Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ġiet mistiedna tindirizza lill-Membri tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna. Fid-diskors tagħha, hija tkellmet dwar l-appoġġ tal-Parlament Ewropew għall-Ukrajna, b'inizjattivi konkreti. Hija wiegħdet ukoll lill-poplu tal-Ukrajna li jista' jorbot fuq il-Parlament Ewropew.
© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola
Għeżież ħbieb,
Jekk huwa diffiċli li wieħed jara x-xeni dwar l-Ukrajna fuq it-TV, nista' nimmaġina biss kemm hija diffiċli għalikom il-ħajja ta' kuljum.
Traġikament, issa għaddew erba' ġimgħat minn meta l-gwerra rritornat fl-Ewropa u l-bumbardamenti ta' Putin qed ikomplu jeqirdu l-ħajjiet u l-aspirazzjonijiet.
Irridu nkunu ċari: Dak li qed jiġri f'Mariupol u madwar l-Ukrajna huma delitti tal-gwerra. Dawk responsabbli – dawk kollha responsabbli – ikollhom iħallsu ta' għemilhom. Il-Qorti Kriminali Internazzjonali tagħna għandu jkollha l-appoġġ li għandha bżonn biex twettaq ir-rwol tagħha.
Nixtieq ngħidilkom li l-kuraġġ tagħkom, ir-reżiljenza tagħkom, il-ġlieda tagħkom mhux biss offrew reżistenza kontra l-Kremlin, iżda ispiraw lid-dinja.
L-invażjoni Russa tal-Ukrajna hija parti mill-aġenda ta' destabbilizzazzjoni tal-Kremlin. Hija triq li se twassal lil Putin f'konfront dirett mal-Ewropa u mal-ordni dinji bbażat fuq ir-regoli. Hija triq li mhux se nħalluh jgħaddi minnha mingħajr ma nisfidawh.
Nixtieq li tkunu tafu li l-Ewropa hija magħquda magħkom u mal-poplu li tirrappreżentaw.
Il-poplu Ukren qed juri lid-dinja, xi jfisser li tkun qalbieni, xi jfisser li jkollok il-kuraġġ tal-konvinzjonijiet tiegħek, xi jfisser li tieqaf lill-awtokrazija. Qed turu lid-dinja li l-ebda ammont ta' aggressjoni jew terrur ma jista' jintimida. Intom prova li meta temmen fir-rieda tal-poplu u fid-demokrazija, allura l-ebda tank ma jista' jkissrek.
L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi l-perspettiva Ewropea tal-Ukrajna u l-aspirazzjoni tagħkom li tkunu pajjiż kandidat għall-adeżjoni. Tistgħu torbtu fuq l-appoġġ tal-Parlament Ewropew f'dan il-proċess.
Id-dikjarazzjonijiet tagħna ssarrfu f'azzjonijiet.
L-Unjoni Ewropea wriet solidarjetà prattika lill-Ukrajna b'pakkett ta' EUR 1.2 biljun f'assistenza makrofinanzjarja.
Qed nipprovdu wkoll EUR 500 miljun għax-xiri u l-kunsinna ta' armi, tagħmir u għajnuna lill-Ukrajna li qed tiġi attakkata – u nistenna li dan dalwaqt se jirdoppja.
Kważi 3.6 miljun persuna ġew imġiegħla jitilqu mill-Ukrajna, u l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi madwar id-dinja qed jagħtu appoġġ. Il-ġenerożità murija miċ-ċittadini Ewropej biex jilqgħu l-kompatrijotti tagħkom hija xhieda tal-fatt li huma n-nies ordinarji li qed jiftħu djarhom u qalbhom. Għax aħna nifhmu.
Kontra r-Russja, implimentajna sensiela ta' sanzjonijiet massivi, bla preċedent u severi. Qed nipparalizzaw l-ekonomija tar-Russja li qed terġa' tgħaddi minn skarsezzi li jfakkruna fl-imgħoddi. Din il-gwerra mhux ġustifikata trid tkun id-deċiżjoni ta' Putin li l-aktar se tiswielu.
Iċ-ċittadini Ewropej, l-organizzazzjonijiet, in-negozji, u d-dinja tal-isport ħadu pożizzjoni ċara kontra l-azzjonijiet tar-Russja. Nafu li b'dawn il-miżuri kollha, is-settur tan-negozju tar-Russja qed ibati.
Itterminajna l-proġett Nordstream 2.
Ħadna azzjoni biex lir-Russja naqtgħuha mis-sistema SWIFT.
Għamilna projbizzjoni fuq l-għodod ta' propaganda tal-Kremlin u nittamaw li nagħmlu aktar biex nappoġġjaw il-vuċi solida tan-nies Russi li, b'periklu għal ħajjithom, jopponu l-gwerra mmexxija minn Putin. U aħna qegħdin attenti wkoll għas-sitwazzjoni fil-pajjiżi ġirien: il-Moldova, il-Belarussja u l-Georgia.
F'dan kollu, tistgħu torbtu fuqna.
Il-Parlament Ewropew jappoġġja wkoll lir-Rada fil-protezzjoni tad-demokrazija Parlamentari. Anke f'termini prattiċi.
Flimkien qed niżviluppaw spazju web bilingwi PE-RADA biex nagħtu preżenza online lill-vuċi demokratika tal-Ukrajna. Bl-għajnuna tagħkom, dan il-portal web jikkondividi kontenut sabiex id-dinja tkun tista' tisma' leħenkom.
Ħloqna ċ-Ċentru tas-Soċjetà Ċivili tal-Ukrajna fil-bini tagħna fil-qalba ta' Brussell. U ovvjament ħsibna għal prattikalitajiet bħal pereżempju tagħmir tal-IT biex mingħajr dubju tkun tista' ssir il-ħidma u jitwasslu d-diskorsi.
Ilħaqna wkoll 160 Parlament fil-kontinenti kollha biex nappoġġjaw id-demokrazija tagħkom.
L-Ewropa tirrapreżenta stil ta' ħajja li jħaddan il-libertà u d-demokrazija.
U m'hemm l-ebda dubju, li din l-Ewropa tappartjeni għalikom ukoll.
Slava Ukraini.
Tista' taqra d-diskors tal-President bl-Ukren hawnhekk.