal uliedhom. 

L-Ewropa hija magħmula minn popli minn komunitajiet differenti b'kulturi, nazzjonijiet, twemmin u tradizzjonijiet differenti. Ir-rwol tal-Parlament tagħna huwa li jiżgura li kulħadd ikun inkluż fl-Ewropa tagħna – li ħadd ma jitħalla jibqa' lura. Jiena, bħal ħafna hawnhekk, nemmen fis-setgħa ta' demokrazija parlamentari u fid-diplomazija parlamentari li ġġib bidla pożittiva. 

Hija r-responsabbiltà tagħna li niżguraw li nedukaw u niġġieldu kontra n-narrattivi tossiċi. L-injoranza tippromwovi l-biża' u n-nuqqas ta' fiduċja. L-injoranza tippromwovi l-mibegħda. U l-edukazzjoni hija l-aħjar arma għall-ġlieda kontra l-preġudizzju, u għall-ġlieda kontra l-estremiżmu. 

Illum, kelli l-unur li nżur Yad Vashem. Tfakkira emozzjonali ta' ħajjiet mitlufa, ta' tfal maqtula sempliċiment minħabba li n-nanniet tagħhom kienu Lhud, iżda anke ta' memorji miżmuma għal dejjem. 

Huwa diffiċli ferm għalija li ngħid li llum qed naraw l-anti-Semitiżmu jiżdied. Nafu li dan huwa sinjal ta' twissija għall-umanità. U dan huwa importanti għalina lkoll.

Se nkun ċara ħafna: li tkun anti-Semitiku jfisser li tkun anti-Ewropew. U ta' kuljum għadna qed naraw attakki fuq il-Lhud, fuq is-sinagogi. Il-postijiet ta' paċi, ta' Alla, ta' qima, għadhom fil-mira. 

Il-Parlament Ewropew huwa impenjat li jkisser iċ-ċiklu. Li jiġġieled kontra l-anti-Semitiżmu. Li jiżgura li niftakru fid-devastazzjoni tal-istorja u li l-lezzjonijiet tal-passat ma jintesew qatt. Għandna d-dmir li niftakru, anke meta l-ilħna ta' dawk li salvaw ma jkunux jistgħu jinstemgħu aktar.

Il-Parlament Ewropew jifhem ir-responsabbiltà tiegħu li jagħmel dan. L-ewwel President mara tal-Parlament tagħna, Simone Veil – numru 7-8-6-5-1 – kienet superstiti tal-orrur u l-ħażen ta' Auschwitz u sawret Ewropa ġdida. U għalhekk l-impenn tagħna huwa personali daqskemm huwa istituzzjonali. U nimpenja ruħi magħkom li se nibqgħu sodi. 

Onorevoli kollegi,  

Il-messaġġ tiegħi llum huwa dwar it-tama. It-tama fil-paċi. It-tama fil-fejqan. It-tama fil-futur. It-tama fil-ġustizzja. It-tama fiċ-ċertezza tat-twemmin. It-twemmin fir-rieda tan-nies u fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni tagħna li tegħleb l-isfidi; li tindirizza l-isfidi li ma ġewx megħluba mill-ġenerazzjonijiet tal-passat.

Huwa dak is-sens ta' tama, dak il-piż tal-istorja, dak it-twemmin, li wasslu għar-rispons tal-Unjoni Ewropea għall-invażjoni tal-Ukrajna.

Putin reġa' ġab il-gwerra fl-Ewropa. Invażjoni ta' għajb kbir tal-Istat sovran u indipendenti tal-Ukrajna. Illum, il-pedamenti stess tal-ordni dinji bbażat fuq ir-regoli theżżu bil-kbir. 

Putin issa qed jhedded lid-dinja bl-armi nukleari. Irridu naġixxu flimkien biex nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nipprevjenu lir-Russja milli tuża, u lil atturi mhux demokratiċi oħra milli jakkwistaw, armi nukleari li jġibu biss aktar mewt u qerda irreparabbli. 

Il-gwerra fl-Ukrajna mhijiex waħda lokali jew reġjonali. L-impatt ta' dak li jiġri fl-Ukrajna jinħass ukoll f'Iżrael. Mill-bidu tal-gwerra, kważi 6 miljun Ukren kellhom jaħarbu minn pajjiżhom – madwar 27,000 Ukren sabu rifuġju hawnhekk f'Iżrael. Huma jsegwu l-passi ta' wieħed mill-persunaġġi kbar ta' 
Iżrael – Golda Meir – li twieldet 121 sena ilu dan ix-xahar f'Kiev. 

