Il-President Metsola fl-Università ta’ Humboldt: il-paċi, il-ġustizzja, il-libertà u d-dinjità umana jiddistingwuna bħala Ewropej 

 

"Jeħtieġ li jsir ħafna aktar sforz biex il-valuri tal-paċi, il-ġustizzja, il-libertà u d-dinjità umana jiġu trasformati f'benefiċċji konkreti għall-poplu tagħna", qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola f'diskors ewlieni fl-Università Humboldt f'Berlin, il-Ġermanja.

Sinjuri, il-waranofsinhar it-tajjeb.

Grazzi ħafna talli stedintuni.

Kont ippreparajt diskors għal din l-okkażjoni, li ktibtu mill-ġdid kemm-il darba, u mbagħad erġajt ktibtu. Dan ridt nagħmlu għax is-sitwazzjoni ġeopolitika globali u r-rwol tal-Ewropa fiha saru ħafna aktar ikkumplikati milli kienu anki ġimagħtejn ilu biss. 

Fl-ewwel diskors tiegħi bħala President tal-Parlament Ewropew, ikkwotajt lil Churchill biex inwiegħed li l-istituzzjoni tagħna qatt mhi se tkun newtrali bejn in-nar u l-korp tat-tifi tan-nar. U huwa minnu li, spiss wisq, qisu jvampa nar ġdid li jikkomprometti dak kollu li ħdimna biex niksbu f’termini ta’ stabbiltà globali. 

Irrid li l-Ewropa tibqa’ tiġġieled dawk in-nirien. Irrid li l-Ewropa jkollha l-għodod li teħtieġ għal dak ir-rwol li se jgħin biex iqarreb lid-dinja ftit aktar lejn kif suppost tkun. Naf li l-Ewropa tista’ tkun ir-risposta. Iżda naf ukoll li jeħtiġilna nagħmlu aktar biex nikkonvinċukom – pubbliku aktar żagħżugħ u aktar xettiku – bil-valur reali tal-Ewropa, li tista’ ssawwar mhux biss ħajjitna, iżda anki l-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Fl-opinjoni tiegħi, dejjem ikun aħjar jekk id-diskors ikun ċar. Għalhekk, ippermettuli nkun diretta.

Ninsabu f’punt ta’ inflessjoni. Punt ta’ deċiżjoni – li se jiddetermina t-triq li nieħdu. M’hemmx soluzzjonijiet faċli, ħafna drabi jkun hemm deċiżjonijiet li joffru biss eżiti ħżiena u agħar minnhom, iżda huma deċiżjonijiet li jeħtiġilna nieħdu, li se nkomplu neħduhom. Huwa f’dawn is-sitwazzjonijiet li tridu tiftakru ma titilfux raskom anki meta dawk kollha madwarkom ikunu qed jitilfu rashom u jwaħħlu fikom, jew meta nies oħra deliberatament jgħawġu dak li tkunu għedtu. Din hija r-responsabbiltà li ġġib magħha l-elezzjoni f’kariga pubblika. Hija responsabbiltà li lkoll kemm aħna nerfgħu fuq spallejna. 

Ninsabu hawn illum taħt l-aktar dell skur mixħut mill-attakki terroristiċi brutali tal-Ħamas kontra Iżrael, mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna, mis-sitwazzjoni fl-Armenja u fl-Ażerbajġan li hija preokkupanti għar-reġjun, mill-kriżi umanitarja f’Gaża, mill-Iran li qed jilgħab man-nar f’kull rokna tal-Lvant Nofsani hekk kif jipprova jimponi teokrazija ħarxa fuq it-tfajliet tiegħu li b’kuraġġ qed jipprotestaw, u mis-sitwazzjoni ta’ instabbiltà fil-Lvant Nofsani.
Biex ma nsemmux liċ-Ċina jew lill-Indja li qed isiru forzi ġodda. Lill-Afrika, li spiss wisq nitkellmu dwarha u rarament nitkellmu magħha. Lill-Amerka Latina, li hija ta’ importanza fundamentali. Sħubija trans-Atlantika li għandha rabta storika u indistruttibbli iżda li teħtieġ impetu ġdid. 

