Il-President Metsola tiftaħ l-ewwel Assemblea Parlamentari ta' Sħubija UE-Renju Unit 

 

L-ewwel laqgħa tal-Assemblea Parlamentari ta' Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit saret fil-Parlament Ewropew fi Brussell. Fil-ftuħ tal-assemblea, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tkellmet dwar l-importanza li r-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tkun ibbażata fuq il-fiduċja u l-għaqda.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tkellem lill-Assemblea Parlamentari ta' Sħubija UE-Renju Unit

Onorevoli President Loiseau,
Onorevoli President (Sir) Heald,
Onorevoli Membri tal-Assemblea Parlamentari ta' Sħubija UE-Renju Unit,
Għeżież Ewropej,

Qabel ma nibdew, nixtieq infakkar il-wirt li ħallielna l-mibki The Right Honourable Lord Plumb, li għalih, fil-ġimgħa li għaddiet fi Strasburgu, din l-Istituzzjoni osservat minuta silenzju: f'unur l-impenn tiegħu lejn il-Parlament Ewropew u d-demokrazija Ewropea, bħala membru elett għal żmien twil. U f'ġieħ ir-riżultati li kiseb bħala President tal-Parlament Ewropew mill-1987 sal-1989.

Ktieb tal-kondoljanzi f'tifkira ta' Lord Henry Plumb huwa disponibbli għall-firem quddiem din is-sala tal-laqgħat. 

Huwa unur għalija llum nagħti merħba lill-parlamentari tar-Renju Unit. U huwa unur għalija niftaħ l-ewwel Assemblea Parlamentari ta' Sħubija UE-Renju Unit stabbilita fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni hawn fil-Parlament Ewropew.

Illum l-Ewropa għandha quddiemha sfidi mingħajr preċedent. U f'dan il-kuntest, nieħu pjaċir nara bosta wċuħ familjari f'din is-sala, peress li bosta delegati tar-Renju Unit kienu Membri tal-Parlament Ewropew. Diġà nafu lil xulxin tajjeb ħafna. Dan hu eċċellenti. Dan se jħalli lil din l-assemblea tkun immedjatament operattiva u jħallina nindirizzaw – flimkien bħala alleati – theddida għall-valuri Ewropej li tfaċċat bl-invażjoni militari illegali ta' Putin fil-konfront tal-Ukrajna. 

F'dawn l-aħħar ġimgħat rajt li hemm potenzjal enormi biex insaħħu r-relazzjonijiet tagħna, b'mod partikolari fil-politika barranija u fis-sigurtà, peress li r-Renju Unit ħa rwol ta' tmexxija fir-rigward tal-appoġġ lill-Ukrajna. 

L-azzjoni konġunta u l-kuntatti tagħna għaqqduna.

Bla ebda dubju, huwa fl-interess taż-żewġ naħat li nżommu kooperazzjoni mill-qrib u dejjiema biex nindirizzaw l-isfidi addizzjonali komuni marbuta mal-ekonomija, mal-kummerċ, mas-servizzi finanzjarji u mal-enerġija f'dinja dejjem aktar instabbli. 

Aħna magħqudin kontra l-avversità f'ħafna kwistjonijiet.

Meta ltqajt mal-President Zelenskyy f'Kiev ix-xahar li għadda, fit-toroq barra ma kont tara lil ħadd u ma' kull minuta li għaddiet kienet riesqa t-theddida ta' bumbardament, iżda kont impressjonata b'kemm kien hemm ħajja ġewwa r-Rada tal-Ukrajna. Kemm id-demokrazija kienet straordinarjament ħajja meta kellimt, wiċċ imb wiċċ, lill-membri f'sessjoni plenarja speċjali.

Din il-ġurnata timmarka bidu ġdid fis-sħubija tagħna bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Nixtieq li d-dibattiti f'din l-Assemblea Parlamentari ta' Sħubija jkunu wkoll ħajjin, produttivi u jiffjorixxu billi joħorġu b'soluzzjonijiet komuni għal problemi komuni. 

