Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kienet f'Washington D.C. fejn indirizzat l-Università Johns Hopkins dwar 'l-Ewropa u l-Istati Uniti f'dinja ġdida'.
L-għodwa t-tajba lil kulħadd u nirringrazzjakom talli lqajtuni b’mod tant sabiħ.
Huwa unur li ninsab hawn fl-Università Johns Hopkins, istituzzjoni li sawret uħud mill-aktar imħuħ brillanti ta’ żminijietna. Post mibni fuq il-konvinzjoni li l-għerf, id-diplomazija u s-servizz mhumiex biss ideali, iżda forzi li jistgħu jbiddlu d-dinja. U meta nitkellmu dwar it-tiftix ta’ dinja aħjar, paċifika, libera, sigura u ġusta, wieħed minn dawk l-imħuħ laqat il-musmar fuq rasu meta qal: “Din il-biċċa tax-xogħol tat-tmexxija internazzjonali mhijiex it-tip ta’ inkarigu li xi darba jista’ jintemm. Il-perikli l-qodma qajla qatt jitilqu għalkollox, u l-ġodda jinbtu regolarment bħax-xemx ta’ filgħodu. Li ssib tarfhom b’mod effikaċi mhuwiex biss kwistjoni ta’ flus u forza. Il-pajjiżi u n-nies jeħtiġilhom jingħaqdu, u dan ma jseħħx spontanjament”.
Dan qalitu Madeleine Albright, waħda minnkom. Mara li fehmet li l-vera forza ma tiġix mill-iżolazzjoniżmu, iżda tiġi meta niddefendu xi ħaġa akbar. Dak l-iżolament jista’ jidher kenni, sakemm jabbandunak.
Tkellmet b’esperjenza. U proprju għalhekk iġġieldet għal dinja fejn in-nazzjonijiet ikunu kapaċi jingħaqdu, jikkollaboraw u anki jimxu ’l quddiem flimkien. Dinja fejn il-paċi, il-libertà u l-ġustizzja ma kinux biss ideali iżda responsabbiltajiet kondiviżi. Illum, dak l-ordni reġa’ għaddej mill-mument tal-prova. U meta ċ-ċittadini jħarsu lejn l-Ewropa u lejn l-Istati Uniti għat-tmexxija – bil-maqlub ta’ dawk li jemmnu li l-“poter huwa l-uniku dritt”, dawk li jippruvaw iħottu biċċa biċċa kull ħaġa li bnejna – inkunu qed nagħmlu żball storiku jekk nagħtuhom il-ġenb.
Id-dinja tafda fuq is-saħħa tar-relazzjoni trans-Atlantika. Relazzjoni li tmur lil hinn mill-kummerċ, min-negozju u mill-industrija kondiviżi, lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet politiċi immedjati. Għandha x’taqsam ma’ dak li nirrappreżentaw kollettivament għan-nies ta’ kullimkien.
In-nies li jinsabu taħt il-pressjoni tal-awtokrati jistennew mingħandna appoġġ. In-nies li fid-dinja kollha jisfaw attakkati minħabba dak li jemmnu fih u minħabba kif jaħsbuha jħarsu lejn il-bnadar tagħna bħala simboli ta’ libertà. In-nies li jinsabu taħt in-nar fil-front qed jiġġieldu favur l-istil ta’ ħajja li ż-żewġ blokok tagħna jirrappreżentaw.
Din is-sħubija hija importanti.
Ir-rabta ta’ bejnietna tmur lura sekli sħaħ. Mill-kunċett ta’ drittijiet naturali ta’ Locke għall-idea tas-separazzjoni tal-poteri ta’ Montesquieu, il-ħassieba Ewropej ispiraw il-prinċipji li huma s-sisien tan-nazzjon tagħkom. U min-naħa tagħkom, l-esperiment kuraġġuż li għamlet l-Amerka fid-demokrazija sar raġġ ta’ tama li kien ta’ ispirazzjoni għar-rivoluzzjonijiet u għall-movimenti għal-libertà fl-Ewropa kollha.
