Il-President Metsola lill-Kunsill Ewropew: nerġgħu nibnu fiduċja, mmexxu l-Unjoni 'l quddiem 

 

Hi u indirizza l-Kunsill Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ffukat fuq it-triq 'il quddiem għall-UE fil-kompetittività, l-enerġija, il-ġlieda kontra l-inflazzjoni u l-għajnuna lill-Ukrajna.

Kienet ġimgħa diffiċli fi Brussell. Ippermettuli ngħid li l-informazzjoni li rċevejna mill-awtoritajiet Belġjani tindika li hemm suspetti serji ta' persuni li għandhom rabta ma' gvernijiet awtokratiċi, li qed jeżerċitaw influwenza b'mod li nissuspettaw huwa maħsub li jdgħajfu l-proċessi tagħna.

Ħdimna f'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet Belġjani li ninsab grata ħafna lejhom. L-intenzjoni kienet li jimminaw il-proċessi tagħna. Dan ma tħalliex iseħħ. Il-persuni suspettati ġew arrestati, interrogati u akkużati – kif għandu jkun. 

Iżda rrid ngħid ukoll li filwaqt li dejjem nistgħu nsibu modi kif inżidu d-deterrenti u t-trasparenza – u jien se mmexxi proċess ta' riforma qawwija – dejjem se jkun hemm xi wħud li għal kemxa flus lesti jieħdu r-riskju. Huwa essenzjali li dawn in-nies jifhmu li llum jew għada se jinqabdu. Li se jkun hemm konsegwenzi. Li s-servizzi tagħna jaħdmu u li se jiffaċċjaw il-konsegwenxi kollha li l-liġi tippermetti. 

Dak huwa l-istat tad-dritt. Hekk nirreaġixxu aħna u hekk nerġgħu nibnu l-fiduċja. 

Il-fiduċja, kif nafu, tieħu s-snin biex tinbena iżda tintilef f'ħakka t'għajn. U hija din il-kwistjoni ta' fiduċja li ġġibni lura għad-dibattitu dwar l-adeżjoni tar-Rumanija u l-Bulgarija ma' Schengen. 

Kien diżappuntanti ħafna li l-ġimgħa li għaddiet il-Kunsill reġa' kisser it-tama ta' miljuni ta' Ewropej billi għażel li jdewwem, għal darb'oħra, l-adeżjoni ta' dawn iż-żewġ pajjiżi. 

Ħlief għat-tneħħija tal-fruntieri interni, ir-Rumanija u l-Bulgarija huma obbligati jimplimentaw bis-sħiħ l-acquis ta' Schengen. Bħal Stati Membri oħra ta' Schengen, huma jerfgħu responsabbiltà sħiħa għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-fruntieri esterni taż-żona Schengen mingħajr ma jgawdu l-benefiċċji tagħha. 

Il-Bulgarija u r-Rumanija għaddew b'suċċess mill-proċessi ta' evalwazzjoni ta' Schengen rispettivi tagħhom tal-2011. Dan seħħ aktar minn 11-il sena ilu.

Huwa żmien twil wisq. Hemm momentum storiku biex nirranġaw l-affarijiet – jekk dan nagħmluh issa. 

Klaus Iohannis darba tkellem dwar il-fruntieri li nibnu f'moħħ in-nies li jieħdu ħafna aktar żmien biex jiżżarmaw. U kellu raġun. Aħna Unjoni li storikament kburija li waqqgħet il-ħitan u għaqqdet in-nies. Dan nistgħu nerġgħu nagħmluh, jekk ikollna l-kuraġġ nieħdu deċiżjonijiet politiċi li jkunu t-timbru tal-ġenerazzjoni tagħna fil-proċess ta' bini tal-Ewropa.

Nistgħu nagħmlu differenza fi żminijiet li qed isiru aktar diffiċli. Il-poplu Ukren iffaċċja kważi 300 jum ta' gwerra, filwaqt li l-inflazzjoni qed tiżdied, il-prezzijiet tal-enerġija huma instabbli, l-industriji jinsabu f'diffikultà u l-kontijiet tad-djar qed jogħlew dejjem aktar. 