Ir-Russja qed thedded is-sigurtà tal-ikel tad-dinja, teqred l-għelieqi, timblokka r-rotot tat-trasport, tikkawża nuqqas artifiċjali ta' ikel. In-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel iġib miegħu instabbiltà, kaos u jġiegħel lin-nies jitilqu minn djarhom u pajjiżhom. Jista' jfixkel bilanċi sensittivi 'l bogħod mis-sors. U huwa għalhekk li l-komunità internazzjonali trid tibqa' soda u magħquda fl-iżgurar li s-sanzjonijiet fuq ir-Russja jkunu effettivi, u b'hekk ma tkun tista' tiġi sfruttata l-ebda lakuna.

Sinjuri, 

F'dawn l-aħħar xhur, kelli nitkellem dwar il-gwerra. Madankollu, kemm il-bażi kif ukoll l-objettiv aħħari tal-proġett Ewropew huma l-paċi. Il-paċi, id-demokrazija u l-libertà – objettivi ċentrali għall-futur tal-Ewropa, ta' Iżrael u ta' dan ir-reġjun. 

U ppermettuli nsostni: dawk li jipprietkaw il-vjolenza m'għandhomx it-tweġibiet. 

Il-vjolenza qatt ma kienet soluzzjoni. It-terroriżmu qatt mhuwa ġustifikat. M'hemm l-ebda skuża għat-terrur. In-nies jistħoqqilhom ikomplu jgħixu ħajjithom, jibagħtu lil uliedhom l-iskola, jimxu fit-triq mingħajr biża'. It-terrur ma kissirx u mhuwiex se jkisser dak l-ispirtu.

L-Ewropa tfisser it-tlaqqigħ tan-nies flimkien, id-difiża tal-prinċipji li wassluna mill-irmied tal-gwerra u l-Olokawst għall-paċi u l-prosperità. 

Il-Parlament Ewropew jappoġġa bis-sħiħ il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani. Aħna nappoġġaw soluzzjoni ta' żewġ stati - bl-Istat ta' Iżrael sigur u bi Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà. 

Naf li hemm min ma jaqbilx. U naf li kien hemm ħafna drabi li dan il-proċess beda mingħajr suċċess. 
Naf li mhux kulħadd iqis il-paċi bħala għan. U naf kemm huwa diffiċli li tgħid lil omm li t-tarbija tagħha tkun inqatlet li l-paċi hija t-tweġiba. U hemm wisq ommijiet bħal dawn. Iżżejjed.
Iżda l-paċi hija l-unika triq 'il quddiem. L-uniku mod biex l-Iżraeljani u l-Palestinjani jgħixu fis-sikurezza u l-prosperità. 

Il-progress huwa possibbli. Il-Ftehimiet ta' Abram ftit taż-żmien ilu biss setgħu jidhru inkonċepibbli , iżda wrew li l-istorja mhux dejjem trid tirrepeti ruħha. U li ċ-ċiklu jista' tabilħaqq jinkiser. 

Ippermettuli ntemm billi nissottolinja li l-Parlament Ewropew dejjem se jkun alleat b'saħħtu fit-tiftixa għal triq 'il quddiem, fit-tiftixa għall-paċi, u r-riżorsi kollha għad-dispożizzjoni tagħna se jkunu disponibbli għal dak il-għan. 

L-istorja tan-nazzjon il-kbir tagħkom hija waħda ta' tama, ta' perseveranza, ta' fidi u fejn l-avversità tingħeleb. Dan huwa l-mument li Iżrael jista' jmexxi d-dinja mhux biss biex tfittex iżda anke biex issib dik il-paċi tant diffiċli biex tinkiseb.

Jekk tgħallimt ħaġa waħda, hija li kif tgħix il-ġenerazzjoni li jmiss u dak li titgħallem għadu mhuwiex deċiż. Li l-futur mhuwiex miktub. 

Ben Gurion tkellem dwar l-idealiżmu kroniku tal-poplu Lhudi. Karatteristika li nagħraf madwar din is-sala importanti f'din il-belt sagra. Illum, id-dinja teħtieġ doża ta' dak l-idealiżmu.

Flimkien nistgħu niksbu l-impossibbli. L-istorja tal-Ewropa, ir-reżistenza ta' Iżrael, huma preċiżament prova ta' dan. 

Grazzi.