Eżatt bħall-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti li fiha hemm imnaqqxa d-drittijiet tal-poplu tagħhom, hekk jagħmlu l-liġijiet kostituttivi tal-Unjoni Ewropea. Bħalkom nemmnu fid-dinjità ta’ kull bniedem, nemmnu li kull persuna għandu jkollha l-istess opportunitajiet biex tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha. Bħalkom nemmnu fil-ġustizzja, nemmnu fid-dritt li dak li jkun iħossu sigur u jgħix fis-sigurtà. Bħalkom nemmnu fil-libertà – fil-libertà individwali, fil-kummerċ ħieles, fil-libertà li dak li jkun ma jaqbilx ma’ kif jaħsibha ħaddieħor u, il-pedament ta’ kollox, fil-libertà tal-kelma. F’dak il-prinċipju antik skont liema jaf ma jogħġobniex dak li ċerti persuni jgħidu, jaf noffendu ruħna b’dak li qed jingħad, iżda xorta dejjem u dejjem niddefendu d-dritt ta’ dak li jkun li jgħid kif jaħsibha. Nixtieq ninsisti fuq dan il-punt: l-Ewropa qatt ma rritrattat u qatt mhi se tirritratta dan kollu. Għaliex bħal fil-każ tagħkom, anki fil-każ tal-Ewropej, dawk id-drittijiet ma waqgħux mis-sema. Iġġieldu għalihom u ddefenduhom bi prezz inimmaġinabbli.
Kont għadni biss tifla meta, fis-salott tagħna, fuq skrin tat-televiżjoni kollu ross, rajt lin-nies, kbar u żgħar, akkaniti jħottu l-Ħajt ta’ Berlin. Meta l-Litwani ma warrbux minn quddiem il-karrijiet armati Sovjetiċi biex jiddefendu l-libertà tagħhom, meta l-moviment Pollakk Solidarność kiseb dak li ħafna ħasbu li ma kienx possibbli u ġiegħel reġim jinżel għarkupptejh. Forsi ma kontx fhimt l-importanza sħiħa ta’ dawk il-ġrajjiet, iżda niftakar dik is-sensazzjoni li qanqlu. Dik iż-żieda qawwija, sfrenata u li ma tistax tkissirha jew twaqqafha ta’ tama. Il-ferħ assolut ta’ tant miljuni ta’ nies li sa fl-aħħar kienu liberi li jkollhom rajhom f’idejhom. L-istejjer tal-Amerka u tal-Ewropa huma miktubin fis-sagrifiċċji ta’ dawk li taw kollox biex il-libertà toħroġ rebbieħa fuq it-tirannija.
Ilbieraħ kont Arlington. Diċembru li għadda attendejt il-kommemorazzjoni tat-80 anniversarju tal-Battalja tal-Ardennes flimkien mal-veterani tal-Istati Uniti li għadhom ħajjin u li ġġieldu kontra l-kesħa xxoqq il-għadam u kontra l-borra, li mtlew kollhom demm f’waħda mill-aktar kampijiet tal-battalja letali matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Iġġieldu mhux għax kienet ħaġa faċli, mhux għax kienet konvenjenti, imma għax kienu fehmu li l-ġlieda għal-libertà qatt mhi biss ġlieda għal nazzjon wieħed, li hija r-responsabbiltà ta’ dawk kollha li jemmnu fil-ġid aħħari.
Għalhekk ħloqna flimkien l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, sħubija li torbot il-kontinenti tagħna fid-difiża tal-libertà. Is-sena l-oħra, proprju hawn, f’Washington D.C., in-NATO ċċelebrat il-75 anniversarju. Dan jagħmel ir-relazzjoni trans-Atlantika tagħna l-alleanza li kisbet l-akbar suċċess fl-istorja.
Jiena kburija li jiena Ewropea, kburija li qiegħda fit-tmun ta’ Parlament li jtajjar il-bandiera għall-istil ta’ ħajja tagħna. Ta’ dan ma għandi l-ebda ndiema.
