Solidarjetà ma’ Iżrael u l-poplu tiegħu 

 

Illum il-Parlament Ewropew kellu mument solenni ta' solidarjetà mal-vittmi tal-attakki terroristiċi fl-Iżrael. Fid-diskors tagħha, akkumpanjata mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea u l-Ambaxxatur ta’ Iżrael għall-UE, il-President Metsola kkundannat l-atti terribbli ta’ terrur u talbet il-ħelsien immedjat tal-ostaġġi.

Nirringrazzjakom ilkoll talli tinsabu hawn illum. Naf kemm dan hu importanti għall-poplu ta’ Iżrael li ġarrab l-agħar attakk terroristiku f’ġenerazzjonijiet sħaħ. 

Jiena kburija li ninsab hawn illum flimkien ma’ tant minnkom. Il-preżenza tagħna hawn, barra mill-Parlament Ewropew, tfisser ħafna. Il-fatt li nġbarna fl-Agorà Simone Veil huwa simboliku. 
Il-vuċi tagħna hija importanti u l-pożizzjoni soda tagħna kontra t-terroriżmu hija kruċjali. 

Is-7 ta’ Ottubru jibqa’ mfakkar fl-istorja bħala jum ta’ infamja globali. Id-dinja rat lil Lhud jiġu assassinati sempliċement għax kienu Lhud. U dan reġa’ ġara, f’Iżrael. 

Ninsabu hawn, flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew, mal-President tal-Kummissjoni Ewropea u magħkom ilkoll, kollha magħqudin, biex nesprimu s-solidarjetà tagħna, nikkundannaw l-atti faħxin ta’ terrur u ta’ qtil u nitolbu li jinħelsu minnufih l-ostaġġi. 

L-Ewropa hija lesta tgħin fil-medjazzjoni tar-riżoluzzjonijiet, iżda dan għedtu qabel imma vallapena nirrepetih: m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni għat-terroriżmu. 

Ħamas huwa organizzazzjoni terroristika. Ma jirrappreżentax l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Palestinjan. Ma joffrix soluzzjonijiet. Joffri ċarċir ta’ demm. 

Jeħtieġ li kliemna jkun ċar. Fis-7 ta’ Ottubru l-militanti ta’ Ħamas qatlu aktar minn elf tarbija, tifel u tifla, mara u raġel innoċenti, u jżommu kważi 100 ruħ oħra bħala ostaġġ. Fetħu n-nar fuq mijiet ta’ żgħażagħ f’festival tal-mużika, fejn qatlu indiskriminatament, anki ċittadini tal-UE. Ħatfu anki tfal. Ħadu lil anzjani li rnexxielhom jibqgħu ħajjin mill-Olokawst u kaxkruhom ’il barra minn djarhom. Urew il-katavri f’parati fit-toroq qishom trofej.

Dan mhuwiex il-mument li naħarbu minn problema billi nisħqu li hemm anki problemi oħrajn, aktar gravi, x’nindirizzaw. Jeħtieġ li nkunu ċari dwar xiex qed nitkellmu: dan hu terroriżmu fl-agħar forma tiegħu. 

Ambaxxatur Regev, grazzi talli qiegħed hawn illum. Din hija l-Ewropa. Aħna miegħek.
U issa nitlobkom tosservaw mument ta’ silenzju biex niftakru fil-vittmi. 

You may find here the transcriptions of her speech per language: