Is-solidarjetà mal-Ukrajna trid tibqa' fuq nett tal-aġenda tagħna 

 

“Is-solidarjetà mal-Ukrajna hija eżistenzjali għall-Ukrajna daqs kemm hi għall-Ewropa”, qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola lill-mexxejja Ewropej fil-Kunsill Ewropew.

Dak li ġara fir-Russja qajjem numru ta’ mistoqsijiet relatati mad-dinamika interna tal-pajjiż u mal-fraġilità tas-sistemi tiegħu kif ukoll mal-effetti fuq l-invażjoni tal-Ukrajna u mas-sigurtà Ewropea b’mod ġenerali. 

Is-solidarjetà mal-Ukrajna trid tibqa’ prijorità tagħna. Hija ta’ importanza eżistenzjali għall-Ukrajna daqs kemm hi għall-Ewropa.  Għandna nżommu pożizzjoni stabbli, anki meta s-sitwazzjoni fix-xhur li ġejjin issir aktar diffiċli għall-Ukrajna. 

F’dan ir-rigward, nilqa’ b’sodisfazzjon il-11-il pakkett ta’ sanzjonijiet u l-appoġġ addizzjonali ta’ EUR 50 biljun għat-tiswija, l-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna li tħabbru l-ġimgħa l-oħra.  

L-intensifikazzjoni tal-isforzi se teħtieġ li nżommu l-wegħdiet li għamilna rigward il-ftuħ tan-negozjati dwar l-adeżjoni mal-UE. Kienu straordinarji l-impenn u l-isforzi sostanzjali li wriet l-Ukrajna fil-mixja tagħha lejn ir-riformi, anki biex tissodisfa r-rekwiżiti għall-istatus tagħha ta’ pajjiż kandidat tal-UE. 
Jeħtiġilna nkunu lesti li nieħdu n-negozjati dwar l-adeżjoni fil-fażi li jmiss meta l-kriterji ta’ riforma jkun ġew sodisfatti biżżejjed – u jien nittama li dan se jsir mill-aktar fis. 

Fiċ-ċentru tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża l-ġdida tagħna jrid ikun hemm il-fatt li nsaħħu l-bażi industrijali tagħna relatata mad-difiża, intejbu l-innovazzjoni, innaqqsu d-dipendenzi tagħna, insiru aktar awtonomi u nibnu l-fiduċja. Il-qbil politiku li lħaqna din il-ġimgħa dwar l-akkwist konġunt fid-difiża se jgħin lill-Istati Membri jkopru l-bżonnijiet tad-difiża tagħhom u jsiru aktar interoperabbli. Se jgħin ukoll lill-Ukreni, li jafdaw fuqna għall-forniment ta’ armi u munizzjon.

Il-progress fin-negozjati tagħna rigward l-Att b’Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon (ASAP) huwa wkoll inkoraġġanti u nibqa’ konvinta li, wara li xahar ilu l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu, se nilħqu qbil politiku fil-ġimgħat li ġejjin. 

Flimkien qegħdin inlaqqgħu lid-domanda mal-offerta. Kliemna qed jissarraf f’fatti. Qegħdin niksbu riżultati. 

U issa hemm bżonn li niksbu riżultati rigward arkitettura ġdida tas-sigurtà u d-difiża li fiha niżguraw li l-UE u n-NATO jkunu jistgħu jkunu komplementari għal xulxin, mingħajr ma noħolqu duplikazzjonijiet jew nagħtu l-impressjoni li qed jikkompetu ma’ xulxin. 

Hemm bżonn ukoll li niksbu riżultati fil-qasam tal-migrazzjoni, b’urġenza. Il-ġimgħa l-oħra ċ-ċimiterju tal-Mediterran bela’ l-ħajjiet ta’ 300 ruħ oħra, ħafna minnhom qatt mhu se jiġu identifikati. Dan ifisser 300 ħolma oħra li saru frak, 300 familja oħra mfarrka għal dejjem. 

Għamilna progress importanti. Il-Parlament Ewropew huwa lest li jaħdem – b’mod kostruttiv – biex tinstab triq ’il quddiem sa tmiem din il-leġiżlatura li tirrispetta l-fruntieri, li tkun ġusta ma’ dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni, soda ma’ dawk li mhumiex eleġibbli, u li tfarrak il-mudell kummerċjali tat-traffikanti li jisfruttaw lil dawk l-iktar vulnerabbli. Iridu jkunu l-liġijiet tagħna u l-qafas ġuridiku tagħna li jiddeterminaw ir-regoli, mhux ix-xbieki tat-traffikanti. Aktar ma nistennew, aktar b’saħħithom se jsiru dawn ix-xbieki u aktar se jinħasdu ħajjiet. Il-Frontex jiżvolġi rwol importanti u kruċjali f’dan l-aspett.  

Lanqas ma nistgħu ninjoraw id-dimensjoni esterna ta’ din il-kwistjoni. Ir-rwol tagħna jippermettilna nikkooperaw aktar mal-pajjiżi fl-Afrika u ninvestu fihom. Madankollu, ma nistgħux nagħmlu l-iżball klassiku li nkellmu lill-Afrika dwar dak li għandu x’jaqsam mal-migrazzjoni biss. Hemm bżonn li ninvolvu ruħna b’mod strateġiku fl-investimenti, fil-proġetti komuni u fi spirtu ta’ sħubija. Jeħtiġilna niddjalogaw mal-pajjiżi Afrikani fuq l-istess livell u mhux inkellmuhom u daqshekk, u nifhmu li jekk aħna nitbiegħdu, huma sempliċement se jfittxu sħab oħrajn. 

