Il-Parlament Ewropew hu fuq in-naħa tal-bniet tal-Iran 

 

Fil-ftuħ tas-Sessjoni Plenarja fi Strasburgu, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rreferiet għas-sitwazzjoni fl-Iran, wara l-mewt brutali ta' Mahsa Amini. Fid-diskors tagħha, l-President Metsola laqgħet lill-Professur Azedah Kian, u qalet li l-Parlament Ewropew hu fuq in-naħa tan-nisa tal-Iran li qed jitolbu bidla.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tindirizza s-sessjoni plenarja fi Strażburgu

Għeżież kollegi, Is-sitwazzjoni fl-Iran għadha tqajjem tħassib. 

Id-dinja semgħet l-għajta ta': Nisa. Ħajja. Libertà. Tliet kelmiet li saru għajta ta' protesta għal dawk kollha li jiddefendu l-ugwaljanza, id-dinjità u l-libertà fl-Iran. 

Il-mewt brutali ta' Mahsa Amini, tfajla ta' 22 sena, immarkat punt ta' żvolta. 

Kollegi, huma bniet l-Iran li, minkejja li jinsabu taħt pressjoni dejjem akbar, qed imexxu l-moviment għall-bidla. Huma n-nisa li jwettqu l-bidla, appoġġati minn tant alleati u ħbieb kuraġġużi. 

Magħna llum fil-Kamra għandna lill-Professoressa Azedah Kian. Professoressa Kian, lilek u lil kull tfajla li qiegħda tiġġieled għal drittijietha fl-Iran, ippermettuli ngħidilkom li m'intomx waħedkom, dan il-Parlament Ewropew huwa kburi li jieqaf ma' kull min qiegħed jitlob bidla. Aħna magħkom. 

Mahsa Amini mhijiex se tintnesa. U mhumiex se jintesew Hadis, Minoo, Ghazaleh, Hananeh, Hayedeh, Mahsa, Noka u ħafna, ħafna oħrajn. Għan-Nisa, għall-Ħajja, għal-Libertà.