Biex nindirizzaw il-konsegwenzi soċjoekonomiċi, jeħtieġ li nerġgħu lura għat-tkabbir u niffukaw fuq il-kompetittività tal-Ewropa u r-rwol tagħna bħala attur globali. 

Dan huwa minnu għar-relazzjoni trans-Atlantika tagħna. L-"Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni" tal-Istati Uniti huwa, minn naħa waħda, sforz biex jirrikonċilja t-tranżizzjoni tal-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija u, min-naħa l-oħra, huwa sinjal ta' protezzjoniżmu dejjem jikber. Dan jiddiskrimina b'mod miftuħ kontra l-vetturi elettriċi prodotti fl-UE u jikkomplika l-kooperazzjoni trans-Atlantika rigward il-minerali kritiċi u l-produzzjoni tal-batteriji.

It-tama tiegħi hija li t-tilwim kummerċjali jista' jiġi evitat u li dan l-att protezzjonista tal-Istati Uniti minflok jipprovdi pjattaforma biex tiżdied it-tmexxija tal-Istati Uniti u l-UE fl-azzjoni klimatika, fis-sigurtà tal-enerġija u għal kooperazzjoni dwar id-definizzjoni ta' standards komuni. Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandha ssir flimkien u mhux għad-detriment tal-bażi industrijali ta' xulxin.  

L-UE għandha tipprova tikseb vantaġġ kompetittiv globalment billi żżomm mal-valuri demokratiċi tagħha u ssegwi l-aġenda tagħha dwar il-klima. Għandna nkomplu ninsistu fuq il-fatt li l-mod tagħna jista' jaħdem.

Is-sinjali pożittivi li ħarġu mit-tielet laqgħa ministerjali tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jqawwuli qalbi. Irnexxielna nagħmlu progress. Jeħtieġ li naraw li kemm jista' jkun id-dispożizzjonijiet diskriminatorji jiġu indirizzati. 

U dan japplika, pereżempju, għall-vetturi elettriċi. Issa jeħtieġ li nżommu l-momentum. Għalhekk twaqqfet it-task force ta' livell għoli dwar l-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni. M'għandniex ħafna ħin. 

Qed nitolbu trattament ekwu, xejn aktar. L-UE tissussidja wkoll il-produtturi tal-karozzi elettriċi, iżda mingħajr diskriminazzjoni. Nistennew l-istess mill-Istati Uniti.

L-UE għandha tevita li taqbad it-triq tan-niżla biex tirbaħ it-tellieqa tal-protezzjoniżmu. 

Irridu nħaffu l-investiment pubbliku fl-Ewropa, biex inservu ta' pont għal soluzzjonijiet Ewropej konkreti fuq terminu medju. Iżda jeħtieġ li jkollna kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku u globalment. Il-Patt Ekoloġiku tagħna jrid ikun strateġija ta' tkabbir. 

It-tkabbir se jiġi wkoll mir-riforma tas-suq tal-enerġija tagħna. Jeħtieġ li nagħmluh validu għall-futur. U dan irridu nagħmluh flimkien. Jeħtieġ li nirnexxu, inkella se nkomplu nikkompetu ma' xulxin. 

Se nkomplu nappoġġaw miżuri li jiffaċilitaw il-mili tal-ħażniet tal-gass għax-xitwa li jmiss. Se nkomplu nappoġġaw ix-xiri konġunt ta' provvisti. U jeħtiġilna niddiversifikaw is-sorsi tal-enerġija tagħna. 

Jeħtiġilna nistabbilixxu qafas regolatorju robust għall-futur. Ir-reviżjoni li għaddejja bħalissa tar-Regolament tal-UE dwar il-Gass ġa se tallinja r-regoli tagħna mad-domanda kummerċjali u mat-trażmissjoni tal-idroġenu ekoloġiku. Ir-reviżjoni tas-suq tal-elettriku tagħna hija mistennija għall-bidu tas-sena d-dieħla. U nista' ngħidilkom li l-Parlament jinsab lest li jipprovdi kontribut biex jgħinna nibnu r-reżiljenza tal-enerġija tagħna flimkien.