Dawn huma biss il-kwistjonijiet marbuta mal-affarijiet barranin. Qed inħabbtu wiċċna wkoll ma’ sfidi enormi fl-Ewropa: nies li qed isibuha aktar diffiċli jħallsu l-kontijiet tagħhom fl-aħħar tax-xahar; it-theddid għad-demokraziji liberali tagħna u l-ħtieġa li jinħolqu impjiegi ġodda, li jiġu indirizzati l-isfidi tal-klima u li tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Mistoqsijiet dwar kif għandna ntejbu s-soċjetajiet tagħna, kif nindirizzaw il-kwistjonijiet interġenerazzjonali tas-soċjetà u niżguraw opportunitajiet indaqs. 

L-Ewropa jeħtiġilha tindirizza dawn il-kwistjonijiet. L-Ewropa hekk għamlet fil-passat u hekk trid tibqa’ tagħmel fil-futur.

Ippermettuli ngħid kelmtejn dwar l-attakk fuq Iżrael u s-sitwazzjoni f’Gaża u r-reġjun tal-madwar.
Ir-realtà fuq il-post hija orribbli, hija traġika u ta’ disprament. Rajtha b’għajnejja stess ġimgħa ilu f’Iżrael, meta żort il-postijiet fejn saru l-atroċitajiet u ltqajt ma’ min irnexxielu jibqa’ ħaj u li issa qiegħed iħoss niket kbir. Hemmhekk, esprimejt is-solidarjetà tal-Ewropa, għamilt appell biex l-ostaġġi jinħelsu u tennejt ir-rifjut tagħna tat-terroriżmu. Sħaqt li l-mod kif Iżrael jirreaġixxi u jwaqqaf lill-Ħamas huwa importanti ferm, u li jeħtiġilna naħdmu flimkien biex intaffu l-konsegwenzi umanitarji għall-persuni innoċenti f’Gaża. Huwa għalkollox korrett li wieħed jieqaf ma’ nazzjon li ġarrab l-agħar attakk fuq il-popolazzjoni ċivili tiegħu mill-Olokawst ’l hawn. Jiena kburija li għamilna hekk. 

Wisq komunitajiet Lhud fl-Ewropa jħossuhom mitlufin, imwerwrin u mhedda. Qed iħossu li s-sinagogi qed isiru bersalji. L-ommijiet qed jibżgħu jibagħtu t-tfal tagħhom l-iskola. Din mhijiex l-Ewropa li rridu naraw. 

L-Ewropa hija kontra l-mibegħda. Aħna kontra t-terroriżmu. Għax it-terroriżmu għandu jiġi kkundannat u daqshekk. Ebda skuża jew ġustifikazzjoni mhi qatt se tikkonvinċini li t-trabi, it-tfal, in-nisa u l-irġiel għandhom jiġu massakrati, stuprati, mutilati u maħtufa bla ħniena. U dan għandna ngħiduh. 

Kif qal l-awtur Frank Herbert: “L-atroċità m’għandha ebda skuża, ebda attenwanti. L-atroċità qatt ma tpaċi jew issewwi l-passat. L-atroċità sempliċement twassal għal aktar atroċitajiet fil-futur.” 
Huwa wkoll għalkollox korrett li nsemmgħu t-tħassib u d-disperazzjoni tagħna dwar il-kriżi li qed tiżvolġi f’Gaża, li wasslet biex wisq persuni innoċenti tilfu ħajjithom, wisq tfal saru orfni, wisq ommijiet imbikkma. M’hemm ebda kontradizzjoni fil-fatt li nopponu bil-qawwa t-terroriżmu u li nagħmlu dak kollu possibbli biex intaffu l-kriżijiet umanitarji. Huwa għalhekk li ninsistu fuq ir-rispett tad-dritt internazzjonali. Huwa għalhekk li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nipproteġu l-ħajja tan-nies innoċenti. Huwa għalhekk li nirsistu biex l-ostaġġi jinħelsu. Huwa għalhekk li nisħqu li l-Ħamas irid jitwaqqaf. 