Iva, hemm lok għal titjib f’ċerti oqsma. Wieħed minnhom huwa ż-żieda fl-infiq fuq id-difiża. Mill-2021 l-Istati Membri tal-UE diġà żiedu l-baġits tagħhom għad-difiża b’31%. Għad li nafu li hemm bżonn nagħmlu aktar, u li hemm bżonn nieħdu saħansitra aktar azzjoni. Hekk se nagħmlu, u jeħtiġilna nagħmlu hekk. Se ndaħħlu jdejna fil-but biex niffinanzjawha, anki jekk dan ifisser nieħdu deċiżjonijiet ibsin li nafu huma neċessarji. Nafu li l-impenn tagħna jeħtieġ li jaqbel mal-livell ta’ theddid li għandna quddiemna. U dak it-theddid huwa ferm serju.
Kwistjoni oħra li hija prijorità assoluta fl-aġenda politika tagħna għandha x’taqsam mal-fatt li għandna nissemplifikaw, u mhux nikkumplikaw, is-sistemi tagħna u l-ħajja tal-eletturi tagħna. Fl-akbar eżerċizzju demokratiku multinazzjonali tad-dinja li sar Ġunju li għadda, kien hemm numru għoli wisq ta’ ċittadini Ewropej li marru jivvutaw minħabba sena ta’ frustrazzjoni u disprament. Forsi s-sitwazzjoni mhijiex daqshekk differenti fuq din in-naħa tal-Atlantiku.
Jiena ottimista minni nnifsi – iżda naħseb li ċertu grad ta’ analiżi awtokritika, ċerta kapaċità li nisimgħu u li nibdlu r-rotta, meta jkun meħtieġ, huma importanti. Huwa mod kif nuru li l-valuri tagħna mhumiex biss kliem miktub f’manuskritti qodma jew f’liġijiet arkajċi, iżda proprju bis-saħħa tagħhom li nistgħu nagħmlu, b’mod konkret, ħajjet iċ-ċittadini aħjar u aktar sigura. Huwa għax nemmnu f’dawn il-valuri li nistgħu naħdmu biex insibu soluzzjonijiet biex nagħmluhielhom aktar faċli lill-kumpaniji jagħmlu negozju mal-Ewropa u fl-Ewropa. Waqt iż-żjara tiegħi hawn, iltqajt ma’ industrijalisti Ewropej li għandhom attivitajiet enormi fl-Istati Uniti. Il-messaġġ li tajthom? Tistgħu sserrħu raskom mill-Ewropa. Iltqajt ukoll ma’ kumpaniji tal-Istati Uniti biex nispjegalhom l-approċċ Ewropew, li huwa ċċentrat fuq il-futur. Noffru kuntest favorevoli għan-negozju, għax fil-proċess ta’ riġenerazzjoni tagħna, inqis dan l-aspett opportunità għalina t-tnejn.
Xi wħud l-Ewropa jarawha bħala mużew. Għandhom żball. Il-kontinent tagħna huwa dak li kebbes ir-rivoluzzjoni industrijali, proprju dik il-magna li għenet lill-ekonomija Amerikana tittrasforma ruħha. Kienu l-irġiel u n-nisa ta’ dixxendenza Ġermaniża, Taljana, Irlandiża u Pollakka li xammru kmiemhom u tefgħu s-sisien għall-ġenerazzjonijiet tal-prosperità Amerikana. Saħansitra l-Istatwa tal-Libertà ssawret mill-azzar Ewropew.
L-Ewropa hija prevedibbli, affidabbli, kważi kważi bla gost. Fil-ġeopolitika, li tkun bla gost mhuwiex ħaġa negattiva. Tissottovalutawx il-valur li tkun bla gost. Tissottovalutawx l-għaqda, id-determinazzjoni, il-forza u d-disponibbiltà għall-azzjoni tal-Ewropa.