Għandna nerġgħu nikkunsidraw il-mod kif ninteraġixxu fid-dinja u nsibu bilanċ ġdid fir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi tagħna ma’ sħab fundamentali tad-dinja kollha. Mad-demokraziji tal-Amerka Latina, pereżempju, fir-rigward tal-materja prima kritika u mal-ftehimiet kummerċjali, li huma kruċjali biex isir progress fit-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika tagħna.

Għandna wkoll inqawwu d-djalogu ma’ pajjiżi bħall-Indja. 

L-Unjoni Ewropea hija t-tielet sieħeb kummerċjali tal-Indja u t-tieni destinazzjoni tal-esportazzjonijiet tagħha. Magħha naqsmu ħafna prijoritajiet, fosthom il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-iżvilupp teknoloġiku u s-sigurtà. Hemm tant opportunitajiet li ma jiġux sfruttati.

L-Ewropa kienet l-attur globali l-aktar influwenti fil-promozzjoni tal-aġenda internazzjonali f’dawk li huma dekarbonizzazzjoni, diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Dan huwa punt importanti. Madankollu, hemm bżonn jirnexxielna ntaffu aħjar l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ dawn id-deċiżjonijiet kollha. Għandna nispjegaw aħjar kif qed nagħmlu dan u għaliex huwa importanti. 

Iċ-ċittadini għandhom ikollhom fiduċja fil-proċess, u għandhom jifilħu jħallsu għalih. Għandna nisimgħu aktar u b’attenzjoni akbar liċ-ċittadini tagħna, lill-impriżi tagħna u liż-żgħażagħ tagħna. Għandu jkollna d-dehen biex ’il quddiem nifhmu kif inżommu l-appoġġ taċ-ċittadini 

L-inflazzjoni m’hemmx li tonqos. Il-familji qed iħabbtu wiċċhom ma’ tnaqqis tas-salarji reali. Il-Bank Ċentrali Ewropew qed jgħin biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata billi jżid ir-rati tal-imgħax. Imma anki din l-għażla għandha konsegwenzi soċjali u nagħmlu ħażin jekk ninjorawhom. 

Għalhekk, jekk irridu nieħdu bis-serjetà l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tagħna u nibqgħu kredibbli, għandna bżonn baġit tal-UE li jkun adatt għall-iskop.

Wasal il-mument li noħolqu riżorsi proprji ġodda. Hekk kif inħallsu lura d-dejn ta’ NextGeneration EU, sorsi ġodda ta’ dħul iridu jsiru disponibbli. Dan ma jistax ikun askapitu ta’ politiki u programmi tal-Unjoni li ilhom jeżistu żmien twil.

Ma’ dan jorbot il-bżonn li nadattaw il-baġit tal-UE fit-tul tagħna biex jirrifletti r-realtà attwali tagħna. M’hemmx l-iċken dubju, minn mindu ġie adottat il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali fl-2020, li d-dinja nbidlet u jeħtiġilna ninbidlu aħna wkoll magħha. Ilna snin sħaħ nitolbu reviżjoni tal-QFP u l-Parlament jinsab lest li jagħmel il-parti tiegħu.  Dan, barra minn hekk, huwa wkoll fundamentali għall-proġetti infrastrutturali li jistgħu jgħinu f’termini ta’ difiża u sigurtà, bħall-ferroviji li huma wkoll linji ta’ mobbiltà militari kritiċi.  Uħud minn dawn id-deċiżjonijiet jirrikjedu l-unanimità u lkoll kemm aħna se jkollna naqdu rwol.

Jirrigwarda l-fatt li l-ekonomiji tagħna jibqgħu validi għall-futur. U jikkonċerna wkoll il-mod kif nagħmlu dan il-proġett tagħna aktar b’saħħtu milli kien meta sibnieh.

Fix-xhur li ġejjin, il-qofol ta’ kollox se jkunu r-riżultati. Diġà l-proċess li bih naqblu fuq perjodu elettorali rriżulta diffiċli. Id-data predefinita hija bbażata fuq ir-realtà tal-1979, meta l-Unjoni kellha biss disa’ Stati Membri. Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nerġgħu nirriflettu dwar kif id-data tiġi ddeterminata. Issa qegħdin niddiskutu l-kompożizzjoni tal-Parlament: il-proposta tagħna għal-liġi elettorali qiegħda għandkom, iżda lill-Kunsill qed tkunlu diffiċli wisq jilħaq pożizzjoni fi ħdanu. Jekk hemm ħaġa waħda li nafu dwar il-proġett tagħna, hija li jekk nieqfu, nistaġnaw. 

Għandna proposta għal konvenzjoni bbażata fuq il-Konferenza estensiva tagħna dwar il-Futur tal-Ewropa.  Għandna nkunu lesti għat-tkabbir biex aħna wkoll, bħall-Moldova, l-Ukrajna u l-pajjiżi l-oħra tal-Balkani tal-Punent, nagħmlu riformi u nħejju ruħna.

Wasal il-mument ta’ bidla kollettiva fil-mod kif naħsbu. Ħafna diġà ħadu pożizzjoni f’din il-bidla ġeopolitika. Jeħtiġilna nagħmlu l-istess aħna wkoll.

Grazzi.
 

You may find here the transcriptions of her speech per language: