Il-Parlament Ewropew jfakkar il-Jum Internazzjonali tar-Roma 

 

Matul is-Sessjoni Plenarja, il-Parlament Ewropew fakkar il-Jum Internazzjonali tar-Roma. Fid-diskors tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li nies Roma li jgħixu fi ħdan il-fruntieri tal-Unjoni tagħna għandhom igawdu l-istess drittijiet, l-istess trattament iżda wkoll, l-istess opportunitajiet, l-istess ċansijiet bħal kull ċittadin Ewropew ieħor.

Għeżież kollegi, 

Il-Jum Internazzjonali tar-Rom huwa jum biex niċċelebraw il-kultura, l-istorja u l-lingwa Romani u jagħti ġieħ lill-akbar minoranza etnika tal-Ewropa. Il-persuni Romani jistgħu jkunu kburin bħala Ewropej. Kburin bil-kontribut li jagħtu lill-mużajk imżewwaq tas-soċjetajiet Ewropej tagħna. 

Jiffurmaw parti integrali mill-komunitajiet tagħna. Iżda minkejja dan, ir-realtà hi li wisq irġiel u nisa Romani għadhom jgħixu fix-xifer tas-soċjetà fl-Ewropa. 

Mhuwiex aċċettabbli li d-diskriminazzjoni u r-razziżmu għadhom jifnu lis-soċjetajiet tagħna. Il-persuni Romani ilhom wisq ibatu minħabba prekunċetti u preġudizzji bla bażi: aċċess limitat għall-edukazzjoni, diffikultajiet biex jidħlu fis-suq tax-xogħol u assistenza insuffiċjenti fil-qasam tas-saħħa huma biss uħud mill-inġustizzji li l-persuni Rom iħabbtu wiċċhom magħhom. 

Fl-Ewropa tagħna, ngħożżu d-differenzi tagħna, it-tradizzjonijiet uniċi tagħna, il-kulturi tagħna u d-diversità tagħna. Nafu li fihom tinsab il-forza vera tagħna. Dan ifisser li l-persuni Rom li jgħixu fi ħdan il-konfini tal-Unjoni tagħna jeħtiġilhom igawdu mill-istess drittijiet, mill-istess trattament iżda wkoll, mill-istess opportunitajiet u mill-istess possibbiltajiet bħal kull ċittadin Ewropew ieħor. It-tfal Romani għandu jkollhom ir-raġunijiet kollha biex jistennew li l-Ewropa twegħedhom li toffri soluzzjonijiet għalihom ukoll. 

Fil-Parlament Ewropew, se nkomplu nagħmlu l-biċċa tagħna biex ninċentivaw bidla pożittiva. Dan jibqa’ sforz bla heda, iżda flimkien jiena fiduċjuża li se jirnexxilna niksbu futur aħjar, aktar ugwali u aktar ġust għalina lkoll.