Nirrikonoxxu li l-Ħamas huwa organizzazzjoni terroristika. Ma jirrappreżentax l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Palestinjan, anzi jfixkilhom. Huwa għalhekk li, il-ġimgħa li għaddiet, il-Parlament appella wkoll għal tregwa umanitarja biex jiġi żgurat li l-għajnuna tant meħtieġa tasal għand in-nies fil-bżonn. U jiena kburija li għamilna hekk.

L-Ewropa tinsab ukoll lesta timpenja ruħha fit-tul, u disposta timpenja ruħha fit-tul. Esperjenza dwar kif negħlbu kwistjonijiet li jidhru insormontabbli għandna mhux ħażin. M’hemmx post aħjar minn Berlin biex intennu dan il-punt. Aħna dejjem se nistinkaw għal paċi sostenibbli u dejjiema. Għal soluzzjoni ta’ żewġ stati li tkun ekwa u ġusta. 

Sfortunatament, ir-realtà hi li l-azzjonijiet vili tat-terroristi tal-Ħamas wasslu biex biegħdu aktar din il-prospettiva b’ħafna snin, forsi saħansitra b’deċennji. Kull jum li jgħaddi li fih il-Ħamas ikun għad għandu 200 ostaġġ huwa jum ieħor aktar ’il bogħod minn stabbiltà dejjiema.
Bħala Unjoni, għandna r-responsabbiltà nibqgħu koerenti u magħquda biex niżguraw li atti bħal dawn ma jkunux skużati. Dan ma jfissirx li se nittolleraw aktar mewt u vjolenza. Iżda jfisser li nipprovdu mqar xaqq ta’ tama biex tinstab il-paċi. Il-Ħamas ma joffri ebda tama għall-paċi. Joffri ċarċir ta’ demm. U nxtered wisq demm. 

L-Ewropa minn dejjem kienet fuq in-naħa tal-umanità. Dan huwa r-rwol tagħna u jeħtieġ li nkunu kapaċi naġixxu f’din is-sitwazzjoni.

Jien nagħmel parti mill-ġenerazzjoni ta’ tfal li kienu bilqiegħda fuq ħoġor ommhom u missierhom hekk kif waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin. Li segwew dak li ġara fi Pjazza Tiananmen fuq skrins tat-televiżjoni żgħar u kollha ross. Li jiftakru l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika u l-ferħ sfrenat ta’ miljuni ta’ Ewropej li sa fl-aħħar kienu ħielsa li jieħdu rajhom f’idejhom. Li ġabret il-frott tar-rebħa tad-demokrazija liberali f’dinja ġdida. Iżda, maż-żmien, forsi għalaqna għajnejna wisq, forsi ma qgħadniex biżżejjed għassa tal-fatt li din il-ħajja, l-istil ta’ ħajja tagħna, kienu se jibqgħu hekk għal dejjem. 

Is-sena li għaddiet fhimna, bl-aktar modi brutali, kemm fil-verità dan kien traġikament minnu, meta r-Russja wettqet invażjoni militari illegali, mhux provokata u inġustifikata fl-Ukrajna. Nixtieq nemmen li tgħallimna mill-iżbalji tagħna. 

Li f’dan il-mument kruċjali ta’ tnedija mill-ġdid, riforma u tiswir mill-ġdid tal-Ewropa, il-valuri tal-paċi, tal-ġustizzja, tal-libertà u tad-dinjità tal-bniedem jibqgħu jiffurmaw is-sisien sodi ta’ dak kollu li bnejna u ta’ dak kollu li se nkomplu nagħmlu. Dan hu li jiddistingwina bħala Ewropej.