Biex dan isir, għandna bżonn il-fiduċja. Jeħtieġ li niftakru kemm għandna affarijiet li jgħaqqduna. U jeħtiġilna nżommu lura milli nieħdu azzjonijiet unilaterali li jkunu jikkompromettu l-għaqda tagħna u l-kollaborazzjoni tal-Punent tagħna kontra l-aggressjoni Russa. 

Fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq illum, bħala avukat ngħid li l-integrità territorjali tar-Renju Unit hija fundamentalment indiskussa. Dwar dan m'hemmx dubju. Fuq hekk m'hemmx għalfejn nitkellmu, indipendentement mir-riżultat tal-aħħar elezzjoni. Bl-isess mod, il-ftehimiet internazzjonali ġuridikament vinkolanti huma liġi. Għandhom jiġu rispettati. Il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira (ta' Belfast) tal-1998 li nnegozja l-paċi wara snin ta' diżordni li pperikola ħajjet in-nies huwa liġi. Il-ftehimiet ġuridiċi kollha maħsuba biex jevitaw fruntiera fiżika (hard border) fil-gżira tal-Irlanda, filwaqt li jħarsu l-integrità tas-Suq Uniku tal-UE, għandhom jiġu rispettati. In-negozjar mill-ġdid tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq mhuwiex għażla għall-Unjoni Ewropea. Dwar dan, l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea huma allinjati flimkien. Il-Parlament Ewropew diversi drabi tenna l-appoġġ deċiż tiegħu favur il-Protokoll. Nibqgħu totalment impenjati favur iż-żamma tal-paċi fil-gżira tal-Irlanda.

Iżda jekk jippersistu elementi li fuqhom ma jkunx hemm qbil fir-rigward tal-Protokoll u tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea ta' Ottubru 2021, huwa kompitu tagħna hawn li ngħinu biex jinsab tarfhom u flimkien insibu soluzzjonijiet fattibbli u flessibbli għan-nies u għall-impriżi tal-Irlanda ta' Fuq u, difatti, għaċ-ċittadini u għall-impriżi tal-UE fir-Repubblika tal-Irlanda wkoll.

Din l-Istituzzjoni sinċerament tirrispetta l-vuċi demokratika tal-poplu. Nemmnu fid-demokrazija parlamentari. B'dan quddiem għajnejna, nittamaw li aħna u nimxu 'l quddiem, ir-rappreżentanti kollha eletti demokratikament tal-Irlanda ta' Fuq isibu mod biex jiddjalogaw ma' xulxin fil-Parlament ta' Belfast maħsub apposta għal dan l-iskop.

Nemmnu wkoll li din l-Assemblea Parlamentari ta' Sħubija għandha tassew rwol x'tiżvolġi fil-monitoraġġ u fl-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ta' bejnietna. Bħala parlamentari tal-UE u tar-Renju Unit, aħna responsabbli li nżommu miftuħin il-flussi ta' komunikazzjoni bejn in-nies li eleġġewna. 

Id-dibattitu demokratiku u l-obbligu ta' rendikont huma fundamentali.

U l-UE u r-Renju Unit huma ħbieb bl-istess interessi għal qalbhom.

Fil-Parlament Ewropew, napprezzaw ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq. Napprezzaw il-kooperazzjoni mill-qrib magħkom, biex bis-saħħa tal-għarfien espert tagħkom, inkunu nistgħu nindirizzaw flimkien it-theddid tal-lum u ta' għada li qed jiżviluppa. Fuq kollox, nixtiequ nżommu relazzjoni pożittiva u stabbli mar-Renju Unit.

Issa ejjew nagħtu bidu lil dawn il-jumejn ta' laqgħat bejn il-Parlament u l-Assemlea. Ejjew inħallu lill-Parlamenti tagħna jidħlu fi sħubija dejjiema u ta' fiduċja.

Grazzi tal-attenzjoni.