U l-Ewropa mhijiex biss storja tal-imgħoddi. L-Ewropa hija BMW, Volkswagen, Airbus, Lufthansa u Mercedes-Benz li jbiddlu l-mod kif id-dinja tmur minn post għall-ieħor. L-Ewropa hija Louis Vuitton, Ferrari, Hermès u Gucci, li juru li l-kwalità Ewropea qatt ma titlaq mill-moda. L-Ewropa hija Ericsson, Siemens, SAP, Spotify u Mistral, li joħorġu b’invenzjonijiet, huma innovattivi u jisbqu l-limiti. Barra milli jimpjegaw eluf ta’ nies anki fuq din in-naħa tal-Atlantiku.
Aħna kburin bl-istejjer ta’ suċċess Ewropej tagħna. Għalhekk il-filosofija ekonomika globali tagħna dejjem kienet dik li tappoġġja l-kummerċ ħieles, miftuħ u ġust mal-alleati tagħna. Issa dak ma jfissirx li dejjem se jkollna l-istess interessi, iżda ma għandux jiġġenera botta u risposta waħda wara l-oħra. Nistgħu nsibu mod kif ingawdu minn din is-sitwazzjoni lkoll kemm aħna. Din dejjem hi preferibbli milli sitwazzjoni li fiha jitlef kulħadd, meta jkunu biss dawk li jinsabu fuq ix-xaqliba tal-awtokraziji li jibbenefikaw mill-gwerer kummerċjali.
Għalhekk naħseb li għandna nitkellmu dwar ftehimiet kummerċjali pjuttost milli fuq dazji, dwar li ngħaqqdu l-forzi pjuttost milli dwar il-kuntrarju. Ma rridu ngħalltu lil ħadd. U dan l-atteġġjament li minnu jgawdi kulħadd dejjem se jkun l-approċċ ippreferut tagħna. Naturalment, fl-istess ħin, lesti għal kollox.
Għalhekk, ippermettuli nkun ċara: l-UE se tirreaġixxi b’mod sod u immedjat kontra ostakli inġusti għall-kummerċ ħieles u ġust, anki meta d-dazji jintużaw biex jikkontestaw politiki ġuridiċi u nondiskriminatorji. Ma nixtiqux naqbdu dik it-triq, iżda lesti.
Bħala President tal-Parlament Ewropew, nippresjedi Kamra magħmula minn 720 Membru, li ġejjin minn 27 pajjiż, mifruxin fuq 8 gruppi politiċi, li jitkellmu b’24 lingwa differenti. Jien u Mike Johnson nieħdu gost nikkompetu min minna għandu l-aktar biċċa xogħol diffiċli biex isib il-maġġoranzi.
Kif tistgħu timmaġinaw, mhux dejjem faċli ssib kompromess. Iżda nista’ ngħidilkom li kemm-il darba jirnexxielna. Għax skont kliem missier fundatur tagħkom, Thomas Jefferson, “mhux kull differenza ta’ opinjoni hija differenza ta’ prinċipju”.
Fil-fehma tiegħi, l-alleanza trans-Atlantika hija essenzjalment dak. Għalhekk tibqa’ teżisti maż-żmien. Hija sħubija mibnija fuq verità sempliċi iżda qawwija: aħna aktar b’saħħitna flimkien. Għaliex meta konna spalla ma’ spalla, biddilna l-kors tal-istorja. Bnejna sistema li, minkejja l-imperfezzjonijiet kollha tagħha, lin-nies tathom aktar libertà, aktar prosperità u aktar sigurtà minn kull alternattiva qatt setgħet għamlet. Illum, qed nintalbu nerġgħu nagħmlu l-istess.
Għalhekk, meta n-nies iħarsu lejn il-bandiera bl-istilel u l-istrixxi, ma jarawx biss bandiera, jaraw wegħda. Simbolu tal-ideal Amerikan. Hija l-istess wegħda li tirrappreżenta l-bandiera Ewropea. Għalhekk, meta l-popli li jgħixu fil-pajjiżi ġirien tal-Ewropa jqumu kontra l-awtokrazija, meta jinżlu fit-toroq jesiġu aktar libertà, jagħmlu hekk bil-bandiera bit-12-il stilla lewn id-deheb f’idejhom.