Il-Parlament huwa, u se jibqa', sieħeb fid-diskussjonijiet. Il-pjan RePowerEU, li ġie ppreżentat f'Mejju, qed isir realtà. Propju lbieraħ intlaħaq ftehim kif imwiegħed, qabel il-Milied.  Nistgħu naġixxu malajr meta jkun meħtieġ, u dan urejnieh. 

Aktar ma ddum għaddejja l-kriżi tal-enerġija, inqas ikun ġustifikat l-użu tal-Artikolu 122 bħala bażi legali għall-azzjoni. 

Il-parti l-kbira tal-proposti tal-Kummissjoni għandhom impatt sistemiku – li huwa dak li neħtieġu – iżda l-Parlament għandu jkun involut. 

Bħal pereżempju d-diskussjonijiet dwar il-limitu massimu tal-prezzijiet – dawn ilhom għaddejjin xhur sħaħ u l-Parlament seta' jagħti kontribut enormi. Jeħtieġ li naħdmu flimkien. 

It-tkabbir tal-PDG taż-żona tal-euro naqas f'dan l-aħħar trimestru. Dan mistenni jkompli jonqos. U jidher li x'aktarx ikun hemm tnaqqis tal-produzzjoni fuq terminu qasir. L-2023 se tkun sena diffiċli. Iżda l-pedamenti ekonomiċi tagħna huma b'saħħithom u din is-sena morna ħafna aħjar milli kien mistenni. 

Kollettivament, jeħtiġilna noqogħdu lura minn politiki fiskali li jalimentaw l-inflazzjoni u li jolqtu l-aktar lil min hu vulnerabbli. Dan ma jfissirx li m'hemmx lok għal aktar flessibbiltà f'xi oqsma, iżda din trid tkun ekwilibrata. 

Jeħtieġ li nerġgħu neżaminaw il-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE. Qafas xieraq u kredibbli huwa neċessarju għal politiki fiskali sostenibbli. Jiena kuntenta li l-Kummissjoni qed tniedi dibattitu mal-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew dwar dan.

Iżda rridu naġixxu malajr. Kollox għandu jitlesta fl-2023.

U fl-2023 jeħtieġ li nappoġġaw lill-Ukrajna saħansitra aktar minn qabel. Il-pajjiż se jerġa' jkollu bżonn l-appoġġ politiku, umanitarju, militari, tal-enerġija u finanzjarju tagħna. 

Ma nistgħux inħallu l-għeja tagħmel tagħha – dan huwa dak li qed tittama r-Russja. Trid teżawrixxi s-sistemi tagħna u l-paċenzja tagħna. Jeħtiġilna nuru l-istess reżiljenza li tlabna lill-Ukreni. 

Jeħtieġ li niffinalizzaw iċ-ċiklu ta' sanzjonijiet li jmiss u niżguraw li l-lakuni li għadhom jeżistu jingħalqu. 

Ilbieraħ, tajna l-Premju Sakharov tagħna lill-poplu tal-Ukrajna – li kien irrappreżentat mill-President Zelenskyy. Kliemu kkonvinċiena – mhux għax kellna bżonn aktar prova – dwar id-determinazzjoni u l-qlubija tal-Ukrajna. U jien faħħart il-progress li qed tagħmel l-Ukrajna fl-implimentazzjoni tas-seba' rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea għall-applikazzjoni ta' pajjiżkom għas-sħubija mal-Unjoni Ewropea. 

Nistgħu, u se nkomplu, nappoġġaw lill-poplu tal-Ukrajna.

Fl-aħħar nett, nixtieq nirringrazzjak, Petr, għall-presidenza Ċeka, talli mexxejtna f'dawn l-aħħar xhur u għalaqt lista twila ta' fajls diffiċli, matul żmien diffiċli. 

Nilqa' bil-qalb il-Presidenza Żvediża li jmiss u nistenna bil-ħerqa li naħdem miegħek, għażiż Ulf.

Għad fadal ħafna xogħol x'isir. 

U kull darba li niltaqgħu, dan ix-xogħol qisu jiżdied dejjem aktar. Iżda ninsab konvinta li, flimkien kapaċi negħlbu d-differenzi tagħna u mmexxu l-Unjoni Ewropea 'l quddiem.

Grazzi. 

You may find here the transcriptions of her speech per language: