Il-Parlament Ewropew mhux se jagħlaq għajnejh għall-atti kriminali Russi 

 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fetħet l-esebizzjoni Atti Kriminali tal-Gwerra Russi fil-Parlament Ewropew. Kollezzjoni ta' ritratti li juri l-atroċitajiet tal-gwerra fl-Ukrajna u l-krueltà tar-reġim ta' Putin. Fid-diskors tagħha, l-President Metsola qalet li l-kriminali tal-gwerra għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, tiftaħ il-wirja "Delitti tal-Gwerra mwettqa mir-Russja" fiċ-Ċentru tas-Soċjetà Ċivili tal-Ukrajna fil-Parlament Ewropew

Prim Ministru Shmyhal,
Kummissarju Reynders,
Sinjuri Ambaxxaturi,
Sur Andrii Yermak, 
Sur Victor Pinchuk,
Mistednin distinti,

Huwa pjaċir għalija li nilqagħkom illum fl-iStation Europe tal-Parlament Ewropew għall-ftuħ tal-wirja dwar id-Delitti tal-Gwerra mwettqa mir-Russja, imtella' mill-PinchukArtCentre. L-iStation Europe tagħna huwa bini simboliku. Huwa pont bejn l-Ewropa u d-Dar tad-Demokrazija Ewropea. Minn Marzu, beda jospita wkoll iċ-Ċentru tas-Soċjetà Ċivili tal-Ukrajna. Dan huwa post fejn l-Ukreni jistgħu jiltaqgħu u jikkoordinaw attivitajiet biex jgħinu lill-Ukrajna, u b'appoġġ għad-demokrazija. 

Nixtieq nibda billi nifraħ lill-organizzaturi talli tellgħu din il-wirja li, għalkemm hija ta' qsim il-qalb, tant hija importanti. Ġabra ta' ritratti li juru l-atroċitajiet tal-gwerra fl-Ukrajna u l-krudeltà tar-reġim ta' Putin. Il-qerda, it-tbatija taċ-ċivili, is-skiet li jtarrax li jiġi wara l-isplużjoni tal-bombi, il-qtil tal-massa f'Bucha u fi bliet Ukreni oħra mhu se jħallu lill-ebda bniedem li jżur il-wirja indifferenti. Dawn ir-ritratti huma xhieda tas-sagrifiċċju tal-Ukreni, f'ġieħ il-libertà kollettiva tagħna.

F'Marzu, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ddikjarat li l-gwerra ta' Putin hija illegali u ordnat is-sospensjoni immedjata tal-operazzjonijiet militari tar-Russja fit-territorju tal-Ukrajna. Dan id-digriet għandu effett vinkolanti fuq ir-Russja skont id-dritt internazzjonali.

F'Marzu wkoll, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għamlet appell lill-gvern Russu biex iwaqqaf l-attakki militari kollha kontra ċ-ċivili u l-infrastruttura ċivili u biex jiżgura s-sikurezza immedjata tal-istabbilimenti mediċi u tal-persunal mediku fl-Ukrajna. Ir-reazzjoni kodarda tar-Russja kienet li tirtira mill-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-Ukrajna ma qatgħetx qalbha. Minflok, ressqet talba formali lill-Qorti kontra r-Russja, proċedura rari mfassla biex tistabbilixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem. 

Prim Ministru Shmyhal, nixtieq nassigurak li l-Parlament Ewropew mhux se jinjora dawn l-atti orribbli kontra pajjiżek, kontra l-poplu tiegħek. Aħna nieqfu b'mod sod mal-ħbieb Ukreni tagħna u se nagħmlu dak kollu li hemm bżonn biex l-awturi ta' dawn id-delitti jitressqu quddiem il-ġustizzja. 

Din il-Kamra se tkompli tkun wieħed mill-akbar sostenituri favur it-twaqqif ta' tribunal internazzjonali speċjali biex Putin, Lukashenka, il-mexxejja politiċi u militari, il-kmandanti u s-suldati Russi – kull wieħed u waħda minnhom – jinżammu responsabbli għall-atti ta' aggressjoni tagħhom. U aħna lesti wkoll li nipprovdu r-riżorsi umani u baġitarji kollha meħtieġa u l-appoġġ amministrattiv, investigattiv u loġistiku għal dan il-għan. 

Nappoġġaw bis-sħiħ l-investigazzjoni li beda l-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali dwar id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità mwettqa mir-reġim ta' Putin. Nemmnu wkoll li għandha tingħata assistenza lill-Prosekutur Ġenerali Ukren għall-ġbir ta' provi. 

Putin irid futur li fih il-purtieri tal-ħadid jingħalqu, li fih jirbaħ min hu l-aktar b'saħħtu u li fih il-libertà u d-dinjità personali jiċċaħħdu. Bl-azzjonijiet tagħha, huwa ċar li r-Russja tridna nerġgħu lura għal passat li konna rfajna għall-kotba tal-istorja. Passat li fih l-integrità ġeografika tal-Ewropa u l-libertà tal-Ewropa li tagħżel ma' min tikkoopera u kif tintegra huma kkontestati. Il-bersalji veri huma d-demokrazija, il-libertà u l-verità. L-istil ta' ħajja tagħna hu meqjus bħala theddida għall-awtokrazija.

Dan hu passat li ma nistgħu qatt nerġgħu lura għalih.

Se nressqu lil dawn il-kriminali quddiem il-ġustizzja.

Għall-Ukrajna. Għall-Ewropa. Slava Ukraini!