"Żmien l-awtokratiċi spiċċa" - il-President Metsola tindirizza l-Premju Internazzjonali tal-Karlu Manju ta' Aachen 

 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola għamlet diskors waqt iċ-ċerimonja tal-Premju Internazzjonali tal-Karlu Manju f'Aachen. Fid-diskors tagħha, hi tkellmet dwar dan il-mument fl-Ewropa. "Is-sigurtà kollettiva hi sfida komuni. Bħaċ-ċittadini ta' Aachen, irridu nibqgħu sodi: l-għaqda hi l-unika soluzzjoni," qalet Metsola.

President tal-Bundestag,
Ministru għall-Affarijiet Barranin,
Sindku tal-Belt ta' Aachen,
Rebbieħa tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju,
President tal-Bord tal-Premju Karlu Manju, 
Presidenti Pöttering u Schulz,
Ħbieb, 

Huwa unur u privileġġ li nindirizzakom hawn fil-Belt ta' Aachen, fl-okkażjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju 2022.

Belt magħrufa għall-istorja rikka u l-arkitettura impressjonanti tagħha. Magħrufa wkoll għas-suq tal-Milied affaxxinanti tagħha u li nagħmel mezz li nżuru kull sena mal-familja tiegħi. Belt li tinsab fit-tarf tal-Punent tal-Ġermanja, eżatt mal-fruntiera mat-Tramuntana tal-Belġju u n-Nofsinhar tan-Netherlands. Intersezzjoni ta' tliet fruntieri fil-qalba tal-Ewropa. 

Il-Belt ta' Aachen innifisha hija simbolu għall-proġett Ewropew tagħna. Huwa mill-aktar xieraq li l-Premju Internazzjonali Karlu Manju jitnieda u jingħata f'din il-belt fuq il-fruntiera ħolqa bejn nies minn pajjiżi differenti, u l-belt fejn għex Karlu Manju – "Missier l-Ewropa". 

Il-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen jirrappreżenta l-aqwa tal-Ewropa. Anke fl-agħar żminijiet, iċ-ċittadini tal-Belt ta' Aachen kienu sodi fit-twemmin tagħhom: l-għaqda biss tista' tiggarantixxi l-paċi fl-Ewropa. U għalhekk mit-tifrik tal-gwerra, twieled il-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen fil-Milied tal-1949. Premju li jagħti lill-Ewropa, u għalhekk lil-libertà u d-demokrazija, vuċi, billi kull sena jonora "ħidma eċċezzjonali mwettqa għall-għaqda Ewropea". 

U hekk ġara. 

Matul is-snin, il-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen ippremja personaġġi ewlenin jew korpi distinti li spikkaw bis-saħħa tal-ħidma eċċellenti tagħhom favur l-għaqda Ewropea. 

Għax kif nafu, ix-xogħol li sar għall-unifikazzjoni Ewropea m'għandux limiti. Fil-fatt, sa mill-2008, il-Fondazzjoni tal-Premju Karlu Manju u l-Parlament Ewropew taw ukoll il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej lil proġetti mmexxija miż-żgħażagħ li jippromwovu l-kooperazzjoni Ewropea u internazzjonali. Il-premju jenfasizza l-ħidma ta' kuljum miż-żgħażagħ madwar l-Ewropa biex tissaħħaħ id-demokrazija Ewropea u jappoġġja l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fit-tfassil tal-futur tal-Ewropa.

F'din is-sena ddedikata għaż-żgħażagħ, ħa rwol dejjem aktar importanti. 

Sinjuri,

Jien inqatta' ħafna mill-ħin tiegħi niltaqa' maż-żgħażagħ, niddiskuti magħhom u nipprova nifhem x'jixtiequ jaraw mill-Ewropa tagħhom. Huma jimpurtahom minn dan. Huma jinvolvu ruħhom f'dan. Huma ma ċedewx għaċ-ċiniżmu faċli li jikkaratterizza ħafna mid-diskors politiku tagħna. Huma jqisu l-politika bħala forza għall-ġid. Forza għal bidla pożittiva.

Il-politika hija importanti. Tfisser il-ġlieda tal-ideat f'ambjent li dejjem qed javvanza. Tfisser li niddefendu dak li nemmnu fih. 

U għeżież ħbieb, ftit nies ħallsu prezz ogħla għax jemmnu fil-qawwa tal-politika, għax jiddefendu d-demokrazija u dak li jemmnu fih, mir-rebbieħa ta' din is-sena tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen. 

Tliet nisa, tlieta mill-aktar mexxejja tenaċi, qalbiena u kuraġġużi, li għandi l-unur li naf: Sviatlana Tsikhanouskaya, Veronica Tsepkalo u Maria Kalesnikava.

Huma ma għażlux il-politika. Il-politika għażlithom bl-aktar modi brutali u krudili, iżda huma rreaġixxew u jiddefendu bis-sħiħ Belarussja ħielsa u demokratika. 

Il-bidla se titwettaq fil-Belarussja u meta tasal se jkunu dawn in-nisa li jġibuha.

Ir-reġim ta' Lukashenko fil-Belarussja jirrappreżenta dak kollu li l-Ewropa nbniet biex tirreżisti. L-awtorkrazija, id-detenzjoni arbitrarja, it-tortura. Affarijiet li jidhru inkomprensibbli għall-ġenerazzjonijiet iżgħar ta' Ewropej li jafu biss il-paċi, li għexu fl-Ewropa tagħna tad-demokrazija, tad-drittijiet, tas-solidarjetà, tal-ugwaljanza u tal-istat tad-dritt. 

Huwa faċli li wieħed iqis dawn il-valuri bħala ovvji, valuri li l-Belarussja qed tiġġieled għalihom. Valuri li wasslu biex huma jiġu eżiljati u mitfugħa l-ħabs.

Dan irid jieqaf.

Il-Parlament Ewropew żied l-isforzi tiegħu biex ikompli jirreżisti lir-reġim ta' Lukashenko. Aħna pprojbejna trasportaturi tal-ajru Belarussi milli jinżlu jew itiru fl-UE. Adottajna sanzjonijiet kontra Lukashenko u l-alleati tiegħu u reċentement approvajna wkoll riżoluzzjoni li tappella għal aktar. 

Għandna nappoġġjaw Belarussja demokratika futura u se nkomplu nagħmlu dan.

Għalhekk huwa tant importanti li llum qed nagħtu l-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen lil Sviatlana, Veronica u Maria. Nisa qalbiena li huma simboli ħajjin tal-patrijottiżmu, tal-ġlieda demokratika, tal-libertà u ta' dak kollu li tirrappreżenta l-Unjoni Ewropea. It-tmexxija tal-ġlieda għal bidliet demokratiċi minkejja l-konsegwenzi li jiffaċċjaw huma u l-għeżież tagħhom.

Ma nistax naħseb f'individwi li jixirqilhom aktar minn dawn.

Sinjuri, 

Id-dinja madwarna hija inqas konvivjali milli kienet ġenerazzjoni ilu. Milli kienet tliet xhur ilu.

Qed naraw dan bis-sitwazzjoni perikoluża fil-Belarussja. Qed naraw dan bil-gwerra illegali ta' Putin kontra l-Ukrajna. 

L-Ukreni u l-Belarussi qed iħarsu lejn l-Ewropa għall-appoġġ. Għaliex jafu dak li miljuni ta' Ewropej li kienu mġiegħla jqattgħu nofs seklu taħt il-madmad tal-purtiera tal-ħadid jgħidulkom: Ma hemmx alternattiva għall-Ewropa. 

Huma jgħidulna li l-paċi, id-demokrazija, il-libertà, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt ma jistgħux jitqiesu bħala ovvji, f'dinja fejn forsi diġà qegħdin inqisuhom hekk. Ħafna Ewropej illum iħossu l-appartenenza Ewropea permezz ta' affarijiet bħar-roaming bla ħlas, l-ivvjaġġar bi prezz baxx u l-faċilità tal-munita komuni tagħna. Meta għall-ġenituri u n-nanniet tagħna din l-appartenenza kienet ibbażata fuq il-paċi.

Bla dubju ta' xejn, iċ-ċittadini Ukreni u Belarussi mhux qed jiġġieldu biss għal ħajjithom. Qed jiġġieldu biex jippreservaw il-valuri komuni tagħna – dawk li aħna nsejħulhom il-valuri Ewropej tagħna. Din hija r-raġuni għaliex ftaħna qalbna u djarna għal 6 miljun Ukren, ippromulgajna sanzjonijiet qawwija kontra Putin u l-alleati tiegħu, u qed inkomplu nwasslu l-għajnuna lill-Ukrajna. 

L-istess impenn u appoġġ iridu jingħataw ukoll lill-ġirien tagħna tal-oppożizzjoni demokratika Belarussa, li ġew imġiegħla jgħixu taħt reġim awtoritarju.

Għal darb'oħra ninsabu f'mument deċiżiv għall-Ewropa. Is-sigurtà kollettiva tagħna hija sfida komuni. Bħaċ-ċittadini ta' Aachen, jeħtiġilna nibqgħu sodi: l-għaqda hija l-unika soluzzjoni tagħna. 

Hija r-responsabbiltà tagħna li niddefendu l-ordni bbażat fuq ir-regoli li aħna nirrispettaw. Li nsaħħu relazzjoni ta' interdipendenza bejn in-nazzjonijiet u l-popli li huma kburin bid-differenzi tagħhom, iżda li jifhmu li f'din id-dinja l-ġdida, il-futur jista' jkun biss flimkien. Jeħtiġilna nitkellmu b'mod qawwi biex niddefendu l-valuri tagħna.

L-Ukrajna jeħtiġilha tirbaħ din il-gwerra. Din mhix retorika vojta. Ir-Russja ma waqfitx fil-Belarussja. Ma waqfitx fil-Krimea. Għandna raġun ngħinu lill-Ukrajna.

In-nies qed iħarsu lejn l-Ewropa għat-tmexxija u d-direzzjoni, filwaqt li oħrajn se jkomplu jittestjaw il-limiti tal-valuri demokratiċi u l-prinċipji Ewropej tagħna. Jeħtiġilna niġġieldu n-narrattiva kontra l-UE li qed tinxtered daqshekk malajr u b'mod daqshekk faċli. Id-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni, in-nazzjonaliżmu, l-awtoritarjaniżmu, il-protezzjoniżmu, l-iżolazzjoniżmu u l-aggressjoni. Dawn huma illużjonijiet foloz li ma joffru l-ebda soluzzjoni. L-Ewropa hija preċiżament l-oppost. L-Ewropa tfisser li niddefendu lil xulxin, u nqarrbu lin-nies tagħna lejn xulxin. 

U biex inqarrbu lin-nies aktar lejn xulxin tinħtieġ kultura vera ta' approċċ minn isfel għal fuq. Approċċ fejn iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili jingħataw l-opportunità li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-proċess tal-iżvilupp tal-Unjoni tagħna. Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li kkonkludiet il-ħidma tagħha ġimagħtejn ilu kienet eżempju per eċċellenza ta' kemm kienet u għadha importanti l-kooperazzjoni tagħna. Eluf ta' ċittadini minn kull rokna tal-Ewropa kienu involuti fuq il-pjattaforma diġitali, fil-panels taċ-ċittadini, fil-gruppi ta' ħidma u fil-plenarji tal-Konferenza. Il-konklużjonijiet urew li ċ-ċittadini għadhom jemmnu fil-proġett Ewropew tagħna. Iżda ċ-ċittadini enfasizzaw ukoll li jistennew aktar mill-Ewropa – aktar minna. 

Jistennnew aktar minna fil-qasam tad-difiża. Fejn għandna bżonn politika ta' sigurtà u ta' difiża ġdida għaliex nafu li għandna bżonn ta' xulxin, li waħedna nkunu vulnerabbli. 

Jistennew aktar minna fil-qasam tal-enerġija u t-tibdil fil-klima. Fejn jeħtiġilna nappoġġjaw lil xulxin hekk kif ninħallu mid-dipendenza fuq ir-Russja u ninvestu f'sorsi tal-enerġija alternattivi u rinnovabbli. 

Jistennnew aktar minna fil-qasam tas-saħħa. Fejn jeħtiġilna nagħtu kas ta' dak li għallmitna l-pandemija u nagħmlu s-sistemi tas-saħħa tagħna interkonnessi, naqsmu bejnietna l-informazzjoni u nakkomunaw ir-riżorsi. 

Jistennew aktar minna biex nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-mudell ekonomiku tagħna. Hawn jeħtiġilna niżguraw biżżejjed flessibbiltà mingħajr ma norbtu idejn il-ġenerazzjonijiet futuri. 

Jistennnew aktar minna fil-qasam tal-migrazzjoni. Neħtieġu sistema li tkun ġusta ma' dawk li jeħtieġu protezzjoni, soda ma' dawk li ma jeħtiġuhiex, iżda b'saħħitha kontra min jabbuża mill-persuni l-aktar vulnerabbli fid-dinja.

U barra minn hekk, jistennew aktar minna f'dak li għandu x'jaqsam mal-ugwaljanza u s-solidarjetà. L-Ewropa tagħna jeħtiġilha tibqa' post fejn int tista' tkun dak li tixtieq tkun, fejn il-potenzjal tiegħek ma jkunx influwenzat mill-post fejn titwieled, mill-ġeneru tiegħek jew mill-orjentazzjoni sesswali tiegħek. Ewropa li tiddefendi d-drittijiet tagħna. Ewropa li ma tħalli lil ħadd jibqa' lura.

Din hija l-Ewropa li tinkorpora l-ispirtu ta' Aachen. 

Li l-Premju Internazzjonali Karlu Manju jiddefendi.

Li Sviatlana, Veronica u Maria jiġġieldu b'tant qawwa għaliha.

Sinjuri, iż-żmien tal-awtokrati spiċċa. L-aħħar dittatur tal-Ewropa se jaqa'. Il-Belarussja se tkun ħielsa.

Grazzi.