Ix-xenarju ġeopolitiku qed jinbidel. Il-karrijiet armati ta’ Putin jattakkaw l-Ukrajna, Stat indipendenti u sovran; Lukashenko jippersegwita, jitfa’ l-ħabs u jittortura lin-nies minħabba l-konvinzjonijiet demokratiċi tagħhom.

Il-mistoqsija li għandna bżonn nistaqsu lilna nfusna hija: “x’inhu r-rwol tagħna f’dan kollu?” Id-dinja ma tistax tistagħna f’ambjent ta’ żbilanċi. Jeħtiġilna nsaħħu r-rwol tagħna fid-dinja billi nkunu aktar b’saħħitna u aktar magħquda fix-xena globali. Biex nagħmlu dan, jeħtieġ li naħdmu biex nibnu alleanzi demokratiċi globali ta’ sħab u ħbieb fdati.

Dan jinvolvi impenn kontinwu li nieqfu b’mod sod mal-Ukrajna. Peress li s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani qed tiddomina l-aħbarijiet, Putin qed jistenna li l-appoġġ politiku, umanitarju u militari tagħna jmajna. Ma nistgħux inħallu l-għeja tidħol. Din il-kwistjoni tikkonċerna s-sigurtà tagħna daqs kemm tikkonċerna s-sigurtà tal-Ukrajna.

Jeħtieġ li nsaħħu r-relazzjonijiet tagħna ma’ atturi tal-istess fehma. Mal-Istati Uniti, mar-Renju Unit u mal-Kanada f’dawk li huma sigurtà, il-qasam diġitali, il-klima u l-kummerċ. Mal-Indja, hekk kif l-ekonomija tagħha tkompli tikber biex tlaħħaq mal-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ tagħha. Mad-demokraziji fl-Amerka Latina biex niggarantixxu ktajjen tal-provvista globali u li jistgħu jipprovdu l-materjali kritiċi li d-dinja teħtieġ. Jeħtiġilna niddjalogaw mal-pajjiżi Afrikani fuq l-istess livell u mhux inkellmuhom u daqshekk. Mhux biss dwar il-migrazzjoni, iżda anki dwar l-investimenti li nistgħu nagħmlu biex nappoġġaw u nħeġġu l-prosperità tagħhom. 

Fl-istess ħin, jeħtieġ ukoll li naraw x’inhi tagħmel iċ-Ċina. L-istrateġija ta’ tneħħija tar-riskji u ta’ diżakkoppjament hija tajba. Jeħtiġilna nużaw dan il-mument biex naraw fejn mhux qed niġu ttrattati b’mod ġust u nsibu modi xierqa biex dan nindirizzawh. Għax fl-Ewropa nagħmlu l-affarijiet b’mod differenti. Huwa għalhekk li qed nadottaw liġijiet dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew u adottajna Sistema riveduta għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, Mekkaniżmu ġdid ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri, ikkomplementat minn Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli u Fond Soċjali għall-Klima.

U hekk kif nippruvaw insibu sħab ġodda biex naħdmu u nagħmlu n-negozju magħhom, jibqa’ kruċjali li nirreżistu t-tentazzjoni li ngħaddu minn sieħeb inaffidabbli għal ieħor.

Dan iwassalni għas-suġġett li jmiss: ir-riforma. L-aħħar ftit snin kienu diffiċli għall-Ewropa u għad-dinja. Qed ngħixu f’epoka tal-hekk imsejħa polikriżijiet. Issa, biex inkun ċara, jiena kburija bil-mod kif konna kapaċi nirreaġixxu u niksbu r-riżultati. Għelibna kriżi finanzjarja, pandemija. Għaddejna mill-Brexit u sibna modi ġodda biex nibqgħu mixjin ’il quddiem. Iddefendejna l-valuri tagħna u bqajna nżommu sod quddiem it-theddid ġeopolitiku. Dan kollu waqt li żgurajna li l-ekonomiji tagħna jibqgħu validi fil-futur, indirizzajna t-tibdil fil-klima u adottajna liġijiet diġitali rivoluzzjonarji li l-bqija tad-dinja inevitabbilment se ssegwi.