U llum, fl-Ukrajna, dik l-istess ġlieda għall-valuri u għall-ideali tagħna tkompli. Ilhom tliet snin sħaħ, l-irġiel u n-nisa kif ukoll it-tfal, li suppost ikunu l-iskola, jissugraw kollox biex iqumu kontra t-tirannija. U qed jagħmlu hekk mhux biss għalihom stess, iżda għalina lkoll. Għaliex nafu li meta d-demokrazija tkun mhedda xi mkien, dik it-theddida hija għalina wkoll, inkunu fejn inkunu.
F’ġieħ dawk kollha li jaraw l-istorja minn lenti differenti, nixtieq ukoll nagħmilhielhom assolutament ċara: l-Unjoni Ewropea hija, l-ewwel u qabel kollox, proġett ta’ paċi.
L-għan tas-6 pajjiżi li ngħaqdu biex jakkomunaw il-produzzjoni tal-faħam u tal-azzar tagħhom ftit wara li spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija kien biex ibiegħdu l-prospettiva ta’ gwerra brutali u letali oħra dejjem aktar. Biex “mhux biss ma tgħaddilhomx minn rashom, iżda li ssir materjalment impossibbli”. Il-paċi hija l-essenza tal-Unjoni Ewropea.
Għalhekk huwa ovvju li rridu l-paċi fl-Ukrajna. Dejjem ridnieha. Daqs ħaddieħor nafu sewwa l-prezz u l-qerda tal-gwerra. Għexuha ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Ewropej, u għadhom jiftakruha. Għalhekk aħna dejjem, dejjem, favur il-paċi.
Fl-istess ħin, jeħtieġ ukoll li nkunu onesti magħna nfusna: il-paċi mingħajr libertà, il-paċi mingħajr dinjità, il-paċi mingħajr ġustizzja, il-paċi mhux ibbażata fuq il-prinċipju “xejn dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna”, mhi paċi xejn. L-Ewropej li qattgħu nofs seklu taħt madmad wara l-Purtiera tal-Ħadid dan jafuh sewwa ħafna.
Mela, iva, ejjew nitkellmu dwar il-paċi. Dejjem hi ħaġa tajba. U ejjew inkunu ċari dwar xi tfisser il-paċi. Ukrajna mingħajr appoġġ, li ma tiflaħx tirreżisti, mhijiex se tkun f’pożizzjoni li ssib dik il-paċi tant diffiċli biex tinkiseb. Għalhekk waqafna mal-Ukrajna. Għalhekk għadna nieqfu magħha sal-lum.
Ma nistgħux nissottovalutaw il-periklu tassew reali li se jkun jeżisti jekk sempliċement nipposponu r-reazzjoni għal dak li qiegħed jiġri fil-preżent, li jista’ jirriżulta fi gwerra saħansitra aktar mifruxa minn hawn u ftit snin oħra. L-Ewropa ilha tgħidu dan sa mill-bidu nett. Qalha tajjeb ħafna l-President Franċiż Macron fil-bidu ta’ din il-ġimgħa. L-Ewropa lesta tagħmel il-parti tagħha biex tiggarantixxi l-paċi u l-istabbiltà fl-Ukrajna għaliex nafu li dan ifisser paċi u stabbiltà fl-Ewropa, u minn din is-sitwazzjoni jgawdi kulħadd.
Xi kultant jaf ma naqblux ma’ xulxin; it-tnejn se niddefendu l-pożizzjonijiet tagħna, iżda aħna ħbieb u sħab. Mhux għax aħna omoġenji, iżda għax l-akbar rebħiet tagħna ġejjin mill-konvinzjoni komuni tagħna li nagħmlu dak li hu xieraq. Proprju dan hu dak li jagħmilna tassew kbar. U nistgħu nagħmlu hekk aħna u niddefendu l-valuri tagħna, nonoraw l-eroj li mietu tagħna, insaħħu dawk l-ideali li, qabel xejn, għamlu l-kontinenti tagħna tant kbar. F’din id-dinja l-ġdida, dak irid ikun il-fanal li jiggwidana. Dak irid ikun l-ispirtu li jmexxina ’l quddiem.
Grazzi.