F’ġurnata storika għall-Ewropa, l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola laqgħet lill-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy fil-Parlament Ewropew. Hi u tindirizza Sessjoni Plenarja speċjali, l-President Metsola wegħdet lill-President Zelenskyy aktar appoġġ. “Il-libertà se tirbaħ. Il-paċi se tirrenja. L-Ukrajna se tirbaħ.”
Ninsabu hawn illum f'din l-okkażjoni storika biex nilqgħu lill-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelenskyy, fil-Parlament Ewropew.
Dan hu mument straordinarju, fi żmien straordinarju. Għaddiet kważi sena mill-invażjoni brutali u illegali tal-Ukrajna, Stat sovran, min-naħa tar-Russja.
F'dan iż-żmien kollu, Sur President, it-tmexxija tiegħek ispirat il-poplu tiegħek u kull rokna tad-dinja. Meta lkoll kemm aħna naħsbu fl-Ukrajna, naħsbu f'eroj li jiġġieldu kontra kull diffikultà, f'David li jirbaħ lil Gulija. Naħsbu fl-ikoni tal-Gżira tas-Sriep, fil-gwerrieri ta' Mariupol, fil-liberaturi ta' tant bliet u rħula okkupati. Isimhom se jibqa' mfakkar għal ġenerazzjonijiet sħaħ.
Minkejja l-bombi li jaqgħu kuljum, il-qamħ tagħkom għadu jitma' lid-dinja. Meta terremot devastanti heżżeż lit-Turkija u lis-Sirja, l-Ukrajna rrispondiet u bagħtet ħaddiema tas-salvataġġ, tagħmir u għarfien espert. Din hi solidarjetà konkreta.
Kburija ngħid li din id-Dar tad-Demokrazija Ewropea, il-Membri tagħha, l-Unjoni Ewropea tagħna dejjem waqfu magħkom.
Nafu li qegħdin tiġġieldu mhux biss għall-valuri tagħkom, iżda wkoll għal tagħna. Għal dawk l-ideali li jorbtuna bħala aħwa. Li jagħmluna lkoll kemm aħna Ewropej.
Għax l-Ukrajna hija l-Ewropa u l-futur tan-nazzjon tiegħek huwa fl-Unjoni Ewropea.
Aħna konxji mis-sagrifiċċju li ċ-ċittadini tiegħek qegħdin jagħmlu għall-Ewropa, u rridu nonorawh mhux biss bil-kliem iżda wkoll bil-fatti:
bir-rieda politika biex naġevolaw il-kummerċ u nħaffu kemm jista' jkun il-proċess ta' adeżjoni; b'finanzjamenti għaċ-ċittadini tiegħek, bl-għajnuna għar-rikostruzzjoni, bit-taħriġ tas-suldati tiegħek; bit-tagħmir militari u bis-sistemi ta' difiża li għandkom bżonn biex tirbħu. U issa l-Istati jridu jikkunsidraw malajr, bħala l-pass li jmiss, il-forniment ta' sistemi għal distanzi twal u ġettijiet li għandkom bżonn biex tipproteġu l-libertà li wisq nies iqisuha n-normalità.
Ir-risposta tagħna trid tkun proporzjonata għat-theddida u t-theddida hija eżistenzjali. Kbirt nisma' l-istejjer tan-nanniet tiegħi dwar l-aħħar tliet ajruplani tal-ġlied ta' pajjiżi. Meta kollox kien jidher mitluf, meta ma kellhomx munizzjon, ikel u tama, kull ma kien fadal kienu tliet ajruplani qed jaqgħu biċċiet li semmew Faith, Hope u Charity, imsemmijin għal dak li kienu qed jiġġieldu għalih, għal dak li kienu qed jissugraw li jitilfu. L-ajruplani kienu jfissru ġurnata oħra ta' libertà, twila biżżejjed biex tilħaq tasal l-għajnuna. Kienu jfissru l-paċi.
Ma trid tikkonvinċi lil ħadd minna ta' kemm hu essenzjali li nappoġġaw lill-Ukrajna, li ngħinu lil kull min qiegħed jissagrifika ħajtu, li nsostnu l-valuri li nippritkaw b'miżuri konkreti, li niżguraw ir-rebħa, il-paċi reali, ibbażata fuq il-pjan tiegħek ta' 10 punti, il-ħtieġa li dawk li kkommettew delitti tal-gwerra jagħtu kont ta' għemilhom u l-protezzjoni tal-libertà għall-Ukreni kollha.
U rrid intenni l-wegħda li għamiltlek meta konna ltqajna Kiev April li għadda: tista' sserraħ rasek mill-appoġġ tagħna. Konna magħkom dakinhar, qegħdin magħkom issa u se nkunu magħkom sakemm ikun hemm bżonn.
Il-libertà se toħroġ rebbieħa. Il-paċi se ssaltan. Intom se tirbħu. Slava Ukraini.
You may find here the transcriptions of her speech per language: