Simone Veil emmnet li kien possibli li tittieħed tagħlima mill-kruha tal-passat u jinbena futur għall-Ewropa 

 

Bħala l-ewwel mara li ġiet eletta President ta' istituzzjoni Ewropea, Simone Veil trasformat il-Parlament Ewropew f'waħda mill-aktar għodda politiċi ewlenin u effettivi, li għandha leġġittimità popolari. Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet dan waqt li inawgurat bust ta' Simone Veil fi Strasburgu.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tikxef bust tal-ex President tal-Parlament Ewropew Simone Veil

"Waqt id-deportazzjoni, irriflettejt li jekk xi darba jirnexxilna noħorġu ħajjin mill-kamp ma jmissniex infittxu vendetta ġdida fil-konfront tal-Ġermaniżi iżda nippruvaw niksbu rikonċiljazzjoni."

Ħbieb,

Dan il-kliem tal-predeċessur tiegħi fit-tmun tal-Parlament Ewropew, il-priġuniera ta' Auschwitz 7 - 8 - 6 - 5 - 1, ma jsemmi la maħfra u lanqas ħniena. 

Kliem Simone Veil huwa msejjes fuq ir-raġuni, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi.

Filwaqt li kienet xhud u vittma ta' wieħed mill-aktar kapitli koroh tal-istorja Ewropea, ix-Shoah, Simone Veil, patrijotta Franċiża u pijuniera Ewropea, kienet temmen fl-umanità. 
Kellha fidi ferma fil-possibbiltà li l-bniedem jitgħallem minn imgħoddi kiefer u jibni mill-ġdid ġejjieni aħjar għall-Ewropa. 

Kien xieraq li fl-1979 Simone Veil issir l-ewwel president ta' Parlament Ewropew elett b'vot dirett universali u l-ewwel president mara ta' istituzzjoni Ewropea.

Simone Veil bidlet il-Parlament Ewropew f'attur politiku ġenwin, mogħni bil-leġittimità tal-poplu. Taħt it-tmexxija tagħha, il-Parlament Ewropew sar aktar indipendenti u magħruf. 

Simone Veil hija l-ewwel mara li rċeviet il-Premju Louise Weiss. Irċeviet ukoll il-Premju Charlemagne. 

Iżda, mill-2017 'il hawn, premju li jġib isimha jippremja l-aħjar prassi amministrattiva ta' dan il-Parlament f'termini ta' ugwaljanza, inklużjoni u diversità: il-Premju Simone Veil.  

Kuljum, nagħtu ġieħ lil Simone Veil meta nidħlu mill-bieb prinċipali ta' waħda mill-binjiet ewlenin tal-Parlament Ewropew u ngħaddu mill-Esplanade Simone Veil.

Iżda għalija, l-aktar wirt importanti ta' Simone Veil huwa li, b'dinjità u bla heda, iġġieldet għad-drittijiet tan-nisa.

U jekk illum jien ninsab hawn quddiemkom – bħala President ta' dan il-Parlament – dan nafu wkoll lilha, bis-saħħa tat-triq li wittiet għal miljuni ta' nisa biex ikunu jistgħu jsemmgħu leħinhom. 
Simone Veil, kuljum nonoraw it-tifkira tiegħek u l-wirt li għaddejt lin-nisa u lil ġenerazzjonijiet sħaħ.

Simone Veil, kemm personalment u kemm f'isem l-istituzzjoni, jiena grata lejk. 

Grazzi.

Nixtieq insellem lil Pierre-François Veil, wieħed minn ulied Simone Veil, li għandna x-xorti nilqgħu fostna llum. 

Insellem ukoll lil Jean-Louis Debré, ex President tal-Assemblea Nazzjonali u ex President tal-Kunsill Kostituzzjonali. Grazzi talli ngħaqadt magħna.

Nixtieq ukoll nirringrazzja lill-Fondazzjoni għal Strasburgu li llum għamlet donazzjoni ta' bust ta' Simone Veil lill-Parlament Ewropew. 

Nifraħ lil Sissy Piana, l-artista li ħolqot dan il-bust b'talent u delikatezza.

U grazzi wkoll lil Jean-Louis de Valmigère, li mingħajru xejn minn dan ma kien ikun possibbli.