L-Unjoni Ewropea affrontat dawn l-isfidi b’determinazzjoni. Ma firduniex, anzi għaqqduna. Minflok dgħajfuna, saħħewna. Ir-reazzjoni tagħna sawritna u qiegħdet il-pedamenti għas-snin li ġejjin.
Iżda rridu wkoll inkunu onesti magħna nfusna dwar il-limitazzjonijiet tal-istrutturi attwali tagħna. Mill-konverżazzjonijiet tiegħi ma’ ċittadini Ewropej, mid-diskussjonijiet tiegħi ma’ żgħażagħ bħalkom, irrealizzajt li għad hemm distakk bejn dak li jistennew in-nies u dak li l-Unjoni Ewropea kapaċi toffri bħalissa. 

Biex nikbru, biex nibqgħu forza u influwenza kbira, biex ma nistaġnawx, ma nistgħux nibżgħu nkunu minn tal-ewwel fid-dibattitu favur il-bidla, nirriformaw u nadattaw għal din id-dinja dejjem tinbidel u dejjem aktar ġeopolitika. 

Dan jimplika li għandna nwittu t-triq għat-tkabbir tal-Unjoni. Smajt u rrikonoxxejt ħafna mit-tħassib dwar it-tkabbir. Huwa simili ħafna għal dak li tqajjem qabel l-2004. Madankollu, l-istorja wrietna li Unjoni Ewropea akbar li tkun ibbażata fuq objettivi, kriterji u merti ċari, tibqa’ sservi ta’ spazju ta’ investiment fil-paċi, fis-sigurtà, fl-istabbiltà u fil-prosperità fil-kontinent Ewropew. Huwa proċess b’eżitu li jkun ta’ ġid għal kulħadd. 

Il-Parlament Ewropew dan fehmu. Huwa għalhekk li kien l-ewwel istituzzjoni li talbet li l-Ukrajna u l-Moldova jingħataw l-istatus ta’ pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE s-sena l-oħra. Dan tahom prospettiva Ewropea ċara lil dawn in-nazzjonijiet u qed iservi bħala impetu qawwi biex jagħmlu progress fir-riformi demokratiċi. L-istess jista’ jingħad għall-Balkani tal-Punent.
Fl-istess ħin, filwaqt li dawn il-pajjiżi jirriformaw u jħejju ruħhom, jeħtieġ ukoll li nħejju ruħna biex nagħmlu l-istess. Dak li jaħdem għal Unjoni ta’ 27 Stat Membru mhux se jaħdem għal Unjoni ta’ 30, 33 jew 35 Stat Membru. Ma nistgħux ninqabdu mhux ippreparati. Jekk insibu ruħna f’sitwazzjoni fejn inħallu lil kulħadd imdendel, imbagħad m’għandniex nistagħġbu jekk il-vojt li nħallu jimtela minn ħaddieħor.

Is-sigurtà, id-difiża u l-migrazzjoni għandhom jingħataw prijorità fl-aġenda tagħna dwar ir-riforma. Jeħtieġ li nibdew naħdmu minnufih biex nibnu Unjoni vera ta’ sigurtà u difiża. Unjoni li tikkomplementa lin-NATO mingħajr ma tikkompeti magħha. L-Istati Membri jeħtiġilhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex iżidu l-infiq fuq id-difiża. Għax biex niżguraw il-lonġevità tal-proġett tagħna u s-sigurtà tal-istil ta’ ħajja tagħna, huwa ċar li għandna bżonn ir-riżorsi biex insostnuhom. Il-klima ġeopolitika attwali hija prova ta’ dan.

