Fl-okkażjoni tal-5 sena mill-qtil barbaru tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ndirizzat il-folol fil-Belt Valletta. Fid-diskors tagħha, hi qalet li l-Parlament Ewropew se jkompli jiddefendi l-libertà tal-midja u l-ġurnaliżmu ħieles.
© Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tindirizza l-folol fil-Belt Valletta
Familja ta’ Daphne Caruana Galizia, Sinjuri, Kollegi f’din il-ġlieda għall-ġustizzja, Hu ta’ privileġġ li qegħda hawn, flimkien magħkom, bħala membru tal-Parlament Ewropew Maltija, u bħala President tal-Parlament, li dejjem irrikonoxxa l-ħidma ta’ Daphne Caruana Galizia. Magħqudin f’din il-ġlieda għall-ġustizzja. Grazzi tad-determinazzjoni u l-perseveranza.
Tul ħajjitha, fl-istejjer investigattivi li ħadmet dwarhom, Daphne Caruana Galizia imxiet bi prinċipju wieħed: dejjem tagħmel dak li għandha dmir tagħmel. Mhux li jaqblilha. Mhux li hu komdu. Mhux li hu popolari. Iżda dak li hu tajjeb. Dak li hu xieraq.
Dak hu l-prinċipju bażiku li jmexxi lin-nies ta’ ġieħ: it-tfixxija għall-verità, biex dak li hu ħażin jiġi espost, imwaqqaf u rranġat.
Ta’ dan għajruha. Żebilħuha. Iddemonizzawha. Heddew lilha u lill-familja - lilek Peter, Matthew, Andrew, Paul. Weġġgħu ukoll lilkom il-ġenituri Michael u Rose, lil ħutha Corrine, Mandy u Helene. Għaddewkom minn passjoni, u aktar ma jarawkom tweġġgħu aktar jieħdu gost.
Minkejja kollox Daphne Caruana Galizia qatt ma ħarset lura. Baqgħet miexja ‘l quddiem.
Mara tal-azzar. Mara ta’ prinċipju. Mara li tagħraf is-sewwa mill-ħażin.
Fl-aħħar iddeċidew li jistgħu isikktuha billi jisploduha. X’kefrija! Qatluha b’mod l-aktar barbaru. Bl-aktar mod brutali. Qatluha kważi quddiem binha.
Ħasbu li b’hekk se jsiktuha. Kellhom żball. Jekk f’ħajjitha ċaqalqet ħafna affarijiet, f’mewta għamlet terremot li heżżeż lill-pajjiż. Terremot li nfirex ’il bogħod minn xtutna.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OSCE, għaqdiet internazzjonali u f’pajjiżna, lista ma tispiċċa qatt li mhux biss tawha ġieħ, iżda komplew l-investigazzjonijiet li bdiet hi.
F’ħajjitha kienet mara waħedha, b’laptop f’idejha. U li bih kienet twassal leħinha. Meta qatluha ma baqetx waħedha. Meta assassinawha leħinha mhux issikket, iżda beda jinstema aktar. U mhux Malta biss, imma mad-dinja kollha.
Daphne llum hija ħajja f’kull wieħed u waħda minna. Illum aħna leħen Daphne.
Dan ipoġġi fuq kull wieħed u waħda minna responsabbiltà kbira. Aħna responsabbli li naħdmu biex il-valuri li stinkat għalihom hi, nistinkaw għalihom aħna.
Daphne Caruana Galizia ħadmet għat-trasparenza, għall-onestà u għall-kontabbilità fil-ħajja pubblika. Insistiet li kulħadd jaqdi dmiru u jieħu responsabbiltà għal għemilu.
Hija iġġieldet kontra l-korruzzjoni għax għarfet li l-korruzzjoni kemm ta’ xi politiċi, jew ta’ xi negozjanti, fosthom dawk msieħba ma’ politiċi, hija s-susa li tnawwar lis-socjetà.
Hija għarfet li bil-korruzzjoni jistgħanew il-ftit biex jiftaqru l-ħafna, għax bil-korruzzjoni l-aktar li jintlaqtu ħażin huma l-fqar.
L-istinkar ta’ Daphne għal dan kollu għamluha l-mara Ewropea per eċċellenza!
L-arma tagħha kien il-ġurnaliżmu ħieles li ipprattikat. Hija għarfet il-qawwa tal-ġurnaliżmu ħieles biex jinkixef it-tnawwir li jista’ jkun hemm fis-soċjetà. Hija għarfet li l-ġurnaliżmu ħieles huwa aktar b’saħħtu mis-setgħa li jħaddnu l-korrotti. Hija għarfet li d-dawl li jixgħel il-ġurnaliżmu ħieles, jitfi d-dlam li fih jistkennu d-diżonesti.
Is-sena l-oħra, il-Parlament Ewropew ivvota b’maġġoranza b’saħħitha favur rapport biex l-Unjoni Ewropea jkollha regoli kontra l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti, biex iwaqqfu lil min jipprova jkisser lill-ġurnalisti: regoli magħrufa bħala SLAPP. Il-Parlament Ewropew hu favur ġurnaliżmu ħieles, favur demokrazija b’saħħitha. U mhux se nieqfu hawn. Xahar ilu ġiet ippreżentata liġi imsejħa - Media Freedom Act. B’hekk infetħet it-triq li ilna mexjin fiha biex ikollna liġi f’kull pajjiż Ewropew.
Dak li għamlet Daphne u l-prezz li ħallset ġie mfakkar fil-Parlament Ewropew fosthom billi s-sala li fiha jsiru l-konferenzi tal-aħbarijiet issemmiet ‘Sala Daphne Caruana Galizia’. Tnieda l-Premju għall-Ġurnaliżmu iddedikat għaliha. Dawn huma biss żewġ ħoloq, f’katina ta’ inizjattivi li mhux biss ifakkru lil waħda minn fostna imma jixhdu l-istima dejjiema li tgawdi l-pinna ta’ Daphne Caruana Galizia.
Qegħdha hawn flimkien biex inwasslu sinjal ċar: li nemmnu f’din il-kawża, u nemmnu li din hija kawża rebbieħa.
Jekk nirriflettu, nindunaw li rari nkiseb dan kollu minn tant ftit. Għalhekk taqtgħux qalbkom. Nagħmlu kuraġġ b’dak kollu li nkiseb sa issa.
Fadal ħafna x’jinkiseb biex isaltnu tassew is-sewwa, il-verità u l-ġustizzja. Iżda r-rieda tagħna hija soda. Jieħu kemm jieħu żmien.
Nifs għandna, determinazzjoni għandna, kawża ġusta għandna. Allura quddiem dan kollu kif nistgħu ma nirbħux? Ir-rebħa tasal żgur. Għal Daphne, għalina u għal Malta li tant inħobbu.
Grazzi.