Dwar il-migrazzjoni, bi pjaċir ngħid li wara għaxar snin ta’ impass, issa ninsabu f’punt meta nistgħu nibdew nippjanaw it-triq ’il quddiem. Fuq il-mejda, hemm qafas legali olistiku li huwa ġust ma’ dawk li għandhom bżonn protezzjoni, sod ma’ dawk li mhumiex eliġibbli, u iebes ma’ dawk li jaqilgħu l-flus minn fuq il-persuni l-aktar vulnerabbli. Sistema Ewropea komuni xierqa għall-migrazzjoni u l-ażil li se tissodisfa l-aspettattivi taċ-ċittadini. Naf, u naqbel, li għad fadal ħafna xi jsir. Hemm ħafna lakuni fil-qafas attwali, anki f’dak li jinsab fuq il-mejda. Nagħtikom eżempju wieħed: id-differenza bejn deċiżjoni negattiva rigward l-ażil u deċiżjoni ta’ ritorn. Din ħarġet saħansitra aktar fid-dieher ftit ġranet ilu fil-qalba ta’ Brussell. Iżda ninsabu eqreb is-soluzzjoni minn qatt qabel. Għalhekk, ippermettuli nassigurakom dwar l-impenn sod tal-Parlament Ewropew li jiffinalizza dan il-pakkett leġiżlattiv sa tmiem il-mandat tiegħu.

Fil-bidu tad-diskors tiegħi, għamilt riflessjonijiet dwar il-valuri li jorbtuna flimkien bħala Ewropej, u dwar dak li jkun meħtieġ minna fis-sitwazzjoni attwali tagħna. Jeħtiġilna nastjenu milli nirriduċu dawn il-valuri għal sempliċi kunċetti u ideali astratti. Il-punt tiegħi hawnhekk huwa li, biex inwittu triq ġenwinament ekwa u ġusta ’l quddiem, jeħtieġ li jsiru ħafna aktar sforzi biex dawn il-valuri jissarrfu f’benefiċċji konkreti għan-nies. Kemm jekk fit-tranżizzjoni ekoloġika, kemm jekk fit-tranżizzjoni diġitali, pereżempju, dmirna huwa li niżguraw li l-politiki tagħna jkunu ambizzjużi biżżejjed biex jindirizzaw l-isfidi li qed niffaċċjaw, filwaqt li noffru wkoll inċentivi u xbieki ta’ protezzjoni reali għall-industrija u, b’mod kruċjali, li nibqgħu nqiegħdu lill-bniedem fil-qalba ta’ xogħolna. Dan ifisser li, biex dawn il-politiki jirnexxu u jinftiehmu, iridu jkunu adatti għan-nies.

Billi l-elezzjonijiet Ewropej se jsiru bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla, dan huwa aktar importanti minn qatt qabel. Il-biża’ tiegħi huwa li jekk ma naslux, jekk ninjoraw il-fatt li n-nies qed jgħidulna li huma inkwetati, se nerġgħu naraw żieda fl-estremiżmu. Huwa bilanċ li konvinta li nistgħu nsibu. Bilanċ li ninsab fiduċjuża li se jerġa’ jqanqal it-tama taċ-ċittadini fil-potenzjal tal-proġett tagħna.

Għalhekk l-appell finali tiegħi lilkom illum huwa li tingħaqdu miegħi f’dan il-mument kritiku ta’ tiswir mill-ġdid u ta’ riforma tal-Ewropa tagħna. Biex nirreżistu t-tentazzjoni ta’ ċiniżmu faċli li jirkibna malajr. Semmgħu leħinkom dwar kif tixtiequ li tkun l-Ewropa. Dan ma jgħoddx biss għas-sena d-dieħla fil-kabini tal-votazzjoni Ewropej – li huwa importanti. Iżda jgħodd għal-lum ukoll. Għandna nibdew diskussjonijiet kullimkien dwar it-trasformazzjoni tal-Ewropa. Nixtieq ħafna nwieġeb il-mistoqsijiet kollha tagħkom u, aktar importanti minn hekk, nisma’ l-ideat tagħkom.

Grazzi.